Ittra Kumitat Eżekuttiv – Awwissu 2018

ASSUMPTAFEST!

Il-ftuħ tal-festi esterni…ad unur Ommna l-Assunta

l-Erbgħa 8 t’Awwissu 2018… Il-Kunċert Annwali tas-Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija!
Il-Banda Santa Marija, taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Joseph Grech, ser tippreżenta l-kunċert mużikali “ASSUMPTAFEST”,
nhar il-Erbgħa 8 ta’ Awwissu fi Triq il-Knisja [ħdejn il-każin], ż-Żebbuġ Għawdex fit-8.30pm. Dan il-Kunċert qed jiġi
organizzat flimkien u b’inizjattiva tal-Kunsill Lokali taż-Żebbug u bil-għajnuna tal-Ministeru għal Għawdex; taħt il-
patroċinju tal-Ministru għal Għawdex, Dr Justyne Caruana. Matul dan il-kunċert, il-banda Santa Marija ser tkun qed
tippreżenta lill-udjenza diversi siltiet mużikali. Il-protagonisti prinċipali ser ikunu għal darb’oħra l-bandisti tal-Banda
Santa Marija.

Ser nagħtu wkoll numru ta’ rikonoxximenti lil persuni li matul is-snin li għaddew taw kontribut siewi lis-Soċjeta`
Filarmonika Santa Marija kif ukoll lir-raħal tagħna; fosthom il-premju ‘Ġieħ il-Banda’ u l-premju ‘Bandist/a tas- Sena’.
Nifirħu wkoll lil bandist Tristan Cini li ser issirlu l-vestizzjoni bħala bandist ġdid mal-Banda Santa Marija wara xhur u
snin ta’ studju. Ma’ jonqsux messaġġi tal-okkażżjoni mill-Arċipriet Dun Reuben Micallef, l-President tas-Soċjeta’ Dr.
Anthony Dimech M.D. u mill-Ministru għal Għawdex l-Onor. Justyne Caruana M.P.

Dan il-kunċert ser ikun festa mużikali għal kulħadd…għalhekk nħeġġukom biex iżżommu dan l-appuntament magħna
filwaqt li tħajru oħrajn jattendu. L-attendenza tagħkom hija żgur l-aqwa appoġġ u apprezzament għall-bandisti tagħna.
Infakkrukom li s-Soċjeta` Filarmonika Santa Marija tinvesti numru sostanzjali ta’ finanzi biex jirnexxiela ttella’
programm professjonali. Għaldaqstant, nħeġġukom tikkontribwixxu kemm tistgħu fil-ġabra li ssir waqt il-kunċert.
Fl-aħħar imma mhux l-anqas grazzi kbira tmur lil dawk kollha, fosthom lil bandisti Żebbuġin u bandisti oħrajn, Surmast
u Asst. Surmast u l-Kumitat li bħalissa għaddejjin bl-arranġamenti u l-preparazzjonijiet meħtieġa biex jittella’ dan il-
programm mużikali. F’dan il-Kuncert l-element ta’ sorpriża ma’ jonqosx…għalhekk żommu din id-data libera u ngħaqdu
magħna għal din l-avventura mużikali.

 

 

TLESTIJA TA’ DIVERSI PROĠETTI…TLEST
Din is-sena l-Kunċert Assumptafest ser jerġa jkun wieħed speċjali hekk kif ser iservi ta’ vetrina għad-diversi proġetti li
tlestew jew għaddejjin minnhom. Bi pjaċir ninfurmawkom li tlesta l-ewwel parti tax-xogħol marbut mat-taraġ li jagħti
għas-sala tal-każin. Issa wara li tgħaddi l-festa, jibda ix-xogħol fuq iz-zokklatura u l-kument tat-taraġ. Sadanittant
tlesta wkoll ix-xogħol u ser jibda it-twaħħil tal-ħabbati l-ġodda tal-bieb prinċipali kif wkoll it-tlestija ta’ sett purtieri mill-
isbaħ fis-sala tal-Każin. Grazzi lil dawk kollha li kienu t’għajnuna u ħadmu fuq dawn il-proġetti.

MARĊIJIET MATUL IL-FESTA
Minbarra il-kunċert annwali, għal dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-mużika u l-baned, nassigurawkom li fil-festa
ser ikolkom numru t’okkażjonijiet fejn wieħed ikun jista’ jgawdi numru ta’ servizzi bandistiċi. Hawn taħt għandkom in-
numru ta’ marċi li ser jittellgħu din is-sena fil-festa tagħna.

