Ittra Kumitat Eżekuttiv – Marzu 2018

Qalb kull bniedem tħoss għaliha
…lil Omm Kristu u jibkiha

Fi ftit jiem oħra, aħna l-insara ser inkunu qed niċċelebraw l-akbar festa tal-Knisja tagħna, l-Għid il-
Kbir, festa li magħha hemm marbuta numru t’attivitajiet kemm reliġjużi kif ukoll tradizzjonali. Bħala
Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija ma qgħadniex lura milli nkomplu norganizzaw attivitajiet għalikom
ilkoll biex flimkien nfakkru il-mewt ta’ sidna Ġesu u niċċelebraw il-qawmien tiegħu. Għaldaqstant
nħeġġukom iżżommu dawn l-appuntamenti magħna f’dawn id-dati u attivitajiet:

“Il-Passjoni” Mejda tal-Appostli u Wirja ta’ Arti Sagra…!
Attivita` li bla dubju ta’ xejn stabilixxiet ruħha fil-kalendarju tagħna hija l-Mejda tal-Appostli u wirja t’Arti
Sagra ‘Il-Passjoni’. Bdejna bil-preparamenti biex intellgħu din il-wirja ta’ arti sagra li ser issir fil-
basement tal-każin bejn il-Ħadd 25 u il-Ġimgħa 30 ta’ Marzu 2018. “Il-Passjoni” tinkludi Mejda tal-
Appostli u wirja reliġjuża. “Il-Passjoni” ser tigi nawgurata uffiċjalment mid-Direttur Spiritwali, l-Kan.
Dun Noel Saliba, u titbierek mill-Arċipriet Dun Reuben Micallef nhar il-Ħadd 25 ta’ Marzu fil-5:00pm
[wara l-quddiesa ta filgħaxija]. Marbut mal-ftuħ tal-wirja, ser nerġgħu nagħtu ħajja u dimensjoni
simbolika permezz ta’ re-enactment qasir fejn tnax il-persuna jidrammatizzaw l-aħħar ċena.
Għaldaqstant, dawk interessati li jieħdu sehem f’dan ir-re-enactment huma mistiedna biex ikellmu
malajr lid-Direttur Spiritwali jew lil PRO Diane Calleja [mob: 9900 2544] jew lil membri tal-Kumitat.

Lotterija Kbira tal-Għid b’risq it-tagħlim tal-Mużika
Membri mis-Sezzjoni tan-Nisa u Kumitat ser jiġu jiġbru l-biljetti f’bust tal-Madonna tad-Duluri u
f’Kurċifiss s-Sibt 24 ta’ Marzu [Biljetti tqassmu mall-bullettin]. Il-premji qegħdin għall-wiri fit-tieqa tal-
każin. Din il-lotterija qed issir b’risq it-tagħlim tal-mużika kif ukoll parti mill-finanzjament ta’ servizzi
varji lill-paroċċa tagħna. Pakkett ta’ 10 biljetti jiswa €3.00. Nappellaw lill-familji kollha biex
jipparteċipaw. Il-lotterija titla’ f’Ħadd il-Għid.

B’rikonoxximent lejkom Benefatturi…Tlettax-il Hamper b’xejn lill-Familji
Infakkrukom ukoll li ser ikun qed jinġabar il-biljett li ser jitqassam fil-jiem li ġejjin mingħajr ħlas lil kull
familja u li jista’ jrebbaħkom wieħed minn 13-il Hamper li jiffurmaw parti mill-mejda tal-Appostli. Dawn
il-hampers jirrappreżentaw it-tnax il-appostlu kif ukoll lil Sidna Ġesu Kristu.

Opportunita’ ta’ Talb u Sagrifiċċju flimkien…imma b’differenza
Aspett importanti hu dak spiritwali, għaldaqstant nistednukom bex tingħaqdu magħna nhar it-Tnejn 26
ta’ Marzu, biex wara il-quddiesa ta’ filgħaxija nirreċitaw il-VIA SAGRA taħt format ta’ Adorazzjoni. Din
ser titmexxa mid-Direttur Spiritwali tagħna u fi tmiemha nirċievu l-Barka Sagramentali.

