Ħidma KONTINWA…
F’din l-ewwel ittra wara l-Laqgħa Ġenerali nixtieq nibda b’ringrazzjament lil sħabi membri tal-kumitat, sezzjonijiet, bandisti u għexieren ta voluntiera li matul is-sena ixxamru l-kmiem u jagħtu xogħol volontarju fi ħdan is-Soċjeta’ tagħna. Kif dejjem u nibqgħu ntennu, huwa permezz tal-isforz kollettiv li naslu f’dak li nkunu ppjanajna. S-Socjeta’ qegħda hemm għal qadi ta’ raħalna u l-parroċċa tagħna, qegħda hemm biex teduka lil uliedna, biex tferraħ, torganizza attivitajiet u ġġib lejn raħalna opportunitajiet ġodda. Naprezzaw u nieħdu gost meta xi ħadd jgħaddilna xi suġġeriment, opinjoni u għaliex le, xi ilment jew kritika. Ħuma dawn li jkabbru u jsaħħu l-banda tagħna…ħossukom liberi!
Twaqqif tal-Kumitat Eżekuttiv
Parti ewlenija tal-Laqgħa Ġenerali kienet il-ħatra tal-Kumitat Eżekuttiv. Din is-sena rċivejna ħdax il- nominazzjoni għall-membri tal-Kumitat u nomina waħda għall-kariga ta’ President. In- nominazzjonijiet ġew ilkoll approvati u kkonfermati unanimament kif imniżżel hawn taħt:
President Soċjeta` Filarmonika Santa Marija:
Dr. Anthony Dimech M.D.
Membri tal-Kumitat Eżekuttiv:
Is-Sur Marnol Sultana Segretarju Eżekuttiv
Is-Sinjorina Judith Zammit Teżoriera
Il-Kan. Dun Noel Saliba Direttur Spiritwali
Is-Sinjorina Diane Calleja Uffiċċjal għal Relazzjonijiet Pubbliċi (PRO), Kultura u Drama
Is-Sinjorina Analise Cini Asst. Segretarja/Uffiċjal Amministrattiv
Is-Sur Michael Cini Delegat tal-Bandisti u Chairman Kummissjoni Banda
Is-Sur Rupert Zammit Delegat tal-Każin u proġetti
Is-Sinjorina Graziella Ċini Rapp. Sezzjoni Żgħażagħ
Is-Sinjura Salvina Zammit Rapp. Sezzjoni Nisa
Is-Sur Martin Calleja Uffiċjal responsabbli minn skemi ta’ fondi
Dr. Marlene Cini Konsulent Legali*
Bħal kull sena, ingħataw dettalji sħaħ dwar l-infiq u d-dħul kollu ta’ kull xahar fis-sena 2018. Biex kullħadd jingħata sodisfazzjon ta’ fejn il-kontribuzzjonijiet tiegħu/tagħha qegħdin jiġu investiti, ma’ din l-ittra, fl-aħħar paġna hemm id-dettalji kollha. Min jkun jixtieq jikjarifika xi punti jew jixtieq aktar dettalji, tiddejqu xejn tkellmu lit-Teżoriera jew lil xi membru tal-Kumitat Eżekkuttiv. Dawn ir-rendikonti ġew iċċertifikati mir-Reviżuri [Awdituri Interni] tas-Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija kif wkoll iċċertifikat minn Accountant kwalifikat u mgħoddija lill-uffiċċju tal-Kummissarju tal-Volontarjat ġewwa Malta skondl-att tal-liġi li tirregola lill-organizzazzjonijiet volontarji u non-governattivi rreġistrati.
*Sadanittant, il-Kumitat Eżekuttiv b’dispjaċir fl-aħħar jiem aċċetta r-riżenja ta’ Dr. Marlene Cini minn membru tal-Kumitat Eżekkutiv, dan fid-dawl li l-istatut tas-Soċjeta’ tagħna jżomm lil membri tal-Kumitat milli jkunu kandidati għal xi elezzjoni. Min hawn nirringrazzjaw lil Dr. Cini tas-sehem kbir tagħha fl- aħħar snin bħala konsulent legali, speċjalment biex lestejna l-istatut l-ġdid u anke biex is-Soċjeta’ tagħna akkwistat it-titlu ta’ Personailta’ Juridika.
