Ittra Kumitat Eżekuttiv – Lulju 2022

NOTA FUQ ĦIDMIETNA…

Bdejna l-ewwel ġimgħa ta’ Lulju, xahar fejn matulu tibda l-aħħar parti mill-mixja li twassalna lejn il-festa tagħna. Iż-żmien qiegħed igerbeb u għalina lkoll membri fi ħdan is-Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija deħlin fil-perjodu l-aktar impenjattiv tas-sajf. Dan minħabba d-diversi mpenji li jġib miegħu l-istaġun tal-festi. Sadanittant, xorta waħda ser inkomplu għaddejjin b’numru ta’ proġetti w attivitajiet soċjali, kulturali u ta’ divertiment għalikom ilkoll biex b’hekk inkunu nistgħu nsostnu l-progress tal-banda tagħna.  Dawn huma d-dettalji ta’ dak li għaddejjin minnu…

TWAQQIF TAL-KUMITAT EŻEKUTTIV GĦAT-TNAX IL-XAHAR LI ĠEJJIN…

F’din l-ewwel ittra wara l-Laqgħa Ġenerali, parti ewlenija kienet il-ħatra tal-Kumitat Eżekuttiv.  Din is-sena rċivejna ħdax il-nominazzjoni għall-membri tal-Kumitat u nomina waħda għall-kariga ta’ President.  In-nominazzjonijiet ġew ilkoll approvati u kkonfermati unanimament kif imniżżel hawn taħt:

President Soċjeta` Filarmonika Santa Marija:

  • Mr. Anthony Dimech M.D.

Membri tal-Kumitat Eżekuttiv:

  • Marnol Sultana                        Segretarju Eżekuttiv
  • Judith Zammit                         Teżoriera u Rapp. Sezzjoni Nisa
  • Il-Kan. Dun Noel Saliba                        Direttur Spiritwali
  • Diane Mizzi                             Uffiċċjal għal Relazzjonijiet Pubbliċi (PRO), Kultura u Drama
  • Analise Cini                             Asst. Segretarja/Uffiċjal Amministrattiv
  • Michael Cini                            Delegat tal-Bandisti u Chairman Kummissjoni Banda
  • Rupert Zammit                                   Delegat tal-Każin u proġetti
  • Graziella Ċini                           Rapp. Sezzjoni Żgħażagħ
  • Martin Calleja                          Uffiċċjal responsabbli minn skemi ta’ fondi
  • Francesco Curmi                     Arkivist
  • Joseph Saliba                         Koordinatur proġetti u logistika

Biex kullħadd jingħata sodisfazzjon ta’ fejn il-kontribuzzjonijiet tiegħu/tagħha qegħdin jiġu investiti, ma’ din l-ittra, fl-aħħar paġna hemm id-dettalji kollha dwar l-infiq u d-dħul kollu ta’ kull xahar fis-sena 2021.  Min jkun jixtieq jikjarifika xi punti jew jixtieq aktar dettalji, tiddejqu xejn tkellmu lit-Teżoriera jew lil xi membru tal-Kumitat Eżekkuttiv. Huwa tajjeb li tkunu tafu kemm qed ikun d-dħul, imma nemmnu wkoll li intom benefatturi tagħna għandkom dritt tkunu tafu fejn qed ikun l-infieq.  Ninfurmawkom wkoll li kull proġett li kien ikkummisjonat tħallas kollu u ma hemm ebda kont pendenti marbut ma’ proġetti lesti. Dawn ir-rendikonti ġew iċċertifikati mir-Reviżuri  [Awdituri Interni] u Accountant kwalifikat u mgħoddija lill-uffiċċju tal-Kummissarju tal-Volontarjat ġewwa Malta skond l-att tal-liġi li tirregola lill-organizzazzjonijiet volontarji.

MUSIC CLUB 2022… NINTRODUĊU L-MUŻIKA LIL ULIEDNA!