Żjarat lill-Persuni kollha li Jitqarbnu fi Djarhom.
Membri miIl-Kumitat Eżekuttiv bil-preżenza tad-Dir. Spiritwali ser iżuru lill-persuni kollha li jitqarbnu fi
djarhom, sabiex jagħtuhom l-awguri u tifkira żgħira tal-Għid. Iż-żjajjar ser ikunu qed isiru nhar is-Sibt
31 ta’ Marzu [Sibt il-Għid], biż-żjarat ser jibdew mid-8:30a.m. – 12:30p.m. u f’kas li ma nlestux jew
għal min ma jkunx jista filgħodu, imbad inkomplu mit-3:00p.m. sas-6:00p.m. Nirringrazzjaw bil-
quddiem lil dawn il-persuni u lill-familji tagħhom li sena wara l-oħra jkomplu jilqgħuna fi djarhom.

Coffee Morning Kbir tal-Għid – stedina għat-tfal kollha…!
Nixtiequ navżaw li l-Coffee Morning tal-Għid ser isir nhar it-Tlieta 3 t’ April 2018. Nħeġġukom
tattendu bi ħġarkom. It-tfal kollha preżenti jiġu mogħtija tifkira. Id-dħul imur kollhu b’risq it-tagħlim tal-
mużika ġewwa r-raħal tagħna. Min jixtieq aktar informazzjoni mitlub ikellem lil Salvina Żammit (21 555
116) jew lil xi membru tal-Kumitat. TITILFUHIEX!!!

Avviż lill-Bandisti tagħna!
Navżaw lilkom ilkoll, speċjalment lill-bandisti kollha Żebbuġin li fil-jiem qaddisa fejn infakkru l-mewt u l-
qawmien ta’ Sidna Ġesu` Kristu bħala banda nesegwixxu tlett servizzi. Hawn huma d-dettalji:
 Servizz tad-Duluri: il-Ġimgħa 23 ta’ Marzu 2018, fil-5:15pm
 Servizz tal-Ġimgħa l-Kbira: il-Ġimgħa 30 ta’ Marzu 2018, fis-6:00pm
 Servizz ta’ Kristu Rxoxt: il-Ħadd 1 t’April 2018, fil- 4:45pm

Nirringrazzjaw lil bandisti kollha tas-servizzi b’xejn li jagħtu lill-parroċċa tagħna. B’mod partikolari
għal Ġimgħa l-Kbira, nagħmlu appell qawwi lill-bandisti tagħna kollha biex bħas-snin l-imgħoddija jkomplu jagħtu flimkien l-aqwa servizz lill-parroċċa u jiftakru li f’din il-purċissjoni ma jkollniex l-
għajnuna ta’ diversi bandisti barranin.

Attivita’ mis-Sezzjoni Żgħażagħ b’risq il-Festa 2017
Is-Sezzjoni Żgħażagħ ser torganizza majjalata b’risq il-briju u proġetti marbuta mal-festa 2018 nhar is-
Sibt 7 t’April 2018 fis-Sala tal-Każin. Inħeġġu liż-żgħażagħ u lil dawk kollha interessati biex jiksbu
aktar informazzjoni u biljetti mingħand il-membri tas-Sezzjoni Żgħażagħ jew mill-Bar tal-Każin.
Ninfurmawkom li ser tingħaqad magħna il-kantanta Marlene Chetcuti. Divertiment huwa garantit.

Xewqa mid-Direttur Spiritwali….!!
Id-Direttur Spiritwali, l-Kan. Dun Noel Saliba, jixtieq jappella u jħeġġeġ lill-membri tal-kumitati,
bandisti, aljievi, soċji u benefatturi tas-Soċjeta` Filarmonika Santa Marija sabiex f’dawn il-jiem ta’
sagrifiċċju niġġeddu lkoll spiritwalment billi nersqu għall-qrara sinċiera u nqaddsu l-festa tal-Għid bi
tqarbina xierqa. B’differenza mis-soltu, din l-ittra qed ngħalquwha b’poeżija miktuba minn Micheal
Cini, d-delegat tal-bandisti tagħna u Chairman tal-Kummisjoni Banda [strofi jinqraw vertikalment].

