Ittra Kumitat Eżekuttiv – Jannar 2018

Il-Qafas għal li jmiss…

Bħal kull sena, fl-ewwel ġimgħat tas-sena, is-Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija tidħol fi żmien ta’ tranżizzjoni, għaliex f’dawk li jidhru bħala sempliċi rutini demokratiċi fil-ħajja annwali tas-Soċjetà, dawn jagħtu rinovament lill-mekkaniżmi li bihom hija taħdem u tħaddem il-proġetti tagħha matul is-sena. Din is-sena dan il-proċess qed isir fl-isfond li fl-istess ħin għaddejjin wkoll fl-aħħar stadji biex jitlesta il-proġett VOLstory.org; proġett li jinkludi fost l-oħrajn it-tlestija ta’ klassijiet tat-tagħlim u s-sit eletroniku ġdid www.bandasantamarija.com. Dan il-proġett bħalissa seraq mhux ftit, mill-enerġija u l-prioritajiet tal-Kumitat Eżekuttiv peress li aħna kontrattwalment marbutin biż-żmien. Għaldaqstant, ġie deċiz li l-Laqgħa Ġenerali titmexxa bi ftit ġimgħat hekk kif indikat aktar il-quddiem f’din l-ittra.

Laqgħa Ġenerali 2018…Nhar is-Sibt 10 ta’ Marzu 2018

Is-Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija hija obbligata bl-istatut tagħha (Kap 5) li kull sena ssejjaħ laqgħa ġenerali fejn it-tesserati membri kollha ikunu mistiedna jattendu u jipparteċipaw. L-iskop ewlieni ta’ din il-laqgħa jkun li jingħataw rendikonti dettaljati amministrattivi u finanzjarji dwar dak li jkun seħħ fix-xhur ta’ qabel u dawn jiġu approvati minn awdituri indipendenti. Issir ukoll l-elezzjoni tal-membri fit-Tmexxija Eżekkuttiva, jitressqu emendi għall-istatut u jiġu diskussi punti relatati mal- pjanijiet li s-Soċjeta’ tkun qiegħda tfassal għal ġejjieni. Għaldaqstant it-Tmexxija Eżekuttiva qiegħda ssejjaħ dan l-appuntament importanti nhar is-Sibt 10 ta’ Marzu 2018 fis-7:00pm fis-sala prinċipali tal-każin.

Nominazzjonijiet għal-membri ġodda fi ħdan il-Kumitat Eżekuttiv

Bejn il-Erbgħa 21 ta’ Frar u s-Sibt 3 ta’ Marzu ser jintlaqgħu nominazzjonijiet għall-membri fit-tmexxija eżekuttiva. Nominazzjonijiet għall-membri fit-tmexxija eżekuttiva u/jew emendi għar-regolamenti għandhom jintbagħtu lis-Segretarju bil-miktub billi jintefgħu fil-kaxxa tal-ittri tagħna jew jintbgħatu permezz ta’ email: soc.filar.santa.marija@gmail.com. Importanti ħafna li dawn ikunu ssekondati minn żewġ membri tesserati. Nappellaw lil dawk interessati biex jitfgħu n-nominazzjoni tagħhom u b’hekk inkunu nistgħu nkomplu bit-tiġdid u nassiguraw kumitat eżekuttiv effettiv

Fuq l-Aġenda għall-Laqgħa Ġenerali 2018..

Daqs kemm sar xogħol li jidher matul is-sena 2017, daqshekk ieħor kienet għaddejja ħidma fis-skiet mingħajr ħafna daqq tat-trombi. Bi pjaċir ninfurmawkom li fl-aħħar jiem irċivejna aħbarijiet ferm pożittivi marbuta mall-istess ħidma u konsegwenza ta’ hekk, matul il-laqgħa ġenerali ser inkunu qed inħabbru numru ta’ inizjattivi u anke sorpriżi ġodda! Ser inkunu wkoll qed naġġornawkom permezz ta’ preżentazzjoni dwar x’ammonti ta’ flus fadal pendenti marbuta mall-bini u t-tagħmir tal-Każin. Hawn wkoll għadna tagħrif ġdid u ferm pożittiv x’ngħaddulkom. Sadanittant, wara li s-Soċjeta’ ħadet l-istatus ferm importanti ta’ Personalita Ġuridika, inħass il-bżonn li jinbeda l-proċess li jiġi aġġornat l-istatut skond din ir-realta ġdida u anke fid-dawl ta’ żviluppi ġodda li ser jiġu mħabbra waqt l-istess Laqgħa Ġenerali 2018. Kulħadd għandu jħossu liberu li jwassal xi suġġerimenti jew jagħmel xi intervent/ilment waqt din il-laqgħa; dan biex infasslu l-qafas għax-xhur li ġejjin…ilkoll Flimkien! Mela ingħaqdu magħna nhar is-Sibt 10 ta’ Marzu 2018.

