Glorja ‘l Alla fl-għoli tas-smewwiet…
Fil-lejl tal-Milied, l-anġli dehru lir-ragħajja, u tawhom dan il-messaġġ: "F'għar issibu tarbija mimduda f'maxtura u dan hu ta' ferħ kbir għalikom għax twieldilkom Salvatur" (Lq 2, 11-12). U l-anġli għannew din l-għanja: "Glorja 'l Alla fl-għoli tas-smewwiet u paċi fl-art lill-bnedmin maħbubin mill-Mulej" (Lq 2, 14). Wasal żmien il-Milied u bħala nsara, il-jiem li ġejjin huma wkoll speċjali għaliex ser inkunu qed nippreparaw għall-jum li fih twieled il-verb divin, Ġesu’ Bambin, ġo għar tal-annimali, f’maxtura, fil-faqar, ‘il bogħod minn raħal il-ġenituri tiegħu.
Dan iż-żmien ikun wieħed impenjattiv mhux ħażin u mżewwaq b’diversi appuntamenti li jgħinuna nfakkru waħda mill-akbar ġrajjiet bibliċi. Bħala Soċjeta,’ wkoll għandna ppreparat għalikom numru t’attivitajiet biex magħna intom wkoll tidħlu fl-ispirtu ta’ dawn iż-żminijiet solenni. Hawn huma d-dettalji…
Serata tal-Milied 2017 – l-Attivita Ewlenija għall-Famija Kollha…
Is-serata speċjali “Flimkien fil-Milied” imtellgħa mis-Soċ. Filar. Santa Marija din is-sena ser issir nhar is- Sibt 16 ta’ Diċembru 2017 fis-7.30pm. Din is-sena ser tkun waħda speċjali peress li ser tkun l- okkażżjoni biex taraw ix-xogħol li sar marbut mal-attrezzar tas-Sala tal-Każin, fosthom coving mad-dawra ta’ fuq tas-Sala kif wkoll sistema ta’ PA u Sound. Minbarra hekk, waqt is-serata ser jingħaqad magħna wkoll l-illużżjonista ta’ fama Nazzjonali Brian Role’, fejn ser ikun qed jagħti spettaku ta’ llużjoni u maġija!
Filwaqt li ser jingħaqad magħna l-Father Christmas, ħsibna wkoll biex nagħtu aktar spazju lit-talent lokali, fejn fosthom ser ikollna il-Youth Band li ser tkun qed tislet diversi siltiet tal-Milied mmexxija mill-Assistent Surmast Franco Cefai. Ser ikollna wkoll farsa minn żgħażagħ Żebbuġin miktuba mill-PRO Diane Calleja. Ma jonqsux il-Priedka tat-Tifla, diversi poeżiji kif wkoll kant mill-kor Regina Angelorum li ser ikompli jdaħħalna aktar fl-ispirtu ferrieħi ta’ dawn il-ġranet. Naturalment l-ikel ma jonqosx u ser tingħaa tifkira lit- tfal kollha li jattendu. Tinsewx li matul s-serata tittella’ wkoll l-lotterija fis-sett pasturi l-kbar. Din is-sena titilfuhiex u ħeġġu oħrajn jiġu. Ħsibna biex inżommu il-prezz tad-dħul baxx, iġifieri dak ta’ €5.00c. Ser noffru trasport b’xejn lura d-dar u għal min jixtieq trasport għal qabel, huwa mitlub javviċina lil xi membru tal-Kumitat jew Sezzjoni Nisa…Narawkom!
Lotterija tal-Pasturi u l-Kompetizzjoni tal-Isbaħ Tieqa
Infakkrukom li għadna kif qassamna pakkett biljetti f’kull dar biex wieħed jkun jista jieħu sehem fil-lotterija f’sett pasturi kbar u artistiċi (valur ta €200) li jinsabu għall-wiri fit-tieqa tal-każin tagħna. Nappellaw biex kull familja tittanta xortiha f’din il-lotterija tal-Milied. Il-Biljetti ser jinġabru fil-jiem li ġejjin minn diversi membri tal-Kumitat u sezzjonijiet. Din is-sena ħsibna biex kabbarna din il-lotterija b’risq it-tagħlim tal- mużika, fejn issa ser ikollna wkoll statwa tas-Sagra Familja bħala t-tieni premju kif wkoll flixkun whisky għat-tielet rebbieħ. Lil dawk li ma nsibuhomx f’darhom u jixtiequ jittantaw xortihom huma mitluba tgħaddu dawn il-biljetti lil xi membru tal-Kumitat Eżekkuttiv jew fil-letter box tal-Każin sa nhar is-Sibt 16 ta’ Diċembru 2017.