FONDI ĠODDA li ser jissarfu f’proġetti b’risq ir-raħal tagħna
l-ikbar sodisfazzjon ikun meta tlesti xi proġett; għax dak ikun ifisser it-tkomplija u l-għeluq ta’ perjodu ta’ xogħol, ħidma, sfidi u xi kultant diffikultajiet mhux żgħar u ta’ inkwiet. Iżda, minn naħa tal-Kumitat, filwaqt li nkunu qed nwettqu proġett, ħsibijietna jkunu diġa fuq proġetti u xi kultant ħolmiet ġodda b’risq il-Banda tagħna. B’sodisfazzjon, ninfurmawkom li għal sena oħra erġajna konna protagonisti u irbaħna numru ta’ skemi li ser jissarfu f’proġetti li minħabba l-valur u l-ispejjeż, li kieku ma jkunux dawn il-fondi jibqgħu ħolma. Bi pjaċir inħabbrulkom li dawn l-proġetti u fondi ġodda, fit-totalita’ tagħhom jilħqu il- valur ta’ €40,181.00c. Issa irridu nibdew nistinkaw u naħdmu biex nimplimentaw il-proġetti ġodda fix- xhur li ġejjin. Dawn huma d-dettalji…
XPOvolunteering…all about dedication!
Permezz tal-program VOPScheme, maħruġ mill-Malta Council for the Voluntary Sector, ewlenin ser inkun qed nivestu biex inkompli bit-tagħmir tal-Każin tagħna fejn filwaqt li bħalissa qed isir xogħol fuq it-tarag u l-foyer tas-Sala [wasalna fl-aħħar stadji] kif wkoll beda xogħol ta’ stained glass għal installazzjoni artisika fil-koppla interna tal-każin, permezz ta’ dawn il-fondi l-ġodda, din id-darba ser inkun wkoll qed nattrezzaw il-foyer tad-daħla tal-każin, fejn fost l-oħrajn ser isir xogħol ta’ coving u gypsum u esebizzjoni permanenti. l-Aspett bandistiku huwa mportanti wkoll, u għaldaqstant, inkluż fl-istess proġett hemm inkluż l-ispejjeż biex jitlesta librett ġdid ta’ marċi ġodda kif wkoll ser ninvestu ammont konsiderevoli
biex ssir uniformi ġdida għal bandisti tagħna. Niftakru li sett ta’ uniformi għal bandist wieħed tlaħħaq il-valur ta €150!
MUSICovery…
Perezz ta’ din l-iskema [Malta Arts Funds], fost l-oħrajn ser ssir vetrina biex tikkomplimenta l- arkivju maestuż tagħna biex fiha inkunu nistgħu inżommu kif suppost numru ta’ strumenti antiki, rikordji, trophies, dokumenti u oġġetti prezzjużi relatati mal-istorja tas-Soċjeta’.
GETinvolved..make your marks!
Hekk kif imħabbar waqt il-laqgħa ġenerali, permezz tal-programm Small Initiatives Scheme, maħruġ mill-Malta Council for the Voluntary Sector, ġew akkwistati wkoll fondi ġodda fejn permezz tagħhom ser tkun qed jiġi rranġat l-uffiċċju amministrattiv tas-Soċjeta. Iż-żamma ta’ dokumenti amministrattivi huwa ferm importanti, speċjalment fid-dawl tal-liġijiet il-ġodda ntrodotti fl-aħħar xhur u li bihom huma rregolizzati l-għaqdiet non-governattivi!
Legendary Beliefs – ART, CULTURE & TRADITION!
Il-Kumitat Eżekuttiv minn żmien għal żmien qed iniedi inizjattivi li fihom inkunu qed nieħdu ħsieb il-wirt li ħallewlna dawk ta’ qabilna kif wkoll nippromovwu t-tradizzjonijiet ta’ raħalna. Din id-darba, [permess tal-fond Creative Communities] jmiss u ħsibna biex bħala soċjeta’ nxerrdu aktar informazzjoni fuq numru ta’ leġġendi marbuta ma’ raħalna permezz ta’ publikazzjoni u servizz awdjo-viżiv.