Hekk kif avżat aktar kmieni, fil-ġimgħat li gejjin ser jerġa jibda programm ta’ tagħlim b’differenza, biex studenti minn 8 snin il-fuq jibdew l-ewwel passi tagħhom fil-mużika.  Navżaw lil min għadu jixtieq jirreġistra lil uliedu, jista’ jgħamel dan billi jkellem dirett lil Asst. Surmast Franco Cefai jew lil xi membru tal-kumitat.  Qed jitħejja programm varjat b’tagħlim interattiv u addattat għal studenti żgħar.  L-għan aħħari huwa li l-istudenti ġodda tagħna jieħdu pjaċir huma u jitgħallmu! 

EJJA TGĦALLEM STRUMENT! – Sadanittant, nistiednu lilkom studenti u ankeˋ kbar li intom interessati tibdew titgħallmu l-mużika biex tagħmlu l-ewwel pass u tavviċinaw lill-Kumitat Eżekuttiv jew lis-Surmast/Asst. Surmast. Meta student jibda t-tagħlim tal-mużika mas-Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija, ma jfissirx biss li wieħed ikun qed ikabbar il-ħiliet u t-talent fil-mużika biss, imma issa awtomatikament dan it-tagħlim qed jiġi rifless u dokumentat bħala suġġett [Informal Education] fl-school leaving certificate. Qed noffru ukoll tagħlim mużikali lil dawk interessati jagħtu eżamijiet mal-Examination Boards internazzjonali fosthom it-Trinity College of Music, A.B.R.S.M. u L.C.M.  [ekwivalenti għal ‘O’ level].

It-tagħlim ser jingħata kollu b’xejn u ma jfissirx li min irid jkun bandist irid jersaq għal dawn l-eżamijiet bilfors, iżda issa hemm opportunita’ li wieħed jkun mħarreġ biżżejjed biex ikun jista’ jakkwista ċertifikat rikonoxxut fil-qasam tal-mużika. Nemmnu ħafna fil-potenzjal tat-tfal, żgħażagħ u kbar fir-raħal tagħna u għalhekk iddeċidejna li nagħtu din l-opportunitaˋ lilkom ilkoll.  Nixtiequ li il-banda tkun avventura u skola fl-istess ħin, fejn il-bandisti tagħna minbarra li jieħdu gost u jipparteċipaw fil-festi u okkażżjonijiet, fuq bażi personali jieħdu kwalifiki li jkunu għall-benefiċċju taghhom. Iddumx taħsiba…ejja u tgħallem strument mal-banda tagħna!

DIVERTIMENT – IKEL – TOMBLA:  SERATA FIL-BERAĦ 2022

Riesqa l-festa….u s-Soċ. Filar. Santa Marija għal sena oħra, eżattament nhar il-Ġimgħa 22 ta’ Lulju 2022 ser torganizza ‘Serata fil-Beraħ – Festa Familja 2022’ fit-8:00p.m. wara l-Knisja.  Minbarra l-logħob tat-tombla, qed naħsbu li jiġi organizzat wkoll logħob għat-tfal.  L-Ikel mhux ser jonqos, u dan ser jinkludi apetizers, buffet bi tlett tipi ta’ għagin [size ta’ main course] kif wkoll deżerta! Dan kollhu għal €6 kbar u €4 iż-żgħar BISS!  Bħas-soltu jkollna l-logħob tat-tombla [final house b’valur ta’ €100], ħafna rigali sbieħ x’jintrebħu u l-lotterija speċjali tas-sajf, [biljetti qed jinġabru f’dawn il-ġranet].  Infakkrukom li ser jigi pprovdut transport lura d-dar. 