Sadanittant, nappellaw lill-familji Żebbuġin biex jieħdu sehem fil-kompetizzjoni “L-Isbaħ Tieqa fil-Milied” billi jimlew l-applikazzjoni li tqassmet mal-bullettin u jgħadduha lill-membri tal-Kumitat Eżekuttiv sa nhar il- Ħadd 17 ta’ Diċembru 2017. Din il-kompetizzjoni titnieda kull sena bl-iskop li ninkoraġġixxu u napprezzaw il-ħila u t-talenti ta’ ħafna familji li għandhom għal qalbhom l-arti tat-tiżjin tal-Milied fid-djar tagħhom.
Żjara lill-Persuni li jgħixu waħedhom
Bħal kull sena fi żmien il-Milied, membri mill-Kumitat Eżekuttiv flimkien mad-Direttur Spiritwali l-Kan. Dun Noel Saliba ser nżuru lil dawk il-persuni kollha li jgħixu waħedhom. Filwaqt li nwasslulhom l-awgurju ta’ dawn il-ġranet qaddisa, nagħtuhom ukoll tifkira żgħira tal-Milied. Dan l-appuntament din is-sena ser ikun mqassam fuq jumejn, nhar il-Erbgħa 27 ta’ Diċembru mit-3.30pm 'il quddiem mill-Knisja l-isfel u nhar l- Ħamis 28 ta’ Diċembru mit-3.30pm 'il quddiem mill-Knisja l-fuq. Nieħdu gost ħafna niltaqgħu magħkom.
Dawk l-imberkin Neputijiet…Kemm se jkollna tiġijiet?!- Kummiedja fi tlett atti
Is-Sezzjoni Żgħażagħ ser tkun qed itella’ Kummiedja fi tlett atti bl-isem ‘Dawk l-imberkin Neputijiet…Kemm se jkollna tiġijiet?!’. Min ingħaqad magħna fis-snin l-oħra żgur għadu jiftakar is-serati ta’ daħk kontinwu li jafu joffru ż-Żgħażagħ Żebbuġin. Għalhekk din is-sena ngħaqad magħna għal Kummiedja ġdida nhar il-Ġimgħa 29 ta’ Diċembru 2017 [fit-8.00p.m.] u s-Sibt 30 ta’ Diċembru 2017 [fit-8.00p.m.] ġewwa s-sala tal-Każin. Nassigurawk daħka tajba, u tkun qiegħed tagħti sapport liż- żgħażagħ mir-raħal tagħna li ħadu ħsieb kemm il-kitba kif wkoll il-produzzjoni u d-direzzjoni ta’ din il- kummiedja. Aktar dettalji fil-jiem li ġejjin!
Adorazzjoni quddiem Ġesu’ Sagramentat u Quddiesa għal dawk li ħallewna matul is-Sena
Kif dejjem sostnejna, aspett ieħor ferm importanti għas-Soċjetà Filarmonika Santa Marija hu dak spiritwali fejn bl-għajnuna tad-Direttur Spiritwali Kan. Dun Noel Saliba, nhar il-Ħamis 28 ta’ Diċembru 2017, dritt wara il-quddies ta’ filgħaxija, ser norgannizaw siegħa Adorazzjoni għall-bandisti, benefatturi, helpers u membri kollha fi ħdan is-Soċ. Filar. Santa Marija. Imbagħad nhar il-Ħadd 7 ta’ Jannar 2018 fil-Quddiesa tal-Ħdax, is-Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija ser torganizza Quddiesa għal dawk kollha li ħallewna matul is-Sena 2017. Din il-quddiesa ssir flok li jsiru fjuri waqt il-funerali tal-individwi.