Attivitajiet mis-Sezzjoni Nisa – Coffee Morning Kbir tal-Karnival!

Nixtiequ navżaw li l-Coffee Morning tal-Karnival ser isir nhar it-Tlieta 13 ta’ Frar fid-9:00a.m. ġewwa is-Sala Principali tal-Każin. Nħeġġukom tattendu bi ħġarkom fejn minbarra il-logħob tat-tombla, bћal kull sena ser ikollna wkoll il-Kompetizzjoni tal-isbaћ kostum, b’ġurija professjonali magħmula minn persuni minbarra ir-raћal tagћna. Għalhekk, din hija ukoll stedina speċjali lit-tfal u ġenituri biex jipparteċipaw. Minbarra li din hija attivita’ ta’ divertiment għall-familja kollha, niftakru li l-qliegћ kollu jmur b’risq it- tagħlim tal-mużika. Waqt il-logħob tat-tombla jiġi organizzat logħob għat-tfal. Narawkom!

Il-Banda tagħna…Servizzi fil-Karnival 2018

L-ewwel servizz gћal din is-sena mill-banda se jkun dak esegwit nhar il-Ħadd 28 ta’ Jannar 2018 ġewwa Marsalforn fl-okkazzjoni tal-Festa ta San Pawl [fuq stedina tal-Kunsill Lokali tagħna u l-Kumitat Amministrattiv ta’ Marsalforn]. Is-Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija ser tkompli bis-servizzi tagћha wara li ġiet mistiedna mill-Kunsill Lokali biex bћas-snin li gћaddew nipparteċipaw b’marċ brijuż fil- Karnival taż-Żebbuġ nhar il-Ħadd 11 ta’ Frar 2018 fil-12:00pm minn ћdejn il-Każin. Imbagħad, dakinhar stess, ser nipparteċipaw ukoll ġewwa l-Karnival t’Għawdex fejn ser inkunu parti mid-defile’ li jsir ġewwa Triq ir-Reppublika, r-Rabat Għawdex. Huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalina li wara l-investiment li sar is-sena l-oħra fuq kostumi ġodda, il-banda tagħna ser jerġa ikollha l-opportunita’ li tieħu sehem fil-Karnival Nazzjonali. Nirringrazzjaw lill-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ kif ukoll lill-Kumitat tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex tal-istediniet li għamlulna.

L-impenn tas-Sezzjoni Żgħażagħ –Żifna Hilarious fil-Karnival!

Fl-aħħar ġimgħat numru ta’ żgħażagħ kienu għaddejin bil-provi meħtieġa biex fil-jiem tal-Karnival titella’ żifna hilarious bl-isem “f’Għawdex kor ċiniż ġie jkanta, u ‘l kulħadd ħalla jiskanta! b’koreografija u direzzjoni ta’ Diane Calleja u Graziella Cini. Ninfurmawkom li ż-Żgħażagħ tagħna ser jipparteċipaw b’mod sħiħ fil-Karnival Nazzjonali li jsir ġewwa il-Belt Victoria kif ukoll f’irħula oħra madwar Għawdex. Nirringrazzaw liż-żgħażagħ kollha tal-impenn u sagrifiċċju.

Ringrazzjamenti mill-Qalb!!