IŻ-ŻOGĦŻIJA MUŻIKALI…Ilbieraħ, Illum u Għada!
Ħdimna wkoll fuq skemi edukattivi b’risq il-bandisti tagħna. B’sodisfazzjoni, l-banda tagħna reġgħet ikkwalifikat għall-proġett ieħor mill-iskemi ta’ għajnuniet maħruġa minn Aġenzija Żgħażagħ. Permezz ta’ din l-għajnuna ser nibbenefikaw minn fondi, żgħar iżda importanti, intiżi biex jgħinu lill-aljievi u l-bandisti ż-żgħar tagħna. Nżommukom aġġornati.
ECHOMusic – Restore, Conserve, Revive
Dan il-proġett [bil-għajnuna tal-Ministeru għal Għawdex] jinkludi wkoll restawr ta’ strumenti u mużika. Hawn nagħmlu appell biex persuni/familji li għandhom strumenti antiki u jixtiequ li dawn jibqgħu jinżammu b’mod professjonali għal wiri fl-arkivju tal-każin, huma mistiedna jikkuntattjaw lil xi membru tal-Kumitat. Ninfurmawkom li anke oġġetti li ma jkunux f’kundizzjoni tajba jew jeħtieġu xi tip ta’ restawr jiġu aċċettati. L-għan aħħari tagħna huwa biex eventwalment fir-raħal tagħna ikollna ġabra kompluta t’oġġetti marbuta mal-istorja mużikali tar-raħal tagħna; storja li tmur lura għexiren ta’ snin. Permezz ta’ dawn il-fondi ser isiru wkoll sett ta’ folders biex tinżamm il-mużika fihom waqt il-programmi mużikali.
NOTI IMPORTANTI …ir-rebħ ta’ fondi m’hix kumbinazzjoni!
Insostnu u mportanti ħafna li niċċaraw ma’ kulħadd li dawn il-fondi allokati, jridu jintużaw biss għall- proġett sottomess u bl-ebda mod ma jistgħu jintużaw xi fondi għal għanijiet oħra. Inżidu wkoll li meta titfa’ applikazzjoni, nkunu rridu nimxu ma’ numru ta’ kriterji stabilti u ma nkunux nistgħu napplikaw għal dak kollhu li forsi wieħed jixtieq.
Filwaqt li nkunu qed nikkompetu ma’ mijiet ta’ għaqdiet oħra; kull applikazzjoni tfisser sigħat twal ta’ħsieb, ġbir ta’ stimi, rapporti, preparazzjonijiet, laqgħat ġewwa Malta kif wkoll awditjar tar-rendikonti finanzjarji tas-Soċjeta. Hawn nirringrazzjaw lil dawk kollha li jgħinu f’dan il-proċess. Ta’ min jinnota wkoll li qed nużaw l-esperjenza tagħna biex anke l-Parroċċa tagħna tkun tista takkwista fondi simili. Insemmu wkoll lil fondi jittieħdu ladarba jitlesta l-proġett u wara li jkunu saru l-ispezzjonijiet ta’ verifika minn awdituri. Għalhekk, fl-aħħar mill-aħħar is-suċċess ta kull poġett huwa possibli grazzi għall- fiduċja, għajnuna u d-donazzjonijiet kontinwi tagħkom. Nitolbukom biex l-għajnuna u d-donazzjonijiet tagħkom jibqgħu kontinwi u tkomplu tkunu ġenerużi biex b’hekk ilkoll flimkien ikollna ir-riżorsi, l- organizzazzjoni u l-garanziji finanzjarji meħtieġa biex nisfruttaw opportunitajiet simili.