Mela żommu din id-data libera u ingħaqdu magħna.  Din hija serata ewlenija b’risq il-banda tagħna, bid-dħul minnha jmur kollu għat-tagħlim tal-mużika u spejjeż li l-banda tagħna jkollha b’mod speċjali fil-jiem tal-festa.  Huwa biss is-sehem tagħkom li jgħinna nkabbru il-jiem li ġejjin marbutin mal-festa tagħna   Sadanittant, jekk hawn xi kantanti u/jew żeffiena [ta’ kull eta’] li jixtiequ jipparteċipaw waqt din is-serata, huma ġentilment mitluba ikellmu lil PRO tas-Soċjeta’ Diane Calleja [mob:  9900 2544]  jew lil xi membru tal-Kumitat Eżekuttiv.  Titilfux din l-opportunita’ 

LOTTERIJA KBIRA TAS-SAJF B’RISQ IT-TAGĦLIM TAL-MUŻIKA

Nixtiequ navżaw li l-membri mis-Sezzjoni tan-Nisa, Żgħażagħ u Kumitat ser jiġu jiġbru l-biljetti tal-lotterija tas-Sajf, bl-1 Premju ikun Air-Fryer; it-2 Premju: electric toaster u t-3 Premju:  flixkun whisky.  Biljetti ser jinġabru bejn is-16 u ż-17 ta’ Lulju 2022 [Biljetti qed jitqassmu mall-bullettin].  Il-premji qegħdin għall-wiri fit-tieqa tal-każin. Din il-lotterija qed issir b’risq it-tagħlim tal-mużika kif ukoll parti mill-finanzjament ta’ servizzi varji lill-paroċċa tagħna.  Pakkett ta’ 10 biljetti jiswa €3.00. Nappellaw lill-familji kollha biex jipparteċipaw. Il-lotterija titla’ nhar il-Ġimgħa 22 ta’ Lulju, waqt is-Serata fil-Beraħ 2022.

SEJĦA GĦAL-INTERESS GĦAL-KIRJA TAL-BOTTEGIN

Hekk kif wasal biex jiskadi l-kuntratt kurrenti, s-Soċjetà Filarmonika Santa Marija ser tkun qed tilqa’ l-offerti sabiex jinkera l-bottegin (snack bar/restaurant) tall-każin għal perjodu li jibda mill-ewwel (1) ta` Settembru tas-sena elfejn u tnejn u għoxrin (2022) sal-aħħar (31) ta` Awwissu, tas-sena elfejn u sebgħa u għoxrin (2027); bis-Socjeta’ izomm id-dritt li testendi il-kuntratt għal-żewġ perjodi (2) ta sitt (6) xhur il-wieħed.

L-offerti għandhom jitwasslu f’kaxxa ssiġillata fl-uffiċċju amministrattiv tas-Soċjeta’ nhar it-Tnejn 25 ta’ Lulju 2022 bejn is-6 u s-7 ta’ filgħaxija u għandhom ikunu ppreżentati f’envelope ssiġillat immarkat “Offerta għall-Bar u Ristorant”.  Linji gwida, regolamenti u kopja tad-dokumenti tas-sejħa jistgħu jinkisbu mis-Segretarju, jew mitluba b’email fuq soc.filar.santa.marija@gmail.com, jew 79273580. Dawn id-dokumenti jinkludu pjanta tal-post, formula tal-applikazzjoni u kopja (tall-abboz) tal-ftehim. Qed tintalab miżata ta’ €50 għal kull kopja. 

Kull offerta għandha tkun akkumpanjata bid-dokumentazzjoni kollha meħtieġa u mitluba fil-linji gwida.  Offerti mingħajr l-imsemmijin rekwiżiti jiġu awtomatikament skwalifikati.  Navżaw wkoll li l-kumitat ser ikun qed jaħtar bord indipendenti ta’ evalwazzjoni biex jagħmel ir-rakomandazzjonijiet tiegħu dwar l-offerti mixħuta. Min ikollhu xi diffikulta jew jixtieq jikklarifika xi dettalji, huma mistieden javviċina lil xi membru tall-kumitat jew b’email fuq soc.filar.santa.marija@gmail.com.  Għal fini ta’ trasparenza, ladarba jingħalaq il-proċess, is-soċjeta’ ser tkun qed tgħaddi id-dettalji kollha possibli marbuta mall-andament tal-proċess kif wkoll jitħabbru d-dettalji tal-offerti mixħuta u ta’ dik magħżula.   