Nibdew billi nirringrazzjaw lil dawk kollha li attendew għad-diversi attivitajiet li organizzajna fil-ġimgħat li għaddew, fosthom dawk marbuta mall-festi tal-Milied u l-ewwel tas-Sena. L-għajnuna u l- parteċipazzjoni timliena b’kuraġġ biex inkomplu intellgħu l-attivitajiet. Nirringrazzjaw b’mod speċjali lil:

  • l-Arċipriet Dun Reuben Micallef tal-għajnuna u l-appoġġ u lid-Direttur Spiritwali il-Kan. Dun Noel Saliba li kien strumentali waqt dawn l-appuntamenti: Żjarat lill-persuni kollha li jgħixu weħidhom fir-raħal tagħna, l-adorazzjoni tal-kwaranturi, il-Quddiesa Speċjali għal dawk li mietu fis-sena 2017
  • dawk kollha li tawna d-donazzjonijiet b’risq it-tagħlim b’xejn tal-mużika fl-Istrina 2018, fejn din is- sena s-somma totali li nġabbret sa issa hija ta’ €1020.00. Grazzi wkoll lil dawk li tawna daqqa t’id biex ġbarna l-envelopes. Grazzi wkoll lil dawk li kollha li komplew jagħtuna d-donazzjonijiet speċjali b’risq it-tagħlim u persuna li ta’ kull xahar tagħti donazzjoni ta’ €11 mill-pensjoni. Grazzi lil dawk kollha li ngħaqdu magħna għall-ikla li organizzajna nhar il-Ħadd 7 ta’ Jannar ġewwa l-każin u d-donazzjonijiet miġbura.
  • Sotto Kumitat tan-Nisa tal-għajnuna kontinwa fl-attivitajiet tal-Milied speċjalment fis-Serata ‘Flimkien fil-Milied 2017’, waqt is-siegħa adorazzjoni, waqt il-ġbir tal-Istrina u l-għajnuna waqt l- ikla tal-bandisti u l-helpers.
  • Grazzi kbira tmur wkoll lis-sotto Kumitat taż-Żgħażagħ tal-attivitajiet li organizzaw, fosthom l-farsa “Dawk l-Imberkin Neputijiet…kemm ser ikollna tiġijiet’’. Prosit speċjali lil atturi kollha u lil Diane Calleja tal-kitba u direzzjoni.
  • Atturi, kantanti, koristi, bandisti, mużiċisti, voluntiera u żeffiena li b’xi mod jew ieħor permezz tat-talenti tagħhom ipparteċipaw fid-diversi attivitajiet organizzati matul il-jiem tal-Milied. Prosit wkoll lil Cassidy Cordina u Marija Spiteri li esegwixxew il-Priedka tat-Tifla u tfal oħrajn għad-diversi poeżiji. Dawk li laqgħuna fi djarhom waqt iż-żjarat li għamilna lill-persuni kollha li jgħixu waħedhom u għad-diversi donazzjonijiet, liema ammont laħħaq s-somma sabiħa ta’ €475.
  • Bandisti kollha flimkien mas-Surmast u Asst. Surmast tas-sehem kontinwu u tas-sagrifficju. Nirringrazzjawhom bil-qalb u naprezzaw il-fatt li ta’ kull ġimgħa l-bandisti tagħna ikunu meħtieġa jattendu l-provi għas-servizzi li jkun imiss.
  • dawk li ħadu sehem fil-kompetizzjoni “L-Isbaħ Tieqa fil-Milied 2017”. Dawn kienu r-rebbieħa…fl- 1 post: Josianne Cassar, fit-2 post: Brianne Vella u fit-3 post: Rose Cini
  • dawk li tawna oġġetti (fosthom numru sabiħ ta’ oġġetti, qsari, hampers, xorb u vouchers) biex jittellgħu fl-attivitajiet li ġew organizzati.
  • Grazzi lis-Soċjeta’ tad-Duttrina MUSEUM tal-għajnuna u kooperazzjoni sħiħa li sibna fl- organizzazzjoni tal-Purċissjoni bil-Bambin. B’rikonoxximent lejn il-ġenerożita tagħkom, is-Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija tkopri l-ispejjeż kollha marbuta ma dan is-servizz.

Ippruvajna ma ninsew lil ħadd…niskużaw rwieħna jekk ma semmejniex lil xi ħadd. Jekk ġara hekk, tiddejqu xejn tiġbdulna l-attenzjoni. Grazzi lil kull min jgħin…tagħmlulna kuraġġ nkomplu bil-ħidma tagħna b’risq il-banda.

Ħsieb mid-Direttur Spiritwali….tagħlima għal ħajjitna!!

Il-Ħajja hija misteru. Skopriha.

Dak kollu li għandek f’ħajtek huwa ir-rigal t’Alla għalik.

Dak kollu li tagħmel f’ħajtek huwa r-rigal tiegħek lil Alla.

Tislijiet,

Marnol Sultana

Segretarju

Leave a comment