Ittra Kumitat Eżekuttiv – Awwissu 2019

ASSUMPTAFEST!

 

L-Erbgħa 21 t’Awwissu 2019… Il-Kunċert Annwali tas-Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija!

Il-Banda Santa Marija, taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Dr. Joseph Grech, ser tippreżenta l-kunċert mużikali “ASSUMPTAFEST”, nhar il-Erbgħa 21 ta’ Awwissu fi Triq il-Knisja [ħdejn il-każin], ż-Żebbuġ Għawdex fid-8.45pm. Dan il-Kunċert qed jiġi organizzat flimkien u b’inizjattiva tal-Kunsill Lokali taż-Żebbug u bil-għajnuna tal-Ministeru għal Għawdex. Dan il-kunċert qed jitella’ taħt il-patroċinju tal-ewwel Isqof Żebbuġi, E.T. Mons. Giovanni Cefai, Isqof ta’ Santiago Apostol de Huancane` fil-Peru. Matul dan il-kunċert, il-banda Santa Marija ser tkun qed tippreżenta lill-udjenza diversi siltiet mużikali.

Il-protagonisti prinċipali ser ikunu għal darb’oħra l-bandisti tal-Banda Santa Marija. Ħsibna wkoll biex minbarra t-talent lokali, partikolarment bis-sehem tal-kor Regina Angelorum, ser jingħaqdu magħna wkoll il-kantanti Sarah Bonnici u Ludwig Galea. Dawn iż-żewġ kantanti żgur li m’għandhom bżonn ebda introduzzjoni fil-qasam mużikali u għaldaqstant l-ispettaklu huwa sigur! Matul dan il-Kunċert ser jintużaw wkoll għal-ewwel darba sett ta’ strumenti ġodda [auxiliary percussion] kif wkoll sett folders li ser ikunu qed jintużaw għaż-żamma tal-mużika waqt il-programm mużikali. Kemm l-imsemmija strumenti kif wkoll dawn il-folders inxtraw grazzi għal skemi ta’ fondi mirbuħa aktar kmieni din is-sena.

Ser nagħtu wkoll numru ta’ rikonoxximenti lil persuni li matul is-snin li għaddew taw kontribut siewi lis-Soċjeta` Filarmonika Santa Marija kif ukoll lir-raħal tagħna; fosthom il-premju ‘Ġieħ il-Banda’ u l-premju ‘Bandist/a tas-Sena’. Nifirħu wkoll lil bandist Joe Saliba li ser issirlu l-vestizzjoni bħala bandist ġdid mal-Banda Santa Marija wara xhur ta’ studju. Ma’ jonqsux messaġġi tal-okkażżjoni mill-President tas-Soċjeta’ Dr. Anthony Dimech M.D., mill-Ministru għal Għawdex l-Onor. Justyne Caruana M.P, mill-E.T. Mons. Giovanni Cefai u mill-Arċipriet Dun Ġwann Sultana. Dan il-kunċert ser ikun festa mużikali għal kulħadd u għalhekk nħeġġukom biex iżżommu dan l-appuntament magħna filwaqt li tħajru oħrajn jattendu. L-attendenza tagħkom hija żgur l-aqwa appoġġ u apprezzament għall-bandisti tagħna. Infakkrukom li s-Soċjeta` Filarmonika Santa Marija tinvesti numru sostanzjali ta’ finanzi biex jirnexxiela ttella’ programm professjonali. Għaldaqstant, nħeġġukom tikkontribwixxu kemm tistgħu fil-ġabra li ssir waqt il-kunċert.

Il-Kumitat Eżekuttiv jixtieq jikkomunika li għalkemm il-ħsieb kien li dan il-kunċert isir ġewwa Pjazza L-Assunta, peress li din is-sena, hija waħda ferm partikolari, fejn wara l-istess Kunċert l-E.T. Mons Giovanni Cefai ser ikun qed jagħmel żjara uffiċċjali ġewwa l-Każin tal-Banda, minħabba arranġamenti loġistiċi, għal din is-sena, ser isir fejn il-Każin. Iżda biex niffaċilitaw biex wieħed ikun jista jattendi, ninfurmawkom li din is-sena qed naħsbu wkoll biex jingħata transport b’xejn kemm qabel u anke wara l-kunċert. Għaldaqstant, jekk ikun hawn min jixtieq transport, huwa mitlub jikkuntattjana fuq 79273580 jew 79555150 biex isiru l-arranġamenti meħtieġa.

