Ittra Kumitat Eżekuttiv – Awwissu 2020

25 SENA FLIMKIEN

…b’differenza u b’addattament

Għeżież,
Ilna ftit ma’ naġġornawkom dwar dak li nkunu għaddejjin minnhu u dan fid-dawl taċ-ċirkostanzi li qed ngħixu bħalissa. L-aħħar xhur kienu ta’ sfida għal kulħadd. Nistqarru li bħala Soċjeta’ ħassejna mhux ftit bin-nuqqas ta’ kuntatt ma’ numru ta’ voluntiera, magħkom benefatturi, ma’ dawk li kontu tattendu l-attivitajiet varji u kif wkoll b’mod partikolari mall-bandisti tagħna, fejn b’kuntrast għas-soltu, f’dan l-istaġun sajfi kien wieħed ferm kajman mill-aspett bandistiku. Nistqarru li għamilna mill-aħjar li stajna, fejn b’mod partikolari u grazzi wkoll għas-Surmast u Asst. Surmast tagħna, tkomplew il-lezzjonijiet ta’ kull ġimgħa lill-aljievi/bandisti tagħna.

Iżda kif jgħidu, meta jkun ir-riħ, tibnix ħajt imma tella’ il-qlugħ ħalli sfida tibdila f’opportunita! Nassigurawkom li fejn kien possibli sfruttajna s-sitwazzjoni; fejn matul l-aħħar xhur sar ħafna xogħol amministrattiv u b’mod speċjali ffukajna fit- tkomplija ta’ aktar progetti kif wkoll ħdimna fuq numru t’applikazzjonijiet għal fondi ġodda. Il-kumitat qed kontinwament jistinka biex isiru proġetti kapitali li jkunu lkoll ffinanzjati minn fondi u b’hekk jitnaqqas kemm jista ikun il-piż ta’ ġbir minn fuqkom il-familji ta’ raħalna! Determinati li sa fejn dan ikun possibli nimxu fuq dawn il-passi. Bħalissa qed nistennew ir-riżultati minn numru ta’ skemi li applikajna għalihom. J’alla fil-ġimgħat li ġejjin jkollna aħbarijiet sbieħ x’ngħidulkom!

Iċ-ċirkostanzi preżenti jitolbu wkoll aktar kawtela u qed noqodu ferm attenti b’mod partikolari fl-aspett finanzjarju. L- isforzi li saru fl-aħħar snin, b’mod partikolari biex tħallsu l-kontijiet pendenti li kellna u anke biex stabbilixejna l- pożizzjoni finanzjarja tagħna swiet mitqlu deheb meta ġejna ffaċċjati bis-sitwazzjoni ta’ dawn l-aħħar xhur. In-nuqqas ta’ dħul minn attivitajiet setgħu faċilment ħallew effetti ferm aktar negattivi fuq is-Soċjeta’ tagħna li kieku ma’ konniex attenti u ppreparati!

Infakkru wkoll li din is-sena qed wkoll niċċelebraw il-25 Sena anniversarju mit-twaqqif tas-soċjeta’ tagħna. Konnha nippreferu li fakkarna dan l-anniversarju b’mod differenti milli qed jippermettu iċ-ċirkostanzi. Iżda kif jgħid il-qawl, il-bniedem jipproponi, u Alla jiddisponi! Sfortunatament il-mixija tal-COVID-19 waqfitna milli nimplimentaw dak li kien oriġinarjament ippjanat u minflok qed naddattaw għas-sitwazzjoni. Għaldaqstant qed naġġornawkom dwar dak li għadna imħejji b’mod speċjali fil-jiem tal-festa u anke dwar bil-pjanijiet tagħna għal futur. Dawn huma d-dettalji.

 

INAWGURAZZJONI TAL-KOPPLA ARTISTIKA

Wara li matul Mejju organizzajna b’mod virtwali numru ta’ inizjattivi, fejn minbarra il-Quddiesa speċjali, lestejna wkoll dokoumentarju awdjo-viżwali li fih ġabar fid-dettal l-istorja kollha tas-Soċjeta’ matul dawn il-25 Sena kif wkoll sar programm speċjali fuq XEJK TV; issa għal jiem tal-festa, eżattament nhar il-Erbgħa 19 t’Awwissu 2020 ser jiġi inawgurat il-Proġett tal-Koppla Artistika u wkoll ser isir il-kxif ta’ irħama kommemorattiva li tfakkar dan l-anniversarju.