L-Istrina 2018…Ħarsitna ‘il quddiem lejn sena ġdida ta’ ħidma
Bħas-snin li għaddew, nhar il-Ħadd 7 ta’ Jannar 2018 ser inkunu nduru dar dar biex niġbru l-istrina. Din is-sena numru sabiħ ta’ bandisti u aljievi ġodda ngħaqdu magħna u dan huwa kollu frott tal-għajnuna li tajtuna intom stess. Il-ftit mingħand kulħadd ifisser għajnuna kbira għalina biex inkomplu noffru servizzi b’xejn lill-Paroċċa tagħna kif ukoll inkunu ta’ sapport fl-attivitajiet mużikali, soċjali, edukattivi u kulturali ġewwa r-raħal tagħna. Mingħajr id-donazzjonijiet tagħkom ma nkunux nistgħu noffru servizz lill-paroċċa u lir-raħal tagħna.
Il-Ħadd 7 ta’ Jannar 2018…Ikla għall-Ħbieb!!
Ħidmietna hija marbuta wkoll m’attivitajiet soċjali u ta’ divertiment bħala rikonoxximent għax-xogħol u s- sagrifiċċji li jgħaddu minnhom il-bandisti, membri, voluntiera u benefatturi kollha tagħna. Bħal kull sena ser issir ‘L-ikla tal-Ħbieb’ nhar il-Ħadd 7 ta’ Jannar 2018. Dan il-buffet kbir ser jiġi organizzat ġewwa l- każin tagħna stess bl-għajnuna ta Santa Marija Snack Bar. Għal min jixtieq jingħaqad magħna Il-prezz ser ikun dak ta’ €17.50 għal kbar u ta’ €12.50 għaż-żgħar (soft drink u tazza inbid inklużi). Nitolbukom biex tikkuntatjaw lil xi membru tal-Kumitat jew tibgħatu sms fuq in-numru 79273580 biex tikkonfermaw l- attendenza tagħkom filwaqt li ngħaddulkom aktar dettalji dwar din l-attivita’. Tħallux għall-aħħar!
Lilkom ilkoll benefatturi, voluntiera, bandisti, membri, soċi u sostenituri tagħna…
Għal din is-sena, din l-ittra ser tkun l-aħħar okkażżjoni fejn nibgħatu ninfurmawkom dwar dak li qed jiġri fi ħdan is-Soċjeta’ u l-banda tagħna. Kienet waħda mill-aktar snin impenjattivi, b’numru ta’ proġetti, servizzi u attivitajiet. Nixtieq nagħlaq b’ringrazzjament ta’ gratitudni u l-isbaħ xewqat lilkom kollha li tagħtuna l-appoġġ kontinwu. Inselli b’mod speċjali lil sħabi President u membri tal-Kumitat Eżekuttiv kif ukoll lill-membri kollha tas-Sotto Kumitati tan-Nisa u taż-Żgħażagħ, Kummissjoni Banda, lill-bandisti, Surmast u Assistent Surmast, soċji, membri, voluntiera, emigranti u ħbieb.
Din is-sena ringrazzjament partikolari jmur lil dawk il-voluntiera kollha li taw sehem biex lestejna fil-ħin diversi proġetti ta’ natura kapitali, fosthom xogħol t’attrezzar fis-Sala tal-Każin, l-Arkivju Mużikali, l-Bieb Prinċipali kif wkoll il-Kamra tal-Kumitat. Dawn ilkoll proġetti li kienu ħolma u li llum saru realta’! Grazzi wkoll lill-Arċipriet, Kleru, Kunsill Lokali u l-għaqdiet kollha taż-Żebbuġ tal-kooperazzjoni. Napprezzaw il- fatt li ħafna nies matul din is-sena iddedikaw ħafna ħin għall-banda tagħna. Anke lilkom benefatturi tal- banda tagħna, nirringrazzjawkom tal-fiduċja u s-sapport finanzjarju. Grazzi lkoll familji Żebbuġin!
Nawguraw l-Festi t-Tajba lilkom u lill-familji tagħkom. Ejjew ħalli flimkien niċċelebraw fi spirtu t’għaqda t-Twelid tas-Salvatur tagħna, ĠESU’ BAMBIN.
Tislijiet,
Marnol Sultana
Segretarju