  • il-Ħamis 9 t’Awwissu 2018 fit-8:00p.m. Fit-8.00p.m. Marċ mill-Banda ‘Viżitazzjoni’ tal-Għarb minn ħdejn il-Każin tas-Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija fi Triq il- Knisja sal-Knisja Parrokkjali, fejn l-istess Banda takkumpanja l-ħruġ tal-Istatwa ta’ Santa Marija minn niċċa fost il-kant tal- innijiet reliġjużi. Wara l-istess Banda tkompli ddoqq Marċi brijużi fit-toroq ewlenin tar-raħal.

 

  • Il-Ġimgħa 17 t’Awwissu 2018 fid-9:30p.m. Fid-9.30p.m. Dimostrazzjoni bl-istatwa ta’ Santa Marija ta’ barra (Kav Agostino Camilleri. 1962) akkumpanjata mill- Banda ‘Santa Marija’ taż-Żebbuġ u mill-Banda ‘Victory’ tax- Xagħra li tibda minn Triq is-Sellum, Triq Lampuka, Triq Dun
    Karm Cachia, Triq Mons. Guzeppi de Piro, Triq Sant’ Indrija, Triq Ġoma, Triq il-Knisja sa’ Pjazza l-Assunta. F’11.45p.m. waqt il-kant ta’ l-Innu Popolari lill-Assunta, l-istatwa ta’ Santa Marija tittella’ fuq il-pedestall fi Pjazza l-Assunta. Wara it- tlugħ ta’ Santa Marija fuq il-Pedestall, insegwu multivisual feature maħdum mis-Sezzjoni Żgħażagħ

 

  • Is-Sibt 18 t’Awwissu 2018 fid-10:15p.m Marċ mill-Banda ‘San Girgor’ ta’ Kerċem li jibda minn Pjazza l-Assunta lejn il-Każin tal-Banda u lura fi Pjazza l-Assunta f’Nofs-il-lejl. Fil-10.15p.m. il-Banda Santa Margerita ta’ Sannat ittella’ programm mużikali fuq il-planċier fil- Pjazza Il-Ħadd 19 t’Awwissu 2018 fil-11:30a.m. Marċ Kbir ta’ filgħodu (minn ħdejn il-Każin għall-Triq Għajn Mhelel, Triq Għażżiela, Triq il-Madonna taċ-Ċiċri u ngħalqu fi Pjazza l-Assunta).

 

  • Il-Ħadd 19 t’Awwissu 2018 fis-7.30p.m. IIl-Banda ‘Santa Marija’ issellem lil Santa Marija bl-Innu ‘Alla Beata Vergine Maria Assunta in Cielo’, fuq versi ta’ Giuseppe Serafino Cutajar u mużika ta’ Mro. Willie Attard, bis-sehem tal-Baritonu Godwin Cini, t-Tenur Matthew Cini, s-Sopran Jacqueline Vella u l-Kor ‘Santa Marija’. Wara l-Banda ‘Santa Marija’ taż-Żebbuġ iddoqq l-Innu Popolari lill-Assunta u takkumpanja l-Purċissjoni b’Marċi u innijiet Reliġjużi. Fit- 8.00p.m. Programm mużikali fi Pjazza l-Assunta mill-Banda Ċittadina ‘Leone’ tal-Belt Victoria.

TRANSLAZZJONI U ARRANĠAMENTI MARBUTA MAL-FESTI ESTERNI F’LEJLET IL-FESTA
B’kollobarazzjoni sħiħa mal-parroċċa, infakkrukom li bħas-snin li għaddew it-translazzjoni f’lejlet il-festa ser titlaq mill-
kappella tal-każin. Għaldaqstant nixtiequ li lkoll tipparteċipaw u tkunu magħna is-Sibt 18 t’Awwissu 2018 fis-6:30p.m
Fl-aħħar xhur il-Kumitat Eżekuttiv tas-Soċ. Filar. Santa Marija flimkien mal-Għaqda tan-Nar tar-raħal tagħna iddiskutew
l-koordinament tas-servizzi tal-baned u x-xow tan-nar SkyConcert. Ninfurmawkom li bi qbil bejn iż-żewġ għaqdiet, il-
programm ta’ lejlet il-festa ser jibda permezz tax-xow tan-nar bejn id-9:15p.m. u l-10:15p.m. biex imbagħad dritt wara
nkomplu bis-servizzi tal-baned, bi programm ġewwa Pjazza l-Assunta u fl-istess ħin marċ brijuż mat-triq tal-purċissjoni,
fejn dan is-servizz ser jerġa’ jgħaddi mir-rotta it-twila.