Marnol Sultana
Segretarju

Nota: Dettalji dwar l-andament tal-Laqgħa Ġenerali kif wkoll diversi ringrazzjamenti ser jidhru fl-ittra li jmiss

DULURI MADWARI

Fix-xefaq rajt jiġma’ sħab oħxon u ġmiedi,
li sfuma u kerrah ġmiel il-kuluri,
is-swied nissel dwejjaq; ħassejthom madwari,
u ħsiebi dlonk dar fuq l-Omm tad-Duluri.

B’qalb kiebja terraqt tul it-toroq tal-ħajja,
infittex lil min kien bil-weġgħa midrub,
stgħaġibt meta rajt lil tant nies qed ibatu,
xtaqt nara mil-qrib x’qed iħossu l-qlub.

Rajt dagħjsa mgħobbija titfarrak fuq xtajta,
omm tkaxkar taħt djulha ’l uliedha mwerwrin,
il-ġilda ta’ wiċċhom kemxejn samranija,
maħruba minn arthom, mar-riħ mitluqin!

Fuq moll ħdejn il-baħar rajt omm xwejħa wieqfa,
bis-sabar tistenna lil binha l-waħdien,
li ttieħed bil-lieva biex gwerra jiġġieled,
u għosfru għal dejjem tamiet il-ġejjien.

Tbikkimt meta smajt lil ħabibi jċempilli,
għarrafni li qiegħed għall-kura fil-bogħod,
miftum mill-familja u b’qalbu maqtugħa,
ħassejt tbatijietu minn leħnu jirtogħod.

Fi sptar maġenb sodda lmaħt omm tbus lil bintha,
li dakkret madwara b’karattru ferrieħ,
illum tinsab għaxja bla tama li tkompli,
għax tilfet il-ġlieda ma’ kankru qerried.

Ilmaħt ġewwa knisja lil mara żagħżugħa,
mifnija qed tolfoq għax kbir id-dulur,
f’ħoġorha żewġ anġli jistaqsu b’għajnejhom,
għaliex ħesrem tilfu ’l missierhom fil-fjur?

Fil-ġabra ħdejn qabar rajt omm b’qalb maqsuma,
titkellem mal-baħħ bil-vuċi mbikkma,
f’għajnejha r-rabja lejn nies b’qalbhom xierfa,
ħatja li binha tad-droga sar vittma.

Tħassart tfajla ħelwa bil-fjuri f’idejha,
sogħbiena għax ċpar kien sar tagħha l-futur,
bilwieqfa fit-triq maġenb mafkar titbekka,
il-mewt tal-maħbub li ġrat f’ħabta b’mutur.

Ġo dar għall-anzjani żort omm b’qalb muġugħa,
li ħabbet bla qies minkejja t-tbatija,
illum qegħda tara lil jiemha jitnaqqru,
bogħod minn uliedha, qed tħossha minsija.

Kif jistgħu għajnejja jinsew xena tqila!
ta’ omm m’uliedha mgeddsa ġo dwejra,
mill-ġieh sfat imneżżgħa, bla xogħol tgħix fil-faqar,
‘lkoll qed ibatu bla għaxja ta’ lejla!

U qalbi ngħafset x’ħin rajt tant tbatija,
riġlejja wassluni fit-tempju sa ħdejk,
fil-ħemda kont żgur illi int qegħda tisma’
il-karba tal-qlub, għax rajt kisra f’għajnejk.

Għalhekk se nitolbok ja Omm tad-Duluri,
rodd lura lil ħuti dak wiċċhom daħkan,
sabbarhom u taffi l-kruha tal-weġgħa,
agħtihom li jsibu tal-qalb is-serħan.

Michael Cini
Randan 2018