KIRI TAS-SALA TAL-KAŻIN

Wara t-tlestija ta’ proċess ta’ rinnovazzjoni, ninfurmaw lill-pubbliku ġenerali u/jew lill-organizzazzjonijiet li qed jiġu aċċettati bookings għall-użu tas-Sala tal-każin.  Il-post issa huwa mgħammar biex jiġu organizzati attivitajiet differenti bħal parties, laqgħat, konferenzi, korsijiet ta’ taħriġ u wirjiet.  Għal bookings jew informazzjoni, wieħed jista’ jikkuntattjana fuq 79273580 jew e-mail: soc.filar.santa.marija@gmail.com.  Termini u kundizzjonijiet japplikaw. 

ATTIVITAJIET U SESSJONIJIET MARBUTA MALL-ANZJANITÀ ATTIVA!

Infakkru li matul il-jiem kollha tal-ġimgħa bejn id-9:00a.m. sa 12:00p.m. qed jiġu organizzati diversi sessjonijiet ta’ eżercizzju u lezzjonijiet dwar pittura, ħjata u kif jinħadem il-ganutell, paper craft, l-embroidery u patch work. Infakkru li kull nhar ta’ Ħamis mid-9:00a.m. sal-10:00a.m. qed jiġu organizzati sessjonijiet ta’ eżercizzi fiżiki immirati lejn l-anzjani.  Dawn is-servizzi jingħataw b’xejn bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex.  Min ikun interessat u jixtieq aktar informazzjoni, huwa mistieden jattendi fl-imsemmija ħinijiet biex jirreġistra ruħu.   

AVVIŻI MIS-SEZZJONI ŻGĦAŻAGĦ…

Kif semmejna fil-bidu ta’ din l-ittra, resqin lejn il-festa u għaldqstant jiżdied mhux ftit ix-xogħol anke fuq il-membri tas-Sezzjoni Żgħażagħ, fejn bħalissa għaddejjin bil-preparazzjonijiet meħtieġa marbuta mall-briju fil-festa.  Għaldaqstant, filwaqt li nirringrazzjaw li dawk kollha li għaddejin b’dan ir-ritmu ta’ volontarjat, sadanittant, jekk hawn xi żgħażagħ li jkunu jistgħu/jixtiequ joffru ftit tal-ħin, huma mistiedna jkellmu lil Graziella Cini jew xi membru minn din is-sezzjoni.  Filwaqt li dettalji sħaħ dwar dak li ser ikunu qed jippreparaw din is-sezzjoni għal jiem il-festi jitħabbru aktar il-quddiem, sadanittant, ninfurmakom li nhar is-Sibt 6 ta’ Awwissu 2022, is-Sezzjoni Żgħażagħ ser torganizza s-solitu BBQ ħdejn il-Belvedere. Inħeġġukom biex tattendu u tipparteċipaw. L-appoġġ tagħkom liż-żgħażagħ huwa garanzija biex ikollna festa ikbar minn qatt qabel.

REKLAM FIL-KTIEB TAL-FESTA

Filwaqt li nirringrazzjaw lil dawk kollha li diġa għoġobhom jikkonfermaw ir-reklam tagħhom fil-ktieb tal-festa li ser joħroġ aktar tard f’Awwissu, sadanittant jekk hawn min hu interessat li jagħmel reklam, huwa mitlub ikellem lil Rupert Zammit sa nhar il-Ħadd 24 ta’ Lulju 2022. Nappellaw li kif dawn id-ditti qed jgħenuna, hekk ukoll aħna ngħinu lilhom billi nixtru u nagħmlu użu mill-prodotti u servizzi li joffru. 