Din l-attivita’ ser ikollha tigi organizzata fuq skala ridotta u skond il-linji gwida maħruġa aktar kmieni mill-awtoritajiet tas-saħħa. Għalhekk sfortunatament mhux ser ikun possibli li jattendi l-pubbliku. Għaldaqstant, biex intom wkoll tkunu parti minn din l-okkażżjoni, din l-attivita’ ta’ madwar 45 minuta ser tkun qed tigi mxandra live fuq il-paġna ta’ facebook tas-Soċ. Filar. Santa Marija biex intom mill-kumdita ta’ darkom tkunu tistgħu ssegwu din l-attivita’

Dan il-proġett ser ikun inawgurat mill-Ministru għal-Għawdex l-Onor. Clint Camilleri u mbierek mill-Isqof, l-E.T. Mons. Mario Grech, Amministratur Appostoliku għal-Għawdex. Dan il-proġett ser ikun wieħed uniku ġewwa Għawdex u żgur li ser ikun ġawhra w attrazzjoni oħra ġewwa l-każin u r-raħal tagħna. Ringrazzjament speċjali jmur lejn il-kumitat li ħadem biex akkwista l-fondi meħtieġa madwar sentejn ilu, lis-Sur Leli Cini li f’idejh kien fdat id-disinn u s-superviżjoni tax-xogħol, lis-Sur. Anthony Zammit għax-xogħol fil-ġebel u lil-Joe Bartolo għax-xogħol fl-istained glass. Grazzi wkoll lil Jimmy Agius għax-xogħol fuq frames li fuqhom tpoġġa l-istained glass.

Din l-opra kienet ħolma li forsi qatt ma’ bsarna li ser naslu li nwettqu. Iżda kienet id-determinazzjoni ta’ numru ta’ voluntiera li għelbet kull dubju jew diffikulta’ biex ilum wasalna biex lestejna dan il-proġett hekk ambizzjuż. Filwaqt li nistendnukom minn issa biex iżommu l-appuntament magħna u ssegwu dirett ix-xandira ta’ l-inawgurazzjoni, ovvjament kulħadd mistieden biex meta jrid iżur il-każin tagħna biex jara din l-opra artistika.

Ninfurmawkom wkoll li waqt l-istess attivita’ ser tinkixef irħama kommemorattiva b’tislima lill-bandisti, voluntiera, benefatturi u ħaddiema fl-okkażżjoni tal-25 sena anniversarju tas-Soc. Filar. Santa Marija. Grazzi lis-Sur Ronnie Pisani li offra li jagħmel ix-xogħol kif wkoll il-materjal kollhu gratis.

 

L-ATTIVITAJIET TAL-FESTA U L-KUNĊERT ANNWALI

Hekk kif ikkomunikat fl-istqarrija maħruġa mill-Kumitat Ċentrali tal-Festa nhar it-2 ta’ Awwissu 2020, fid-dawl tal-aħħar żviluppi li qed jiġru fl-imxija tal-pandemija Covid-19, kull attività esterna marbuta mal-Festa ta’ Santa Marija u fil-lokalita’ tagħna gew ikkanċellati. Din id-deċiżjoni qed tittieħed f’konformità mal-istqarrija maħruġa mill-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex li fiha ħadu d-deċiżjoni li wkoll ma jsirux aktar pellegrinaġġi matul is-sena 2020.

Din id-deċizjoni kienet ferm diffiċli imma ttieħed b’responsabbilta’. Nistqarru li bħala Soċjeta’ konnha għaddejjin bil- preparamenti meħtiega, b’mod speċjali għal-programm AssumptaFEST 2020, fejn grazzi għall-bandisti tagħna kienu diġa saru diversi provi/kunċerti kif wkoll inxtrat il-mużika meħtieġa. Dan kien ser ikun programm partikolari u aktar  speċjali mis-soltu hekk kif kien ser ikun marbut mall-25 sena anniversarju tas-Socjeta’ tagħna kif wkoll konnha ser nirrikonoxxu lil dawk kollha li xi darba jew oħra kienu parti mill-amministrazzjoni tas-Soċjeta’ tagħna. Il-ħsieb huwa biex dak li kien ser isir din is-sena jigi postpost għal-festa tas-Sena 2021.