Grazzi wkoll lil kull min qed jgħin fit-twettiq tal-proġetti. Mhux faċli li tibqa għaddej bil-kalendarju t’attivitajiet is-sena kollha [u hawn grazzi kbira lis-Sezzjoni Nisa u Żgħażagħ], b’ħidma ma’ taqta’ xejn marbuta mat-tmexxija tal-banda [fejn bħalissa għaddejjin wkoll b’diskussjonijiet biex il-banda tagħna tipparteċipa/tesegwixxi servizzi ġodda fl-istaġun tal-festi] u fl-istess ħin trid tamministra dawn il-proġetti [Grazzi speċjali lis-Sur Leli Cini] li ilkoll jridu jsiru f’qasir żmien biex ma jintilfhux fondi! Nitolbukom tkomplu tagħtuna s-sostenn tagħhkom!
Attivitajiet u Sessjonijiet marbuta mall-Anzjanità Attiva – Aktar Servizzi!
Navżaw li kull nhar ta’ Erbgħa bejn id-9:00a.m. sa 12:00p.m. issa ser jibdew jiġu organizzati wkoll lezzjonijiet dwar kif jinħadem l-embroidery u patch work. Infakkru li kull nhar ta’ Ħamis bejn id-9:00am- sal-10:00am qed jiġu organizzati sessjonijiet ta’ eżercizzi fiżiki immirati lejn l-anzjani u kull nhar ta’ Gimgħa bejn id-9:00am sa 12:00am qegħdin jiġu organizzati wkoll lezzjonijiet dwar il-ganutell. Dawn is-servizzi jingħataw b’xejn fis-Sala tal-Każin bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex.
Attivitajiet marbuta mall-Ġimgħa Mqaddsa u l-Għid
Wara li infurmajnikom dwar l-andament tal-laqgħa ġenerali u tnedija ta’ proġetti; issa ħarsitna ‘l quddiem fejn fi ftit ġimghat oħra ser nkunu niċċelebraw l-akbar festa tal-Knisja tagħna, jiġifieri, il- qawmien mill-mewt ta’ Sidna Ġesu’ Kristu. Is-Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija bħal kull sena tkompli tfakkar dan iż-żmien b’dawn l-attivitajiet li ġejjin:
“Il-Passjoni” Mejda tal-Appostli u Wirja ta’ Arti Sagra…!
Bdejna bil-preparamenti biex intellgħu din il-wirja ta’ arti sagra li ser issir fil-basement tal-każin bejn il-Ħadd 14 u s-Sibt 20 t’ April 2019. Il-Passjoni tinkludi Mejda tal-Appostli u wirja reliġjuża. “Il-Passjoni” ser tigi nawgurata uffiċjalment mid-Direttur Spiritwali, l-Kan. Dun Noel Saliba, u titbierek mill-Arċipriet Dun Ġwann Sultana nhar il-Ħadd 14 t’April.
Lotterija Kbira tal-Għid b’risq it-tagħlim tal-Mużika
Nixtiequ navżaw lill-membri mis-Sezzjoni tan-Nisa u Kumitat ser jiġu jiġbru l-biljetti fl-istatwa tad-Duluri u f’Kurċifiss bejn is-6 u s-7 t’ April 2019 [Biljetti jitqassmu fil-jiem li ġejjin]. Dawn se jkunu għall-wiri fit-tieqa tal-każin tal-banda. Din il-lotterija qed issir b’risq it-tagħlim tal-mużika kif ukoll parti mill-finanzjament ta’ servizzi varji lill-paroċċa tagħna.
B’rikonoxximent lejkom Benefatturi…Tlettax-il Hamper b’xejn lill-Familji
Ser ikun qed jinġabar il-biljett li ser jitqassam fil-jiem li ġejjin mingħajr ħlas lil kull familja u li jista’ jrebbaħkom wieħed minn 13-il Hamper li jiffurmaw parti mill-mejda tal-Appostli.