FESTA TA’ KULURI – SORPRIŻA WAQT IL-MARĊ TAD-DIMOSTRAZZJONI
Is-Sezzjoni Żgħażagħ din is-sena ser tkun qed tinawgura it-tieni parti mill-proġett tal-faldrappi tal-każin. Flimkien ser
inkunu qed niċċelebraw katina t’arti u volontarjat minn numru kbir ta’ żgħażagħ li fl-aħħar snin ġabru l-flus meħtieġa
biex inxtara l-materjal, u ssa fl-aħħar xhur stinkaw u ħadmu fuq dan il-proġett. Din l-okkażżjoni ser tkun
ikkumplimentata bi spettakklu kkullurit u oriġinali. Ser inħallu l-element ta’ sorpriża, biex intom ilkoll tgħixu din l-
esperjenza. Għalhekk, ejjew ingħaqdu mal-marċ tad-dimostrazzjoni biex imbgħad flimkien insegwu spettaklu quddiem
il-każin għal ħabta tal-10:30p.m.

SERATA TA’ DIVERTIMENT MAŻ-ŻGĦAŻAGĦ
Nhar il-Ħadd 12 t’Awwissu 2018 is-Sezzjoni Żgħażagħ flimkien mal-Kunsill Lokali ser itellgħu serata ta’ divertiment
għalikom ilkoll fi Pjazza l-Assunta. Din l-attivitaˋ issa daħlet sew fil-kalendarju tal-festa. Inħeġġukom biex tattendu u
tipparteċipaw. L-appoġġ tagħkom liż-żgħażagħ huwa garanzija biex ikollna festa ikbar minn qatt qabel.

BBQ L-GĦADA TAL-FESTA

Infakkru wkoll li t-Tnejn 20 t’Awwissu 2018 fit-8.00p.m, ikollna l-BBQ fuq il-bejt tal-każin fejn il-bandisti, l-istudenti u l-
helpers flimkien mal-kumitat eżekuttiv u sezzjonijiet niltaqgħu u nieħdu xi ħaġa żgħira flimkien. Grazzi mill-qalb lill-
voluntiera li jagħtu daqqa t’id biex dan il-BBQ jirnexxi minn sena għal oħra.

IS-SIT ELETRONNIKU WWW.BANDASANTAMARIJA.COM
Ninfurmawkom li bħalissa għaddejjin bl-aħħar preparamenti tekniċi biex is-sit tas-Soċjeta’ tagħna ikun live sal-jiem tal-
festa. Għaldaqstant, avżaw lill-emigranti, qraba u ħbieb tagħkom biex isegwu l-informazzjoni, ritratti u filmati li npoġġu
f’dawn il-ġranet fuq il-website www.bandasantamarija.com jew ifittxu diversi paġni fuq facebook: Socjeta’
Filarmonika Santa Marija.

GĦALKEMM IL-FESTA… IT-TAGĦLIM IKOMPLI
Wara l-avviż li tqassam fl-aħħar jiem, dawk li għadhom ma nkitbux u jixtiequ jitgħallmu strument, ninfurmawkom li
għadkom biċ-cans. Meta student jibda t-tagħlim tal-mużika mas-Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija, ma jfissirx biss li
wieħed ikun qed ikabbar il-ħiliet u t-talent fil-mużika biss, imma issa awtomatikament dan it-tagħlim qed jiġi rifless u
dokumentat bħala suġġett [Informal Education] fl-school leaving certificate. Ninfurmaw li dawk li nkitbu li fil-jiem li ġejjin
għandhom jiġu kkuntatjati mill-Assistent Surmast Franco Cefai biex jibdew bit-tagħlim.

WARA S-SERATA FIL-BERAĦ 2018!
L-attivita` ‘Serata fil-Beraħ 2018’ nhar is-Sibt 21 ta’ Lulju kienet suċċess ieħor li jimliena b’kuraġġ inkomplu bil-ħidma u
l-attivitajiet tagħna. Grazzi mill-qalb lilkom ilkoll li attendejtu kif ukoll lil dawk li offrewlna xi rigali. Grazzi lis-Sezzjoni
Żgħażagħ li ħadu ħsieb it-tisjir tal-pasta night kif wkoll lis-Sezzjoni Nisa li kkordinaw il-logħob tat-tombla u r-rigali
marbuta. Prosit u grazzi kbira lil Kor Regina Angelorum u nieħu din l-opportunita` biex nirringrazzja lil dawk kollha li
b’xi mod tawna daqqa t’id kif ukoll lill-Għaqda Armar li selfuna d-dawl meħtieġ. Grazzi kbira lil dawk kollha li tawna xi
oġġetti u vouchers biex jitellgħu fis-serata.