BEJN PROĠETTI U ATTIVITAJIET…GRAZZI

  • Dawk kollha li ipparteċipaw u ingħaqdu magħna għal-Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr f’għeluq is-27 sena anniversarju iċċelebrata mid-Direttur Spritwali l-Kan. Dun Noel Saliba. Matul dawn is-snin esperjenzajna tiżwieqa ta’ ħidma volontarja li ssarfet fit-twettiq ta’ diversi proġetti kif ukoll konna ta’ servizz kontinwu lir-raħal kif wkoll lill-parroċċa.  Xhieda ta’ dan kienet il-prezentazzjoni ta’ l-ewwel pagament (ta’ €5,000) lil Parrocca (miġjuba mir-Restoration Funding Scheme – Kunsill Malti għal Arti) biex kif ħabbarna qabel isir ir-restawr u konservazzjoni  tat-titular tal-knisja tagħna.
  • Diversi individwi, ditti u ħwienet li għoġobhom jagħtu oġġetti, vouchers u rigali oħrajn biex setghu jintużaw waqt numru t’attivitajiet fosthom Coffee Mornings u s-Serata ta’ Lulju  
  • Ġuża Cassr, Carmen Buttiġieġ u Carmen Mifsud għall-arranġamenti tal-fjuri rispettivament għal Jum l-Omm, Jum il-Missier u għal-Quddiesa li fiha fakkarna is-27 sena anniversarju
  • Salvina Cini li matul dawn il-jiem lestiet il-ħjata fuq sett purtieri għal-foyer tal-Bar kif wkoll il-ħjata fuq sett ta’ faxex ġodda għal bandisti.  Grazzi wkoll lil Natalie Cini li matul dawn il-jiem lestiet wkoll il-ħjata fuq pavaljun li ser jitwaħħal fuq l-irħama li nsibu fis-sala u li tfakkar lil dawk li jkunu ingħataw il-premju ta’ Ġieħ il-Banda matul is-snin
  • Bandisti li matul dawn il-ġimgħat kienu hemm biex stajna esegwixxejna numru ta’ servizzi k f’festi oħra barra mir-raħal tagħna. Naprezzaw il-ħin li toffru b’dedikazzjoni kbira. Ninfurmawkom li wara li esegwixxejna s-servizzi ġewwa il-Fontana, l-Għarb u Kerċem, il-Banda tagħna sa ssa għandha wkoll ikkonfermati servizzi fil-festa ta’ San Ġorġ, s-Sannat u anke fil-festa ta’ Santa Marija ġewwa ir-Rabat Għawdex. 
  • Paul Saliba tal-kooperazzjoni biex fl-aħħar ġimgħat tlesta l-irħamar tal-fire escapes kif wkoll lil Sammy Camilleri li bħalissa għaddej bit-twaħħil tal-emergency lighting madwar il-Każin kollhu.  Grazzi wkoll lil Mario Vella u Joe Saliba tad-diversi xogħolijiet fl-injam u gysum rispettivament u anke tal-għajnuna fuq diversi proġetti u manutenzjonijiet varji.  Grazzi wkoll lil Joe Cini Curmi, Jimmy Agius, Carmel Saliba u Nicholas Cini tal-għajnuna biex fl-aħħar jiem twaħħlu żewġ irmirja kbar fil-foyer tal-Bar.  Grazzi lil Joe Bartolo li lesta wkoll l-istallazzjoni artisitka li sr tkun qed teħel fiċ-ċentru tas-sala fil-ġimgħat li ġejjin u lil Leli Ċini, li ta’ spiss nirrikorru għandu għal pariri u li minn naħa tiegħu joffri id-disponibilita’ totali tiegħu, b’mod partikolari marbut ma’ xogħol fil-każin.  Naprezzaw l-għajnuna u d-dedikazzjoni ta’ kulħadd.   
  • Radju Għażżiela u lil presentatur Joe Bajada fejn matul il-ġimgħat li ġejjin ser ikunu qed isemmgħu lis-segwaċi numru ta’ marċi mir-repitorju tal-Banda tagħna
  • Diversi benefatturi/ġenituri li għaddewlna xi donazzjonijiet b’risq it-tagħlim tal-mużika.  Grazzi u Naprezzaw.  Grazzi lil Kunsill Lokali għal-istedina għal-kunċert ta’ Jum iż-Żebbug u l-kooperazzjoni fid-diversi attivitajiet marbuta mall-festa 2022. 
  • Kif irreferejna qabel, grazzi mill-ġdid lil numru ta’ żgħażagħ li matul l-Erbgħat iħejju materjal awdjo-viżiv għal fuq il-media soċjali u li fil-jiem kollha qegħdin jinġabru u minn wara l-kwinti jaħdmu fuq diversi proġetti/attivitajiet/sorpriżi/preparazzjonijiet marbuta mall-festa ta’ din is-sena.
  • Grazzi lis-Surmast Direttur Mro. Dr. Joseph Grech li matul l-aħħar ġimgħat ikkordina il-proċess marbut mal-librett il-ġdid ta’ marċi brijużi.  Bħalissa għaddejin bix-xogħol ta’ editing, bil-għan li dan jibda jintuża mill-festa ta’ din is-sena stress.

