Ittra Kumitat Eżekuttiv – Awwissu 2022

ASSUMPTAFEST 2022!

L-ERBGĦA 17 T’AWWISSU 2022… IL-KUNĊERT ANNWALI

Il-Banda Santa Marija, taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Joseph Grech, ser tippreżenta l-kunċert mużikali “ASSUMPTAFEST”, nhar il-Erbgħa 17 t’ Awwissu 2022 ġewwa pjazza l-Assunta, ż-Żebbuġ Għawdex fid-8.45pm. Dan il-Kunċert qed jiġi organizzat flimkien u b’inizjattiva tal-Kunsill Lokali taż-Żebbug u bil-għajnuna tal-Ministeru għal Għawdex.   Matul dan il-kunċert, il-banda Santa Marija ser tkun qed tippreżenta lill-udjenza diversi siltiet mużikali.  Il-protagonisti prinċipali ser ikunu għal darb’oħra l-bandisti tal-Banda Santa Marija.  Minbarra t-talent lokali, partikolarment bis-sehem tal-korijiet tal-Parroċċa, ser jingħaqdu magħna wkoll il-kantanti Jolene Samhan u Ludwig Galea.  Dawn iż-żewġ kantanti żgur li m’għandhom bżonn ebda introduzzjoni fil-qasam mużikali u għaldaqstant l-ispettaklu huwa garantit! 

Ser nagħtu wkoll numru ta’ rikonoxximenti lil persuni li matul is-snin li għaddew taw kontribut siewi lis-Soċjeta` Filarmonika Santa Marija kif ukoll lir-raħal tagħna; fosthom il-premju ‘Ġieħ il-Banda’ u l-premju ‘Bandist/a tas- Sena’.  Nifirħu wkoll lil erba’ bandisti ġodda li ser tkun qed issirilhom l-vestizzjoni bħala bandisti ġodda mal-Banda Santa Marija wara xhur u snin ta’ studju.  Ma’ jonqsux messaġġi tal-okkażżjoni. Dan il-kunċert ser ikun festa mużikali għal kulħadd…għalhekk nħeġġukom biex iżżommu dan l-appuntament magħna filwaqt li tħajru oħrajn jattendu.  L-attendenza tagħkom hija żgur l-aqwa appoġġ u apprezzament għall-bandisti tagħna.  Infakkrukom li s-Soċjeta` Filarmonika Santa Marija tinvesti numru sostanzjali ta’ finanzi biex jirnexxiela ttella’ programm professjonali.  Għaldaqstant, nħeġġukom tikkontribwixxu kemm tistgħu fil-ġabra li ssir waqt il-kunċert.

Fl-aħħar imma mhux l-anqas grazzi kbira tmur lil dawk kollha, fosthom lil bandisti Żebbuġin u bandisti oħrajn, Surmast u Asst. Surmast u l-Kumitat li bħalissa għaddejjin bl-arranġamenti u l-preparazzjonijiet meħtieġa biex jittella’ dan il-programm mużikali. F’dan il-Kuncert l-element ta’ sorpriża ma’ jonqosx…għalhekk żommu din id-data libera u ngħaqdu magħna għal din l-avventura mużikali!

INAWGURAZZJONI TAR-RESTAWR TAL-INKWADRU TITULARI

Wara li f’Jannar 2022, b’ħidma konġunta bejn is-Soċ. Filar. Santa Marija u l-Parroċċa ġew assigurati l-fondi (€14,860 mir-Restoration Funding Scheme – Kunsill Malti għall-Arti) biex isir ir-restawr tal-Inkwadru titulari li jirrapreżenta l-inkurunazzjni tal-Madonna, bi pjaċir ninfurmawkom li dan ix-xogħol wasal fl-aħħar fażijiet tiegħu, fejn issa l-pass li jmiss huwa li nilqgħu lura l-inkwadru titulari rrestawrat.  Din l-okkażżjoni ser tkun nhar il-Erbgħa 17 t’Awwissu 2022, fejn waqt il-programm Assumptafest 2022, ser issir cerimonja speċjali u l-kxif mill-ġdid ta’ dan l-inkwadru tant għażiż għalina poplu taż-Żebbuġ.  Dan il-mument huwa storiku u t’unur għalina lkoll, fejn li hinn mill-aspett reliġjuż u l-qima li għadna llkoll lejn Ommna l-Inkurunata, fl-istess ħin ser inkunu wkoll qed ngħaddu li ta’ warajna din l-opra t’arti tant prezzjuża (tas-seklu 18) fl-istat oriġinali tagħha. Għalhekk, żommu dan l-appuntament u ingħaqdu magħna ġewwa Pjazza l-Assunta nhar il-Erbgħa 17 t’Awwissu mid-8:45pm `il quddiem!  Titilfuhx!     