Fl-aħħar imma mhux l-anqas grazzi kbira tmur lil dawk kollha, fosthom lil bandisti Żebbuġin u bandisti oħrajn, Surmast u Asst. Surmast u l-Kumitat li bħalissa għaddejjin bl-arranġamenti u l-preparazzjonijiet meħtieġa biex jittella’ dan il-programm mużikali. F’dan il-Kuncert l-element ta’ sorpriża ma’ jonqosx…għalhekk żommu din id-data libera u ngħaqdu magħna għal din l-avventura mużikali.

MARĊIJIET MATUL IL-FESTA
Minbarra il-kunċert annwali, għal dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-mużika u l-baned, nassigurawkom li fil-festa ser ikolkom numru t’okkażjonijiet fejn wieħed ikun jista’ jgawdi numru ta’ servizzi bandistiċi. Wara li nhar is-Sibt 10 t’Awwissu kellna l-marċ mill-Banda ‘Viżitazzjoni’ tal-Għarb fl-okkażżjoni tal-ħruġ tal-istatwa, kif wkoll il-Banda Santa Marija nhar il-Ħadd 11 t’Awwissu esegwixxiet marċ brijuż bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet marbuta mall-bidu tal-episkopat tal-E.T. Mons Giovanni Cefai, hawn taħt għandkom in-numru ta’ marċi li jmiss bħala parti mill-festa tagħna.

Il-Ġimgħa 23 t’Awwissu 2019 fid-9:30p.m. Fid-9.30p.m. Dimostrazzjoni bl-istatwa ta’ Santa Marija ta’ barra (Kav Agostino Camilleri. 1962) akkumpanjata mill-Banda ‘Santa Marija’ taż-Żebbuġ u mill-Banda ‘Victory’ tax-Xagħra li tibda minn Triq is-Sagħtrija, lejn Pjazza Santa Marija tal-Virtut, Triq Skappuċina, Triq Żaki, Triq il-Madonna taċ-Ċiċri u lejn Pjazza Assunta. F’11.45p.m. waqt il-kant ta’ l-Innu Popolari lill-Assunta, l-istatwa ta’ Santa Marija tittella’ fuq il-pedestall fi Pjazza l-Assunta. Wara it-tlugħ ta’ Santa Marija fuq il-Pedestall, insegwu multivisual feature kkummisjonat mis-Sezzjoni Żgħażagħ

Is-Sibt 24 t’Awwissu 2019 fid-9:30p.m Marċ mill-Banda ‘San Girgor’ ta’ Kerċem li jibda minn Pjazza l-Assunta lejn Triq Għajn Mhelel, Triq Għażżiela, Triq Madonna taċ-Ċiċri, Pjazza l-Assunta, Triq il-Knisja, Triq il-Kappillan Frangisk Vella, Triq Goma, lura lejn Triq il-Knisja u Pjazza l-Assunta. Fid-09.30p.m. il-Banda Santa Margerita ta’ Sannat ittella’ programm mużikali fuq il-planċier fil- Pjazza

Il-Ħadd 25 t’Awwissu 2019 fil-11:45a.m. Marċ Kbir ta’ filgħodu (minn ħdejn il-Każin għall-Triq Għajn Mhelel, Triq Għażżiela, Triq il-Madonna taċ-Ċiċri u ngħalqu fi Pjazza l-Assunta). Wara isegwi spettakklu kkullurit u oriġinali bil-karti li għalih inkontribwiet parzjalment is-Sezzjoni żgħażagħ bil-għajnuna tal-Kunsill Lokali.

Il-Ħadd 25 t’Awwissu 2019 fis-7.15p.m. IIl-Banda ‘Santa Marija’ issellem lil Santa Marija bl-Innu ‘Alla Beata Vergine Maria Assunta in Cielo’, fuq versi ta’ Giuseppe Serafino Cutajar u mużika ta’ Mro. Willie Attard, bis-sehem tal-Baritonu Joseph Lia, t-Tenur Matthew Cini, s-Sopran Jacqueline Vella u l-Kor ‘Santa Marija’. Wara l-Banda ‘Santa Marija’ taż-Żebbuġ iddoqq l-Innu Popolari lill-Assunta u takkumpanja l-Purċissjoni b’Marċi u innijiet Reliġjużi. Fit-7.45p.m. Programm mużikali fi Pjazza l-Assunta mill-Banda Ċittadina ‘Leone’ tal-Belt Victoria.