Sadanittant nieħdu spunt u nirringrazzjaw lil bandisti għad-disponibilita’ li sibna minn għandhom. Grazzi wkoll tmur lil Asst. Surmast Franco Cefai li fl-aħħar gimgħat kiteb u addatta wkoll numru ta’ innijiet marjani bl-iskop kien li jindaqqu waqt il-pellegrinaġġ nhar il-Festa. Grazzi wkoll lis-Sezzjoni Żgħażagħ tal-ikkummissjonar ta’ produzzjoni mużikali fl- okkażżjoni tal-25 sena anniversarju. Din ser tkun qed titnieda l-Ġimgħa 21 t’Awwissu 2020 fuq il-paġna ta’ Facebook tas-Soċjeta’.

 

25 SENA MAGĦNA…GRAZZI SURMAST!

Sa mill-bidu tat-twaqqif tal-Banda Santa Marija, kellna wkoll magħna lis-Surmast Direttur Mro. Dr. Joseph Grech li mexa magħna din il-mixja ta’ 25 sena u li sallum f’idejh għada l-bakketta tal-banda tagħna! Kienu 25 sena ta’ tagħlim, provi u kunċerti ma’ jaqtgħu xejn! F’din l-okkażżjoni nixtiequ pubblikament nawgurawlu u nirringrazzawh tas-sapport u pariri kontinwi, fejn b’abilita’ u enerġija mexxa’ b’mod professjonali lil-banda tagħna.

Sadanittant, għaddew wkoll 5 snin minn meta il-kumitat appunta lil Mro. Franco Cefai bhala Asst. Surmast. Grazzi lil Mro. Cefai li huwa inkarigat mit-tagħlim tal-mużika [teorija] u servizzi speċjali. Kien ta’ għajnuna kbira wkoll meta anke riċentament huwa kien inkarigat bil-proċess tad-diġitilazzjoni tal-Innu l-Kbir. Nawgurawlu u pubblikament nirringrazzjawh tas-sapport kontinwu.

 

KATINA TA’ PROĠETTI FFINAZJATI MINN DIVERSI SKEMI…OPRI LI SER JIBQGĦU JITGAWDEW

L-ikbar sodisfazzjon ikun meta tlesti xi proġett; għax dak ikun ifisser it-tkomplija u l-għeluq ta’ perjodu ta’ xogħol, ħidma, sfidi u xi kultant diffikultajiet mhux żgħar u ta’ inkwiet. Iżda, minn naħa tal-Kumitat, filwaqt li nkunu qed nwettqu proġett, ħsibijietna jkunu diġa fuq proġetti u xi kultant ħolmiet ġodda b’risq il-Banda tagħna. B’sodisfazzjon, ninfurmawkom li għal sena oħra erġajna konna protagonisti u rbaħna numru ta’ skemi li ser jissarfu f’proġetti li minħabba l-valur u l-ispejjeż, li kieku ma jkunux dawn il-fondi jibqgħu ħolma. Dawn huma d-dettalji dwar dak li għaddejjin minnhu bħalissa:

Il-Koppla Artistika: Kif semmejna aktar kmieni, dan il-proġett issa tlesta f’Mejju 2020 u anke ġie kkumplimentat b’sistema ta’ illuminazzjoni. Grazzi lil kull min ħadem fuq dan il-proġett li sewa’ madwar €15,000. Dan ġie kollhu ffinanzajt mill-programm VOPS maħruġ mill-Malta Council for the Voluntary Sector. Grazzi lil diversi voluntiera li għenu mhux ftit biex laħħaqna il-proġett fil-ħin kif wkoll tax-xogħol b’mod volontarju biex b’hekk irnexxielna nżommu mall-budget ta’ fondi allokati.

Vetrina għal Arkivju: ix-xogħol fuq din l-opra li ser tkun qed tikkumplimenta l-Arkivju hija pprogrammata li titlesta fl-aħħar kwart ta’ din is-sena. Dan il-proġett huwa ffinanzjat minn NGO funds maħruga mill-Ministeru għal- Għawdex.