MARĊIJIET MATUL IL-FESTA

Minbarra il-kunċert annwali, għal dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-mużika u l-baned, dawn huma l-marċi li ser jittellgħu din is-sena fil-festa tagħna. 

  • Il-Ġimgħa 12 t’Awwissu 2022 fit-7:45p.m. – Il-Banda Santa Marija ser tkun qed takkumpanja l-ħruġ tal-Istatwa ta’ Santa Marija minn niċċa fost il-kant tal-innijiet reliġjużi. Wara l-istess Banda tkompli ddoqq Marċi brijużi fit-toroq ewlenin.
  • Il-Ġimgħa 19 t’Awwissu 2022 fid-9:30p.m.  – Fid-9.30p.m. Dimostrazzjoni bl-istatwa ta’ Santa Marija ta’ barra (Kav Agostino Camilleri. 1962) akkumpanjata mill-Banda ‘Santa Marija’ taż-Żebbuġ u mill-Banda ‘Vizitazzjoni’ tal-Għarb li tibda minn Triq Lampuka, Triq il-Mitħna, Triq il-Ponta, Triq Ġoma, Triq il-Knisja  sa’ Pjazza l-Assunta.  F’11.45p.m. waqt il-kant ta’ l-Innu Popolari lill-Assunta, l-istatwa ta’ Santa Marija tittella’ fuq il-pedestall fi Pjazza l-Assunta. Wara it-tlugħ ta’ Santa Marija fuq il-Pedestall, insegwu multivisual feature maħdum mis-Sezzjoni Żgħażagħ
  • Is-Sibt 20 t’Awwissu 2022 fid-10:15p.m – Marċ mill-Banda ‘San Girgor’ ta’ Kerċem li jibda minn Triq il-Madonna taċ-Ċiċri, lejn Pjazza l-Assunta sa ħdejn il-Każin tal-Banda.  Fil-10.15p.m. il-Banda Santa Margerita ta’ Sannat ittella’ programm mużikali fuq il-planċier fil- Pjazza
  • Il-Ħadd 21 t’Awwissu 2022 fil-11:30a.m. – Marċ Kbir ta’ filgħodu (minn ħdejn il-Każin għall-Triq Għajn Mhelel, Triq Għażżiela, Triq il-Madonna taċ-Ċiċri u ngħalqu fi Pjazza l-Assunta.
  • Il-Ħadd 21 t’Awwissu 2022 fis-7.30p.m – Il-Banda ‘Santa Marija’ issellem lil Santa Marija bl-Innu ‘Alla Beata Vergine Maria Assunta in Cielo’, fuq versi ta’ Giuseppe Serafino Cutajar u mużika ta’ Mro. Willie Attard. Wara l-Banda ‘Santa Marija’ taż-Żebbuġ iddoqq l-Innu Popolari lill-Assunta u takkumpanja l-Purċissjoni b’Marċi u innijiet Reliġjużi. Fit-8.00p.m. Programm mużikali fi Pjazza l-Assunta mill-Banda Ċittadina ‘Leone’ tal-Belt Victoria.

FESTA TA’ KULURI – 3D MAPPING WAQT IL-MARĊ TAD-DIMOSTRAZZJONI

Is-Sezzjoni Żgħażagħ ser tkun qed ttella’ spettaklu ta’ 3D mapping mall-faċċata tal-każin nhar il-Ġimgħa 19 t’Awwissu.  Dan ser ikun spettakklu kkullurit u oriġinali u nħallu l-element ta’ sorpriża, biex intom ilkoll tgħixu din l-esperjenza.  Għalhekk, ejjew ingħaqdu mal-marċ tad-dimostrazzjoni biex imbgħad flimkien insegwu spettaklu quddiem il-każin għal ħabta tal-10:45p.m.  

BBQ L-GĦADA TAL-FESTA

Infakkru wkoll li t-Tnejn 22 t’Awwissu 2022 fit-8.00p.m, ikollna l-BBQ fuq il-bejt tal-każin fejn il-bandisti, l-istudenti u l-helpers flimkien mal-kumitat eżekuttiv u sezzjonijiet niltaqgħu u nieħdu xi ħaġa żgħira flimkien. Grazzi mill-qalb lill-voluntiera li jagħtu daqqa t’id biex dan il-BBQ ikun possibli.

WARA S-SERATA FIL-BERAĦ 2022!