Infakkru li s-Sezzjoni Żgħażagħ fi ħdan is-Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija aktar kmieni ħabbret li fuq deċiżjoni tal-istess sezzjoni, minn din is-sena mhux ser isir aktar rilaxxar ta’ bżieżaq f’ attivitajiet organizzati mill-istess sezzjoni waqt l-attivitajiet tal-festa, inkluż waqt il-marċijiet. Din l-inizjattiva qed issir wara diskussjonijiet u bis-sapport sħiħ tal-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ. L-għan ewlieni huwa li titqajjem aktar kuxjenza dwar l-ambjent ta’ madwarna, anke fid-dawl tal-istrateġija nazzjonali, fejn il-konfetti tal-plastik u l-bżieżaq se jkunu pprojbiti mill-attivitajiet kollha pubbliċi sas-sena 2020. Din id-deċiżjoni ġiet wkoll kkomunikata lill-Kumitat Ċentrali li hu regolatur ewlieni tal-festa. Sadanittant, nħeġġu lir-residenti kollha sabiex jikkoperaw f’din l-inizjattiva u nħeġġu li minflok bżieżaq jintuzaw mezzi oħrajn (originali) li huma akar sostenibbli għall-ambjent.

SERATA TA’ DIVERTIMENT MAŻ-ŻGĦAŻAGĦ
Nhar it-Tnejn 19 t’Awwissu 2019 is-Sezzjoni Żgħażagħ flimkien mal-Kunsill Lokali ser itellgħu serata ta’ divertiment għalikom ilkoll fi Pjazza l-Assunta. Din l-attivitaˋ issa daħlet sew fil-kalendarju tal-festa. Inħeġġukom biex tattendu u tipparteċipaw. L-appoġġ tagħkom liż-żgħażagħ huwa garanzija biex ikollna festa ikbar minn qatt qabel.

BBQ IT-TLIETA TA’ WARA L-FESTA
Infakkru wkoll lit-Tlieta 27 t’Awwissu 2019 fit-8.00p.m, ikollna l-BBQ fuq il-bejt tal-każin fejn il-bandisti, l-istudenti u l-helpers flimkien mal-kumitat eżekuttiv u sezzjonijiet niltaqgħu u nieħdu xi ħaġa żgħira flimkien. Grazzi mill-qalb lill-voluntiera li jagħtu daqqa t’id biex dan il-BBQ jirnexxi minn sena għal oħra. Nixtiequ ninnotaw li dan il-BBQ ser isir it-Tlieta flok it-Tnejn, peress li l’għada tal-festa ser tiġi organizzata attivita’ ta’ fundraising mill-Parroċċa.

IS-SIT ELETRONNIKU WWW.BANDASANTAMARIJA.COM
Ninfurmawkom li bħalissa għaddejjin bl-aħħar preparamenti tekniċi biex is-sit tas-Soċjeta’ tagħna ikun live sal-jiem tal-festa. Avżaw lill-emigranti u ħbieb tagħkom biex isegwu l-informazzjoni, ritratti u filmati li npoġġu f’dawn il-ġranet fuq il-website www.bandasantamarija.com jew ifittxu diversi paġni fuq facebook: Socjeta’ Filarmonika Santa Marija.

WARA S-SERATA FIL-BERAĦ 2019!
L-attivita` ‘Serata fil-Beraħ 2019’ nhar is-Sibt 27 ta’ Lulju kienet suċċess ieħor li jimliena b’kuraġġ inkomplu bil-ħidma u l-attivitajiet tagħna. Grazzi mill-qalb lilkom ilkoll li attendejtu kif ukoll lil dawk li offrewlna xi rigali. Grazzi lis-Sezzjoni Żgħażagħ li ħadu ħsieb it-tisjir kollu tal-pasta night kif wkoll lis-Sezzjoni Nisa li kkordinaw il-logħob tat-tombla u r-rigali marbuta. Nieħu din l-opportunita` biex nirringrazzja lil dawk kollha li b’xi mod tawna daqqa t’id kif ukoll lill-Għaqda Armar li selfuna d-dawl meħtieġ. Grazzi kbira lil dawk kollha li tawna xi oġġetti u vouchers biex jitellgħu fis-serata. Grazzi wkoll lil Kunsill Lokali tal-għajnuna biex ġie provdut servizz ta’ uffiċċjali biex jikkordinaw it-traffiku.