Rinnovazzjoni tal-entratura tal-Każin: Matul l-aħħar xhur imxejna mhux ħażin fuq dan il-proġett, fejn wara li tlesta is-soffit fil-foyer tal-Botteggin, sar wkoll il-gwarniċun fl-injam madwar l-entratura kollha tal-każin. Hawn nirringrazzjaw mill-qalb lis-Sur Mario Vella għax-xogħol fl-injam kif wkoll lis-Sur Joseph Saliba għax-xogħol fil- gypsum tal-għajnuna u d-dedikazzjoni volontarja li sibna biex isir dan ix-xogħol. Mill-ġdid, l-ispejjeż tal-materjal marbuta ma’ dan il-proġett huma ilkoll koperti minn skemi ta’ fondi maħruġa mill-Malta Arts Funds u l-Għaqda Każini tal-Banda. Grazzi wkoll lil Leli Cini, fejn minbarra xogħol ta’ disinn u supervizjoni, ħadem wkoll numru ta’ mensoli li ser ikunu qed jikkumplimentaw dan il-proġett. Ix-xogħol mistenni jitlesta sal-aħħar tas-sena.

Bieb sekondarju tal-faċċata: Fuq inizzjativa ta’ benefattur partikolari, fil-ġimgħat li ġejjin ser jibda wkoll ix-xogħol fuq il-bieb sekondarju tal-faċċata (dak ta' Triq Ġoma). Grazzi lil persuna partikolari li ser tkun qed tikkummissjona dan ix-xogħol kif wkoll lil Leli Cini li minbarra d-disinn ser ikun wkoll jagħmel xogħol ta’ skultura fl-injam.

Uffiċċju Amministrattiv: Matul l-aħħar ġimgħat tlesta wkoll l-proġett ta’ tagħmir tal-Uffiċċju Amministrattiv tas- Soċjeta’ tagħna. Dan ix-xogħol fost l-oħrajn inkluda t-tqassim, l-ikkatalogar u l-arkivjar tad-dokumenti amministrattivi tas-Soċjeta’. Dan sar bil-għan li jkun hemm referenza ċara għal dokumenti importanti [anke fil-futur] marbuta mal- ħidma u tmexxija tas-Soċjeta’ u l-Każin tagħna. Grazzi lid-diversi voluntiera tal-għajnuna u sapport meħtieġ. Dan il- proġett sar bil-għajnuna tal-iskema “Small Initiatives Support” amministrata mill-Kunsill Malti għas-Settur tal- Volontarjat.

Restawr ta’ Strumenti: Is-Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija bi pjaċir tħabbar li kkwalifikat minn skema oħra ta’ fondi maħruga mill-Ministeru għal Għawdex aktar kmieni din is-sena ntiża għall-Għaqdiet Non-Governattivi Għawdxin. Ħarsitna ssa ddur fuq it-twettiq ta’ dan il-proġett li jinkludi fost l-oħrajn restawr ta’ strumenti u xiri ta’ mużika. L-implimentazzjoni ta’ dan il-progett ser tibda fil-ġimgħat li ġejjin.

Sistema ta’ PANNELLI FOTOVOLTAJIĊI: Wara l-publikazzjoni ta’ skema maħruġa aktar kmieni mill-Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma; s-Soċjeta’ tagħna kienet waħda minn ta’ quddiem li applikaw u li b’suċċess ġew magħżula biex issa ser nibbenefikaw mill-installazzjoni ta’ sistema ta’ 24 panelli fotovoltajiċi, liema sistema ser tiġi nstallata fix-xhur li ġejjin mingħajr ebda ħlas għall-ispejjeż involuti. Nhar il-Ħamis 9 ta’ Lulju 2020 ġie ssiġillat il- kuntratt li jkopri dan il-proġett u li fuq medda ta’ snin għandu jissarraf f’introjtu finanzjaru għas-Soċjeta’ tagħna.

 

Insostnu u mportanti ħafna li niċċaraw ma’ kulħadd li dawn il-fondi allokati jridu jintużaw biss għall-proġett sottomess u bl-ebda mod ma jistgħu jintużaw xi fondi għal għanijiet oħra. Inżidu wkoll li meta titfa’ applikazzjoni, nkunu rridu nimxu ma’ numru ta’ kriterji stabilti u ma nkunux nistgħu napplikaw għal dak kollhu li forsi wieħed jixtieq. Filwaqt li nkunu qed nikkompetu ma’ mijiet ta’ għaqdiet oħra; kull applikazzjoni tfisser sigħat twal ta’ ħsieb, ġbir ta’ stimi, rapporti, preparazzjonijiet, laqgħat ġewwa Malta kif wkoll awditjar tar-rendikonti finanzjarji tas-Soċjeta. Hawn nirringrazzjaw lil dawk kollha li jgħinu f’dan il-proċess. Ta’ min jinnota wkoll li qed nużaw l-esperjenza tagħna biex anke l-Parroċċa tagħna tkun tista takkwista fondi simili. Fl-aħħar mill-aħħar is-suċċess ta’ kull poġett huwa possibli grazzi għall-fiduċja,
għajnuna u d-donazzjonijiet kontinwi tagħkom. Nitolbukom biex l-għajnuna u d-donazzjonijiet tagħkom jibqgħu kontinwi u tkomplu tkunu ġenerużi biex b’hekk ilkoll flimkien ikollna ir-riżorsi, l-organizzazzjoni u l-garanziji finanzjarji meħtieġa biex nisfruttaw aktar opportunitajiet simili.