L-attivita` ‘Serata fil-Beraħ 2022’ nhar il-Ġimgħa 22 ta’ Lulju kienet suċċess ieħor li jimliena b’kuraġġ inkomplu bil-ħidma u l-attivitajiet tagħna.  Grazzi lilkom ilkoll li attendejtu kif ukoll lil dawk li offrewlna oġġetti u vouchers biex jitellgħu fis-serata. Grazzi lil dawk kollha li kienu t’għajnuna kif wkoll lis-Sezzjonijiet tan-Nisa u Żgħażagħ.  Il-qliegħ minn din is-serata kien ta’ XXXXXX

APPELLI…U RINGRAZZJAMENTI:

  • Nappellaw biex bħal kull sena tkunu ġenerużi u tagħtu l-kontribuzzjoni tagħkom għall-marċ tal-ħdax, wieħed mill-aktar marċijiet popolari fir-raħal tagħna.  Grazzi lill-membri tal-Kumitat taż-Żgħażagħ li ser jgħinu fil-ġbir ta’ dan il-marċ.
  • lil dawk kollha li għoġobhom jirriklamaw il-prodotti tagħhom fil-ktieb tal-festa. Nappellaw li kif huma għenuna, hekk ukoll aħna ngħinu lilhom billi nixtru u nagħmlu użu mis-servizzi li joffru. 
  • lilkom li ħadtu sehem fil-lotterija l-kbira tas-Sajf.  Ninfurmawkom li r-rebbieħa kienu:  l-ewwel premju Sylvana Saliba [ta’ Triq Skapuċċina], tieni premju – Monica Zammit [ta’ Triq il-Knisja] u t-tielet premju – Josephine Mercieca [ta’ Triq il-Ponta). Grazzi lil dawk kollha li għenu fil-ġbir tal-biljetti.
  • Lil diversi individwi, ditti u ħwienet li għoġobhom jagħtu oġġetti, vouchers u rigali oħrajn biex setgħu jintużaw waqt numru t’attivitajiet kemm tal-Banda kif wkoll tas-Sezzjoni Żgħażagħ.
  • Grazzi kbira wkoll lill-ġirien tal-każin li jikkoperaw mhux ftit matul is-sena u b’mod speċjali matul il-jiem tal-festa fejn l-attivita` fil-każin tiżdied mhux ħażin.
  • lill-Arċipriet tal-koperazzjoni u l-għajnuna kbira speċjalment f’dan iż-żmien tall-festa.
  • lill-bandisti li matul l-aħħar xhur kienu hemm biex stajna esegwixxejna numru ta’ servizzi kemm f’festi oħra barra mir-raħal tagħna kif ukoll servizzi ġewwa ż-Żebbuġ.

XEWQA MID-DIRETTUR SPIRITWALI…Il-Kan. Dun Noel Saliba jixtieq jappella u jħeġġeġ lill-membri tal-kumitati, bandisti, aljievi, soċi u benefatturi tas-Soċjeta` Filarmonika Santa Marija biex flimkien mal-poplu kollu, f’dawn il-jiem ta’ festi niġġeddu spiritwalment billi nersqu għall-qrara sinċiera u nqaddsu l-festa bi tqarbina xierqa.   IL-FESTA IT-TAJBA LIL-KULĦADD!

Tislijiet

Marnol Sultana

Segretarju

Filwaqt li nirringrazzjaw bil-quddiem lil dawk kollha li qed jgħinu fl-organizzazzjoni tal-marċijiet, b’mod speċjali lil membri tas-Sezzjoni Żgħażagħ, nixtiequ, flimkien ma’ l-istess sezzjoni nappellaw biex waqt l-istess marċijiet:

  • Inżommu l-ordni u nimxu skond l-istruzzjonijiet li jkunu qegħdin jingħataw biex nassiguraw lil marċijiet jimxu kif suppost u naslu fil-ħin stipulat. 
  • Kullħadd ikun libes kif xieraq u nżommu mġieba tajba.
  • Konsum t’alkoħol waqt il-marċijiet jkun ikkontrollat.  Xorb huwa PROJBIT għal dawk taħt l-eta.
  • Flares u fliexken tal-ħġieġ waqt il-marċijiet mhux ser ikunu permessi. 
  • U jekk ser tkun issuq…TIXROBX.  Aħseb fik innifsek, fil-familja tiegħek u f’dawk ta’ madwarek!!

Nhar il-festa, niltaqgħu lkoll fuq iz-zuntier għas-7:15p.m. biex imbad nagħtu tislima denja lil Omma l-Assunta hekk kif toħroġ mill-Knisja.  Dan l-mument huwa l-qofol tal-festa.  Ejjew ilkoll niddevertu imma nżommu f’moħħna li l-ewwel u qabel kollox qegħdin niċċelebaw il-festa t’Ommna l-Assunta.