NOTA TAL-AĦĦAR…APPELLI
• Nappellaw biex bħal kull sena tkunu ġenerużi u tagħtu l-kontribuzzjoni tagħkom għall-marċ tal-ħdax, wieħed mill-aktar marċijiet popolari fir-raħal tagħna. Nieħdu l-opportunita` biex nirringrazzjaw minn qalbna lill-membri tal-Kumitat taż-Żgħażagħ li jikkumissjonaw il-ġbir ta’ dan il-marċ.
• Nappellaw liż-żgħażagħ li jixtiequ jgħinu fin-numru t’attivitajiet li jiġu organizzati matul il-festa kif ukoll fil-preparazzjonijiet għall-briju tal-festa biex jikkuntattjaw lil Graziella Cini jew xi membru mis-Sezzjoni żgħażagħ.

…U RINGRAZZJAMENTI:
• lil dawk kollha li għoġobhom jirreklamaw il-prodotti tagħhom fil-ktieb tal-festa. Nappellaw li kif huma għenuna, hekk ukoll aħna ngħinu lilhom billi nixtru u nagħmlu użu mis-servizzi li joffru. Grazzi wkoll lil Rupert Żammit u Analise Ċini li ħadu ħsieb jiġbru r-reklami għall-ktieb tal-festa.
• lilkom li ħadtu sehem fil-lotterija l-kbira tas-Sajf. Ninfurmawkom li r-rebbieħa kienu: l-ewwel premju Frances Cefai [ta’ Triq il-Madonna taċ-Ċiċri], tieni premju – Rita Dimech [ta’ Triq iċ-Ċnus] u t-tielet premju – Milda Xuereb [ta’ Triq Kaċċaturi]. Grazzi kbira lil dawk kollha li għenu fil-ġbir tal-biljetti.
• Lil diversi individwi, ditti u ħwienet li għoġobhom jagħtu oġġetti, vouchers u rigali oħrajn biex setghu jintużaw waqt numru t’attivitajiet fosthom is-Serata ta’ Lulju u BBQs Sezzjoni Zgħażagħ.
• Grazzi kbira wkoll lill-ġirien tal-każin li jikkoperaw mhux ftit matul is-sena u b’mod speċjali matul il-jiem tal-festa fejn l-attivita` fil-każin tiżdied mhux ħażin. lill-Arċipriet Dun Ġwann Sultana tal-koperazzjoni u l-għajnuna kbira speċjalment f’dan iż-żmien ta’ preparazzjoni għal festa.
• lill-bandisti li matul l-aħħar xhur kienu hemm biex stajna esegwixxejna numru ta’ servizzi kemm f’festi oħra barra mir-raħal tagħna kif ukoll servizzi ġewwa ż-Żebbuġ. Naprezzaw il-ħin li toffru b’dedikazzjoni kbira.
• lil Paul u Fredu Saliba tal-kooperazzjoni biex fl-aħħar ġimgħat tlest il-ġenb tat-taraġ, biex issa jmiss li jitwaħħal it-taraġ tal-ħadid, liema xogħol tlesta f’dawn il-jiem u jmiss li jinżebagħ. Grazzi lkoll tal-għajnuna, b’liema xogħol is-Soċjeta’ tiffranka ammont sostanzjali ta’ flus.
• Lil Leli Ċini, disinjatur tal-każin li ta’ spiss nirrikorru għandu għal pariri u li minn naħa tiegħu joffri id-disponibilita’ totali tiegħu. Grazzi lil Leli tal-għajnuna li tana fl-aħħar ġimgħat b’mod partikolari marbut ma’ xogħol fil-każin. Grazzi wkoll lil diversi persuni li ħadmu u qed jgħinu fuq id-diversi proġetti li bħalissa għaddejjin minnhom bħala Soċjeta’. Naprezzaw l-għajnuna u d-dedikazzjoni ta’ kulħadd.