NOTA TAL-AĦĦAR…APPELLI

 Nappellaw biex bħal kull sena tkunu ġenerużi u tagħtu l-kontribuzzjoni tagħkom għall-marċ tal-ħdax, wieħed
mill-aktar marċijiet popolari fir-raħal tagħna. Nieħdu l-opportunita` biex nirringrazzjaw minn qalbna lill-membri
tal-Kumitat taż-Żgħażagħ li ser jgħinu fil-ġbir ta’ dan il-marċ.
 Nappellaw liż-żgħażagħ li jixtiequ jgħinu fin-numru t’attivitajiet li jiġu organizzati matul il-festa kif ukoll fil-
preparazzjonijiet għall-briju tal-festa biex jikkuntattjaw lil Rupert Żammit jew xi membru mis-Sezzjoni
żgħażagħ.

…U RINGRAZZJAMENTI:
 lil dawk kollha li għoġobhom jirriklamaw il-prodotti tagħhom fil-ktieb tal-festa. Nappellaw li kif huma għenuna,
hekk ukoll aħna ngħinu lilhom billi nixtru u nagħmlu użu mis-servizzi li joffru. Grazzi wkoll lil Rupert Żammit u
Analise Ċini li ħadu ħsieb jiġbru r-reklami għall-ktieb tal-festa.
 lilkom li ħadtu sehem fil-lotterija l-kbira tas-Sajf. Ninfurmawkom li r-rebbieħa kienu: l-ewwel premju Theresa
Saliba [ta’ Triq Skapuccina], tieni premju – Salvina Bajada [ta’ Triq Lampuka] u t-tielet premju – Maria Farrugia
[ta’ Triq il-Mithna]. Grazzi kbira lil dawk kollha li għenu fil-ġbir tal-biljetti.
 Lil diversi individwi, ditti u ħwienet li għoġobhom jagħtu oġġetti, vouchers u rigali oħrajn biex setghu jintużaw
waqt numru t’attivitajiet fosthom is-Serata ta’ Lulju u BBQs Sezzjoni Zgħażagħ.
 Grazzi kbira wkoll lill-ġirien tal-każin li jikkoperaw mhux ftit matul is-sena u b’mod speċjali matul il-jiem tal-festa
fejn l-attivita` fil-każin tiżdied mhux ħażin.
 lill-Arċipriet Dun Reuben Micallef tal-koperazzjoni u l-għajnuna kbira speċjalment f’dan iż-żmien ta’
preparazzjoni għal festa.
 lill-bandisti li matul l-aħħar xhur kienu hemm biex stajna esegwixxejna numru ta’ servizzi kemm f’festi oħra
barra mir-raħal tagħna kif ukoll servizzi ġewwa ż-Żebbuġ. Naprezzaw il-ħin li toffru b’dedikazzjoni kbira.
 lil dawk kollha fosthom żgħażagħ li qegħdin b’mod volontarju jassistu fix-xogħol ta’ restawr fuq diversi bibien
tal-faċċata tal-każin. Grazzi lkoll tal-għajnuna, b’liema xogħol is-Soċjeta’ tiffranka ammont sostanzjali ta’ flus.
 Lil Leli Ċini, disinjatur tal-każin li ta’ spiss nirrikorru għandu għal pariri u li minn naħa tiegħu joffri id-
disponibilita’ totali tiegħu. Grazzi lil Leli tal-għajnuna li tana fl-aħħar ġimgħat b’mod partikolari marbut ma’
xogħol fil-każin. Grazzi wkoll lil diversi persuni li ħadmu u qed jgħinu fuq id-diversi proġetti li bħalissa
għaddejjin minnhom bħala Soċjeta’. Naprezzaw l-għajnuna u d-dedikazzjoni ta’ kulħadd.

XEWQA MID-DIRETTUR SPIRITWALI… Il-Kan. Dun Noel Saliba jixtieq jappella u jħeġġeġ lill-membri tal-
kumitati, bandisti, aljievi, soċi u benefatturi tas-Soċjeta` Filarmonika Santa Marija biex flimkien mal-poplu kollu, f’dawn
il-jiem ta’ festi niġġeddu spiritwalment billi nersqu għall-qrara sinċiera u nqaddsu l-festa bi tqarbina xierqa.

IL-FESTA IT-TAJBA LIL-KULĦADD!

Tislijiet
Marnol Sultana
Segretarju

Leave a comment