 

APPROVAT PROĊESS T’AWDITJAR FUQ IL-BINJA TAL-KAŻIN.

Hekk kif konnha infurmajnikom fl-ittra ta’ Settembru 2019, f’dik fi Frar li għadda u anke kif diskuss fil-laqgħa ġenerali 2020, ninfurmawkom li fl-aħħar ġimgħat ġie approvat il-proċess t’‘awditjar’ sħiħ fuq il-binja tal-każin, fejn issa ġew wkoll approvati l-pjanti aġġornati [skond l-użu eżistenti] mill-Awtorita tal-Ippjanar u mill-Kummissjoni tal-ippjanar. Dan il- proċess jinkludi mhux biss il-każin iżda wkoll il-maħżen li bħalissa qed jintuża mill-Għaqda Armar.

Il-bidu ta’ dan kollhu kien li meta ġejna biex napplikaw għal diversi skemi ta’ fondi u li kienu jirrikjedu xogħol strutturali, ġejna infurmati mill-awtoritajiet li sabiex l-applikazzjonijiet tagħna ikunu kkunsidrati, kien mitlub li jsir eżercizzju li fih jiġu regolati l-pjanti tal-Każin, u dan peress li kienu identifikati xi diverġenzi dwar dak li kien oriġinarjament approvat mill-MEPA. Stajna forsi qagħdna lura u ħallejna l-affarijiet kif inhuma u ma’ tajniex kas! Iżda wara diskussjoni fi ħdan il-kumitat u anke fuq pariri tal-periti, ġejna ggwidati li jkun għaqli li jiġu rregolarizzati l-affarijiet. Huwa vera, konna għaddejjin! Imma l-Kumitat Eżekuttiv itenni li aħna obbligati u nħossuna responsabbli mhux biss għat-tmexxija ta’ dak li qegħdin aħna preżenti fih, imma wkoll responsabbli minn dak li ser isibu quddiemhom dawk li ser jiġu jamministraw warajna. Nemmnu li fejn hemm lok ta’ titjib, irridu naħdmu fuq kull aspett biex naraw li kollox ikun konformi u regolat.

Dan il-proċess ser jirrikjedi anke sagriffiċċju finanzjarju, bis-somma li trid titħallas tlaħħaq it-total ta’ €14,950.00c. Ma hix somma żgħira u wieħed forsi jaqta’ qalbu. Iżda bħal kif konna determinati biex ħallasna il-kontijiet pendenti fi żmien qasir, anke hawn, il-kumitat kien pro-attiv u ħadem biex stajna nakkwistaw allokazzjoni ta’ fondi li tkopri l- ispejjeż meħtieġa. B’hekk, bi pjaċir ninfurmawkom li ser inkunu nistgħu ngħalqu dan il-proċess mingħajr ma’ nirrikorru għandkom u fl-istess ħin inkunu b’mod għaqli rregoralizzajna l-affarijiet! Intennu wkoll li minbarra kwistjonijiet ta’ konformita, dan l-eżerċizzju ser ifisser anke l-muftieħ biex bħala Soċjeta’ nkunu nistgħu nkomplu napplikaw għal aktar proġetti ta’ natura infrastrutturali u li jkunu ffinanzjati minn skemi ta’ fondi. Eżempju wieħed u dak riċenti huma l-akkwist tas-sistema ta’ pannelli li semmejna aktar qabel u skemi oħrajn li diġa bdejna naħdmu fuqhom!