Opportunita’ ta’ Talb u Sagrifiċċju flimkien…imma b’differenza
Aspett ieħor ferm importanti hu dak spiritwali fejn bl-għajnuna u d-direzzjoni tad-Dir. Spir. Kan. Dun Noel Saliba, s-Soċjetà tagħna torganizza attivitajiet reliġjużi għall-bandisti, membri u benefatturi. Din is-sena, nistednukom bex tingħaqdu maghna nhar it-Tnejn 15 t’ April 2019,
biex wara Quddiesa ta’ Filgħaxija nirreċitaw il-VIA SAGRA taħt format ta’ Adorazzjoni.
Żjarat lill-Persuni kollha li Jitqarbnu fi Djarhom.
Membri miIl-Kumitat Eżekuttiv bil-preżenza tad-Dir. Spiritwali ser iżuru lill-persuni kollha li jitqarbnu fi djarhom, sabiex jagħtuhom l-awguri u tifkira żgħira tal-Għid. Dan ser isir f’Sibt il- Għid filgħodu u wara nofsinhar. Nirringrazzjaw bil-quddiem lil dawn il-persuni u lill-familji tagħhom li sena wara l-oħra jkomplu jilqgħuna fi djarhom.
Coffee Morning Kbir tal-Għid – Ġibu t-tfal magħkom!
Nixtiequ navżaw li l-Coffee Morning tal-Għid ser isir nhar it-Tlieta 23 t’April 2019. Nħeġġukom tattendu bi ħġarkom. It-tfal kollha preżenti jiġu mogħtija xi ħaġa żgħira. Id-dħul imur kollhu b’risq it-tagħlim tal-mużika ġewwa r-raħal tagħna.
Attivita’ mis-Sezzjoni Żgħażagħ b’risq il-Festa 2019
Is-Sezzjoni Żgħażagħ ser torganizza IKLA b’risq il-briju u proġetti marbuta mal-festa 2019 nhar is-Sibt 13 t’April 2019 fis-Sala tal-Każin. Inħeġġu liż-żgħażagħ u lil dawk kollha interessati biex jiksbu aktar informazzjoni u biljett mingħand il-membri tas-Sezzjoni Żgħażagħ jew mill-Bar tal-Każin..
Ringrazzjamenti: GRAZZI
Lil parroċċa li sa mill-bidu tal-Banda offriet post fiċ-Ċentru Parrokkjali biex jintuża għal-uffiċċju. Bi qbil bejn il-Kumitat u Arċipriet, dan il-post issa ġie vakat biex jintuża mill-parroċċa.
Kunsill Lokali tal-istedina biex esegwixxejna is-Servizz tal-Karnival nhar il-Ħadd 3 ta’ Marzu 2019. Grazzi wkoll lil bandisti tas-sehem fiż-żewġ servizzi li kellna kemm iż-Żubbuġ u r-Rabat
Prosit u Grazzi kbira lis-Sezzjoni Żgħażagħ u numru ta’ Żgħażagħ li flimkien organizzaw iż-Żifna hilarious. Prosit ilkoll tas-sehem u impenn li urejtu biex din kienet suċċess.
Lil Santa Marija Snack Bar, Francesco Pizza, Zebbug Rovers Club, Sika Agius u l-Familja, Frankie Cini u Toni tal-Għasri tad-diversi vouchers li tawna biex jittellgħu waqt l-attivitajiet varji.
Lil diversi persuni li għaddewlna donazzjonijiet. Grazzi lkoll!
Ħsieb mid-Direttur Spiritwali….!!
Inti O.K. jew K.O. (Knocked Out)?
Il-gwerra kontra l-ħażen u l-Ħażin, tintrebaħ b’dawn l-armi:-
1) Is-smiegħ tal-Kelma t’Alla (Alla qed ikellimni u jistenna twegiba mingħandi);
2) Is-Sawm (caħda tagħna nfusna u dak li hu tad-dinja);
3) Il-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni u l-Ħniena t’Alla (infejqu l-ġrieħi fir-relazzjonijiet tagħna
mal-oħrajn);
4) It-Talb (komunikazzjoni regolari m’Alla); u
5) Is-sehem sħiħ fl-Ewkaristija (ikel spiritwali meħtieg kuljum).
Uza tajjeb dawn l-armi u tkun dejjem O.K.
Tislijiet,
Marnol Sultana,
Segretarju