ĦSIEB MID-DIRETTUR SPIRITWALI….TAGĦLIMA GĦAL ĦAJJITNA!!                                  

Kristu waqqaf “Knisja mingħajr ktajjen u ħitan, fejn kulħadd jista’ jħossu milqugħ u msieħeb, fejn titrawwam l-arti tas-smigħ, tad-djalogu, tal-parteċipazzjoni, taħt l-unika awtorità tal-Ispirtu s-Santu. Knisja ħielsa u umli, li “tqum malajr”, li ma toqgħodx ittella’ u tniżżel, ma toqgħodx titlajja’ quddiem l-isfidi tal-lum, ma tirtirax wara l-ħitan sagri, imma tħalli jmexxuha l-passjoni għax-xandir tal-Vanġelu u x-xewqa li tilħaq lil kulħadd u tilqa’ lil kulħadd. Din il-kelma ma ninsewhiex: kulħadd. Kulħadd!”  (mill-Omelija ta’ Papa Franġisku – 29 ta’ Ġunju 2022)

Tislijiet

Marnol Sultana

Segretarju

RAPPORT FINANZJARAJRU 2021

DĦUL 2020 – Dettalji(€)
Donazzjonijiet Personali2,283.49
Organizzazzjoni ta’ Lotteriji1,555.00
Dħul minn Coffee Morning/Tombla/fundraising1,131.50
Ġabriet [inkluż Strina Jannar 2021]2412.51
Ħlasijiet ta’ Marċijiet [Kunsill Lokali/Parroċċa/Uffiċċju tal-Kultura]375
Dħul ieħor minn diversi attivitajiet u inizjattivi varji fosthom servizz ta’ Koordinazzjoni t’attivitajiet kulturali3,047.50
Sponsors għall-attivitajiet u reklami3,527.00
Tessera 2021-2022442.50
VAT refund50.00
Kiri Bottegin Każin/ Kiri Spazju għal-Radio Antenna*/Kiri Sala Każin/Billiard [ninnotaw lis-Sala Prinċipali qed tiġi mikrija bir-rata ta’ €50 kull darba għal-attivitajiet/functions privati]7475.00
Grants minn Skemi ta’ FondiEaster in Gozo– Skema Arts Council– Gozo NGOs Fund – COVID-19 Assistance Schemes – Christmas Fest – MICE Scheme MGOZ:  Proġett Sala – Sponsorships – SIS 2021/2022 – Planning Development Fund.   48877.39  
ĦRUG 2020 – Dettalji (€)
Tagħlim tal-mużika, xiri ta’ kotba u biċċiet mużikali , strumenti ġodda u tiswijiet ta’ strumenti8475.35
Spejjeż marbuta ma’ ikel, rigali, kiri t’apparat għall-attivtiajiet varji, rigali għall-lotteriji,1659.30
Ħlas lill-bandisti [fis-servizz tal-paroċċa, il-bandisti tal-post/Żebbuġin jagħtu s-servizz mingħajr ħlas].  Is-Soċ. Filar. S. Marija tkopri l-ispejjez kollha marbuta ma’ diversi servizzi, inkluż l-ispejjeż tal-bandisti barranin. 5170.00
Tifkiriet [rikonoxximenti, rigali tfal u żjajar lil dawk li jitqarbnu/joqogħdu waħidhom] etc.453.55
Reg.Fees/Permessi Pulizija / Perit/Telephone/Dawl Antenna/Posta/Stationery/Petty Cash [Materjal tat-tindif etc…]1214.99
Xiri u tiswija ta’ strumenti tal-mużika u uniformijiet3704.50
Sound, dawl, kiri ta’ siġġijiet u spejjeż varji marbuta mal-organizzazzjoni tal-Kuncerti AssumptaFEST u SACRIS 2021 [esklużi spejjeż tal-Mużika u ħlas lill-bandisti]7575.00
Planning Authority – Regularisation Fee5,590.00
Disinn u Printing ta’ Posters /ittri/leaflets/inviti/ ħlas lill-Parroċċa li jkopri l-ispazju tar-reklami fuq il-ktieb tal-festa2106.35
Trasport [servizzi barra mir-raħal]458.00
Ħlasijiet tal-marċijiet tal-Festa 2021 minn baned barranin0.00
Servizzi ta’ fotografija114.00
Ħlasijiet ta’ kontijiet fuq proġetti ġodda [uħud għadna għaddejjin minnhom] tal-każin ILKOLL ffinanzjati minn diversi skemi ta’ fondi fosthom: il-gwarniċun tad-daħla tal-każin, vetrina tal-arkivju, coving tas-sala, Sistema ta’ ACs fis-sala, dekorazzjoni tal-entratura tal-każin u sett bnadar għal matul is-sena  28438.98