 

RENDIKONT FINANZJARU

Bħal kull sena, biex kulħadd jingħata sodisfazzjon ta’ fejn il-kontribuzzjonijiet tiegħu/tagħha qegħdin jiġu investiti, ma’ din l-ittra, fl-aħħar paġna hemm id-dettalji kollha tad-dħul u ħruġ matul is-sena 2019. Min jkun jixtieq jikjarifika xi punti jew jixtieq aktar dettalji, tiddejqu xejn tkellmu lit-Teżoriera jew lil xi membru tal-Kumitat Eżekkuttiv. Dawn ir-rendikonti ġew iċċertifikati mir-Reviżuri [Awdituri Interni] tas-Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija kif wkoll iċċertifikat minn Accountant kwalifikat u mgħoddija lill-uffiċċju tal-Kummissarju tal-Volontarjat ġewwa Malta skond l-att tal-liġi li tirregola lill-organizzazzjonijiet volontarji u non-governattivi rreġistrati. Inħossu li huwa dritt tagħkom li tkunu mgħarrfa bil- pożizzjoni finanzjarja tas-Soċjeta’ tagħna.

 

..U RINGRAZZJAMENTI:

  • Lil dawk kollha li għoġobhom jgħaddulna id-donazzjoni tagħhom matul l-aħħar ġimgħat fid-dawl li bħalissa mhux possibli jsiru attivitajiet. Insostnu li l-ispejjeż xorta jibqgħu hemm [fosthom ta’ tagħlim u strumenti ġodda] u għaldaqstant naprezzaw l-għajnuna tagħkom.
  • Lil persuna li rregalat linfa kbira tal-kristall li ser tintuza fil-foyer tad-daħla tas-Sala.
  • Grazzi mill-qalb lil Salvina Zammit li għal diversi snin serviet bħala rappreżentanta tas-Sezzjoni Nisa fi ħdan il-Kumitat Eżekuttiv. Sadanittant, nagħtu merħba lis-Sur Franesco Curmi bħala membru ġdid tal-Kumitat Eżekuttiv, bl-inkarigu ta’ Arkivist. Il-bqija tal-Karigi tal-Kumitat għas-sena 2020 baqgħu bħas-sena preċedenti.
  • Lil Mario Portelli li ta’ kull ġimgħa matul l-erbgħat kif wkoll fl-okkażjonijiet speċjali jinkariga li jtellgħa il-bandiera tas-Soċjeta’. Grazzi wkoll għal xogħol ta’ tikħil u kisi fil-każin fl-aħħar xhur.
  • Nicholas u Ritienne Cini tas-sostenn, paċenzja u d-disponabbilita’ tagħhom waqt ix-xogħolijiet li għaddejjin fid- daħla tal-każin

 

ĦSIEB MID-DIRETTUR SPIRITWALI…

“Forsi “dawk li jgħixu ħajja ftit jew wisq mingħajr ma jonqoshom xejn, dawk ma jafux jibku. Ċerti realtajiet tal-ħajja jidhru biss bl-għajnejn maħsula mid-dmugħ. Nistieden lil kull wieħed u waħda  minnkom biex tistaqsu lilkom infuskom: Jien tgħallimt nibki?”
(Mill-Ezortazzjoni Christus Vivit ta' Papa Frangisku, paragrafu 76).

Il-Kan. Dun Noel Saliba jixtieq jappella u jħeġġeġ lill-membri tal-kumitati, bandisti, aljievi, soċi u benefatturi tas-Soċjeta` Filarmonika Santa Marija biex flimkien mal-poplu kollu, f’dawn il-jiem ta’ festi niġġeddu spiritwalment billi nersqu għall-qrara sinċiera u nqaddsu l-festa bi tqarbina xierqa.

IL-FESTA IT-TAJBA LIL-KULĦADD!
Tislijiet,
Marnol Sultana
Segretarju

RAPPORT FINANZJARAJRU 2019

DĦUL 2019 – Dettalji (€)
Donazzjonijiet Personali 2,272.43
Organizzazzjoni ta’ Lotteriji 2,369.85
Dħul minn Coffee Morning/Tea Nights/Ħargiet 5,951.11
Strina – Kunċert Festa – Tessera 1,313.00
Ħlasijiet ta’Marċijiet* [Kunsill Lokali/Parroċċa/Uffiċju tal-Kultura/Parroċċi Għawdxin/Sezzjoni Żgħażagħ [Marċ Hdax] 20,730.00
Bank Interest 6.93
Sponsors għal-attivitajiet u reklami 2,995.00
Kiri Bottegin Każin/ Kiri Spazju għal-Radio Antenna*/Kiri Sala Każin/Billiard
[ninnottaw lis-Sala Prinċipali qed tiġi mikrija bir-rata ta’ €50 kull darba għal-attivitajiet/functions privati. Għal attivitajiet organizzati mill-għaqdiet/parroċċa etc, qed jintalab ħlas ta’ €15] 4,645.68