Ħsieb MID-DIRETTUR SPIRITWALI…
Bejn Novembru 2018 u Awwissu 2019 fid-Djoċesi t’Għawdex iċċelebrajna s-Sena Marjana, fl-okkażżjoni tal-400 sena minn meta l-Kwadru ta’ Pinu ġie mpitter minn Amadeo Perugino. Din is-sena kellha bħala motto: Tibżgħax tilqa’ għandek lil Marija. Għalina, Marija hija Omm għaliex tagħielna Ġesu’ stess minn fuq is-salib, kif ukoll Sultana tas-Sema u tal-Art. Dan ifisser li bhala Omm tinduna qabel nindunaw aħna x’inhuma l-ħtigijiet tagħna, u bħala Sultana għandha kulma nistgħu neħtiegu. Jekk Alla, fl-omnipotenza tiegħu għazel lil Marija bhala DIK li permezz tagħha ġie għandna bħala bniedem fid-dinja sabiex ikun jista’ jsalvana, nilqugħa aħna wkoll fil-ħajja personali tagħna, fil-familji tagħna u fis-soċjeta’ fejn nghixu, sabiex permezz tagħha nistghu nersqu quddiem Alla. Dan nistgħu ngħixuh billi niċċelebraw festa li turi li aħna tassew ulied denji ta’ Marija Assunta u Inkurunata, billi nersqu għal qrara mħejjija tajjeb, tqarbina sinċiera, u nfittxu li nfejqu l-ġriehi fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna li jkunu nfetħu matul is-sena.

O Assunta Nkurunata,
Meta nhares lejn ghajnejk,
qalbi tfawwar b’dak il-farag,
Li jigbidni b’qawwa lejK!

Heggeg qalbi ha nhobb ‘l Alla
U lill-proxxmu wisq qatigh,
sabiex bhalek, O Marija,
Matul hajti b’ferh naqdiH.

Meta tasal l-ahhar siegha,
Ejja zurni minnufih;
Sabiex wara l-hemm tal-hajja,
Nigi hdejk halli ngawdieH!

IL-FESTA IT-TAJBA LIL-KULĦADD!

Tislijiet

Marnol Sultana
Segretarju

 

APPELLI MARBUTA MAL-MARĊIJIET

Filwaqt li nirringrazzjaw bil-quddiem lil dawk kollha li qed jgħinu fl-organizzazzjoni tal-marċijiet, b’mod speċjali lil membri tas-Sezzjoni Żgħażagħ, nixtiequ, flimkien ma’ l-istess sezzjoni nappellaw biex waqt l-istess marċijiet:

• Inżommu l-ordni u nimxu skond l-istruzzjonijiet li jkunu qegħdin jingħataw biex nassiguraw lil marċijiet jimxu kif suppost u naslu fil-ħin stipulat.
• Kullħadd ikun liebes ilbies xieraq u nżommu mġieba tajba.
• Konsum t’alkoħol waqt il-marċijiet jkun ikkontrollat. Xorb huwa PROJBIT għal dawk taħt l-eta.
• Fliexken tal-ħġieġ waqt il-marċijiet mhux ser ikunu permessi.
• U jekk ser tkun issuq…TIXROBX. Aħseb fik innifsek, fil-familja tiegħek u f’dawk ta’ madwarek!!

Sadanittant nħeġġukom tkomplu tkunu ġenerużi u tagħtu donazzjoni b’risq il-marċ tal-Ħdax. Nirringrazzjaw lil dawk kollha li qed jgħinu biex jinġabru l-ispejjeż marbuta ma dan il-marċ.

TINSEWX…nhar il-festa, niltaqgħu lkoll fuq iz-zuntier għas-7:00p.m. biex mbad nagħtu tislima denja lil Omma l-Assunta hekk kif toħroġ mill-Knisja. Dan l-mument huwa l-qofol tal-festa. Ejjew ilkoll niddevertu imma nżommu f’moħħna li l-ewwel u qabel kollox qegħdin niċċelebaw il-festa t’Ommna l-Assunta.

Leave a comment