Spejjeż oħra koperti direttament minn Santa Marija Snack Bar [Kerrej tal-botteggin]:

  • Kontijiet tad-dawl u ilma tal-każin KOLLU [inkluż tal-bankina kif ukoll tal-basement u maħżen tal-armar]
  • Kontijiet marbuta mal-internet fil-każin kollu, telephone tal-bottegin u insurance coverage tal-każin
  • Reġistrazzjoni, manutenzjoni u upgrading tas-sistema tas-sigurtaˋ, fire alarm u security cameras tal-bottegin
  • Reġistrazzjoni annwali, servicing u manutenzjoni tal-lift tal-każin [madwar €2,000 fis-sena] u tal-Water Reserviour

Iċ-ċirkostanzi preżenti jitolbu wkoll aktar kawtela u qed noqgħodu ferm attenti b’mod partikolari fl-aspett finanzjarju.  L-isforzi li saru fl-aħħar snin, b’mod partikolari biex tħallsu l-kontijiet pendenti li kellna u ankeˋ biex stabbilixejna l-pożizzjoni finanzjarja tagħna swiet mitqlu deheb meta ġejna ffaċċjati bis-sitwazzjoni ta’ dawn l-aħħar xhur.  In-nuqqas ta’ dħul minn attivitajiet setgħu faċilment ħallew effetti ferm aktar negattivi fuq is-Soċjeta’ tagħna li kieku ma’ konniex attenti u ppreparati.  Forsi diġaˋ għednija, imma inkomplu nsostnu li l-kumitat għadu bl-istess linja li proġetti kapitali u jew ċertu inizjattivi qed jsiru biss jekk jkunu lkoll ffinanzjati minn fondi. Forsi mhux dejjem konna popolari fid-deċiżjoniiet li ħadna; mma fl-aħħar mill-aħħar kienu dawn il-passi u pożizzjonijiet li ħa l-kumitat li wassluna biex b’rieda ġenwina nilħqu l-miri tagħna.  Appell tal-aħħar, kif dejjem għamiltu fl-aħħar snin, nitolbukom tkomplu tkunu ġenerużi magħna biex flimkien inkomplu nwettqu l-ħidma tagħna!

DAN KOLLU HUWA MERTU TAGĦKOM ILKOLL.

GRAZZI!