Grants minn diversi Skemi ta' Fondi (VOPS – SIS – Gozo NGOs Fund -Agenzija Zghazagh – Creative Communities – Malta Art Funds – Sponsorship ta’ Sweet Tooth Festival –Programm SACRIS – Easter in Gozo – Christmas in Gozo–GOZO ALIVE)  59,182.26

ĦRUG 2019 – Dettalji (€)
Tagħlim tal-Mużika, Xiri ta' Kotba u Biċċiet Mużikali , strumenti ġodda u tiswijiet ta’ strumenti 7,659.33
Spejjeż marbuta ma’ Ikel, rigali, kiri t'apparat għal-attivtiajiet varji, rigali għal-lotteriji, esebizzjonijiet etc. 3,821.41
Ħlas lil bandisti [fis-servizz tal-paroċċa, il-bandisti tal-post/Żebbuġin jaghtu s-servizz mingħajr ħlas]. Is-Soċ. Filar. S. Marija tkopri l-ispejjez kollha marbuta ma diversi servizzi, inkluż l-ispejjeż tal-bandisti barranin. 19,772.50
Tifkiriet [Jum l-Omm, Jum il-Missier , rigali tfal u żjajar lil dawk li jitqarbnu/joqogħdu waħidhom] etc. 127.00
Reg.Fees/Permessi Pulizija / Dawl Antenna/Posta/Stationery/Petty Cash [Materjal tat-tindif etc…] 498.71
Xiri u tiswija ta’ Strumenti tal-mużika u Uniformijiet 635.00
Sound, dawl, kiri ta’ siġġijiet u spejjeż varji marbuta mal-organizzazzjoni tal-Kunċert tal-Festa u Kuncert SACRIS [esklużi spejjeż tal-Mużika u ħlas bandisti barranin] 1,371.41
Disinn u Printing ta' Posters /ittri/leaflets/invite/ħlas lil Parroċċa li jkopri l-ispazju tar-reklami fuq ktieb tal-Festa 1040.00
Trasport [ħarġiet u servizzi barra mir-raħal] 624.00
Ħlasijiet tal-marcijiet tal-Festa 2019 minn baned barranin 3,445.00
Planning Authority – Regularisation Fee [phase 1] 3,646.00
Servizzi ta’ fotografija/streaming/ Internet/Media/website hosting 372.14
Ħlas fuq proġetti ġodda [uħud għadna għaddejjin minnhom] tal-każin ffinanzjati minn diversi skemi ta’ fondi, fosthom: irħam tat-taraġ prinċipali u foyer tas-Sala; Injam għal gwarniċun tal-foyer tal-entratura tal-Każin; Sistema ta’ ACs u Soffit għal-foyer tal-bottegin; Xogħol ta’ Stained Glass u xogħolijiet minuri fil-frames/twieqi għall-Koppla; Vetrina għal-Arkivju; materjal marbut mal-manutenzjoni tal-bibien tal-faċċata; organizzazjoni ta’ Sweet Tooth Festival; folders biex tinżamm il-mużika, xiri ta’ mużika u restawr ta’ strumenti antiki 48,631.58

Spejjeż oħra mħallsa direttament minn Santa Marija Snack Bar [Kerrej tal-botteggin]

  • Kontijiet tad-dawl u ilma tal-każin KOLLHU [inkluż tal-bankina kif wkoll tal-basement u maħżen Armar.
  • Kontijiet marbuta mal-internet fil-Każin kollhu, telephone tal-bottegin u Insurance coverage tal-Każin/
  • Reġistrazzjoni, manutenzjoni u upgrading tas-sistema tas-sigurta, fire alarm u security cameras tal-każin kollhu [ta’ min ninnotaw lil każin, inkluż basement huma mgħammrin b’cameras tas-sigurta’ l-ħin kollhu]
  • Reġistrazzjoni annwali, servicing u manutenzjoni tal-lift tal-każin [€700 fis-sena] u tal-Water Reserviour