ATTIVITAJIET, PROĠETTI U MUŻIKA…
Għalkemm mill-aspett bandistiku, dan iż-żmien forsi jkun wieħed kemmxejn kajman, fl-istess ħin għaddejjin b’ħidma amministrattiva li ma qatgħet xejn, speċjalment biex ngħalqu fil-ħin il-proġetti skedati skond id-diversi kuntratti li għadna marbuta ma’ skemi ta’ fondi. Dan huwa xogħol li ma jidhirx imma li huwa ferm importanti. Biss, fl-ambitu ta’ dan kollhu, l-attivitajiet ser jissoktaw hekk kif indikat f’din l-ittra.
IT-TLIETA 25 TA’ OTTUBRU 2022: COFFEE MORNING B’RISQ IT-TAGĦLIM TAL-MUŻIKA
Nhar it-Tlieta 25 t’Ottubru 2022 fid-9:00a.m. ser jiġi organizzat Coffee Morning fil-Każin. Inħeġġukom tattendu għax filwaqt li nqattgħu ftit ħin ta’ divertiment flimkien, intom tkunu ta’ għajnuna biex inkomplu bil-ħidma tagħna ddedikata lit-tagħlim u s-servizzi tal-mużika fir-raħal tagħna. Narawkom u grazzi lil dawk kollha, speċjalment membri tas-Sezzjoni Nisa li jgħinu biex jiġu organizzati dawn l-attivitajiet. Grazzi wkoll lil dawk li jagħtuna rigali, vouchers u oġġetti biex jintużaw bħala spot prizes! .
LOTTERIJA B’RISQ IT-TAGĦLIM TAL-MUŻIKA
Bħal kif isir ta’ kull sena, membri mis-Sezzjoni Nisa u mill-Kumitat Ezekuttiv ser jiġu jiġbru l-biljetti f’kuruna tal-fidda [l-ewwel premju] u f’ornament li jirrapreżenta l-Qalb ta’ Sidna Marija [t-tieni premju]. Dawn ser jinġabru bejn il-21 u t-23 t’Ottubru 2022. 10 Biljetti jiswew biss €3.00. Lil min ma nsibuhx id-dar u jkun xorta jixtieq jipparteċipa huwa ġentilment mitlub jgħaddi l-biljetti lil xi membru tal-kumitat jew timpustawhom fil-letter box tal-kazin sa’ nhar it-Tnejn 24 t’Ottubru 2022.
SWEET TOOTH FESTIVAL – Attivita’ b’differenza mis-Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija.
Wara xhur sħaħ ta’ preprazzjonijiet, is-Soċjeta’ tagħna ser tkun qed ittella’ t-tieni edizzjoni tal-Festival tal-Ħelu bl-isem ‘SweetTooth’ Festival. Din l-attivita’ ser tkun qed issir bil-għajnuna tad-Direttorat għal-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal-Għawdex u ser tkun mifruxa fuq skala akbar minn dak li esperjenzajna fl-ewwel edizzjoni. Għaldaqstant, kif wieħed jobsor, il-ħidma u l-preparazzjonijiet kienu bil-ferm akbar. Għalhekk, issa jmiss lilek biex nhar il-Ħadd 30 t’Ottubru 2022, bejn l-10.00am sal-5.00pm tingħaqad magħna ġewwa l-Ġnien Villa Rundle r-Rabat Għawdex, liema post għal ftit sigħat ser jinbidel f’dinja ta’ ħelu b’aktar minn 30 parteċipant ibiegħu varjetà ta’ Ħelu u Deżerta. Minbarra l-kompetizzjoni għall-aqwa kejk imżejjen, ma nistgħux ma nsemmux id-diversi żoni tat-tfal, b’varjeta ta’ rides, bouncy castles, crafts, balloon modelling, u ħafna iktar attivitajiet, kollha B’XEJN u għal kull età.
NIPPREPARAW GĦAS-SERATA TAL-MILIED 2022.
Fi ftit tal-jiem oħra s-Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija ser tkun qed tħabbar dettalji marbuta mal-programm varjat tas-Serata tal-Milied 2022, li din is-sena ser tkun organizzata nhar is-Sibt 17 ta’ Diċembru 2022. Għaldaqstant, dawk kollha li jixtiequ jieħdu sehem permezz fil-farsa jew ‘sketches’ fuq il-palk huma ġentilment mitluba ikellmu lil PRO tas-Soċjeta’ Diane Mizzi. Sadanittant, dawk kollha li għandhom xi talent u jixtiequ jipparteċipaw f’xi attivita’, nistednukom tikkuntatjawna wkoll. is-Soċjeta qiegħda tfittex tfal [bniet u subien] biex jieħdu sehem permezz ta’ poeżiji qosra. Dawk interessati huma ġentilment mitluba ikellmu lil Judith Żammit jew Analise Cini jew lil xi membru tal-Kumitat Eżekuttiv.
PRIEDKA TAT-TIFLA 2022
Bi preparazzjoni għal-priedka tat-Tifla għal-Milied, qed nistiednu lil ġenituri tat-tfal bniet li din is-sena qegħdin year 5 u li huma residenti ż-Żebbuġ, biex min jixtieq jagħmel il-priedka, mitlub jikkuntattja lil Judith Zammit [Tel: 21555128] jew Annalise Cini [Mob: 79555150] sa nhar il-Erbgha 9 ta’ Novembru.
FESTA TA’ SAN FORTUNATU 2022
Grazzi għall-istedina li ssir mill-Parroċċa, Il-Banda Santa Marija bħal kull sena ser tesegwixxi servizz fil-purċissjoni ta’ San Fortunatu. Għaldaqstant nħeġġu b’mod partikolari lil bandisti biex jattendu u nirringrazzjawhom bil-quddiem ta’ dan is-servizz. Il-Purċissjoni ser tgħaddi minn Triq Għajn Mhelel, Triq Għażżiela, Triq il-Madonna taċ-Ċiċri, Triq il-Knisja, Triq il-Kappilan Frangisk Vella, Triq Ġoma u lura lejn i-Pjazza. Naprezzaw jekk jinxtgħelu l-faċċati tad-djar minn fejn tgħaddi l-purċissjoni għax b’hekk tkunu qed tgħinu ħafna lil bandisti tagħna.
U fuq stedina tal-fathers tal-MSSP, nhar is-Sibt 29 t’Ottubru 2022 fis-7:30p.m. il-banda tagħna ser tkun qed wkoll tipparteċipa fl-okkażżjoni tal-konsagrazzjoni tal-Kapella ġewwa Dar Stella Maris permezz ta’ servizz qasir f’din l-okkażżjoni.
SOĊJETA’ AKTAR INKLUSSIVA…INVESTIMENT U TAĦRIĠ
B’rabta ma’ fondi permezz ta’ skema għal Soċjetajiet Mużikali iktar inklussivi maħruġa mill-Ministeru tal-Inklużjoni u Kwalità tal-Ħajja, issa wasalna fl-istadju fejn ġewwa l-każin ser ikun qed jiġi installat Automated External Defibrillator (AED) biex jintuża f’kas ta’ cirkostanzi li jirrigwardjaw il-qalb (bħal eżempju attakk tal-qalb). Dan huwa investiment (ta’ madwar €2,000) biex inkomplu niżguraw ambjent aktar sigur għal membri, voluntiera u viżitaturi tagħna u fl-istess ħin titqajjem aktar kuxjenza dwar l-użu ta’ dan l-apparat li jista’ jsalva l-ħajja. Ser ikun wkoll qed jingħata taħriġ dwar l-użu ta’ dan l-apparat.
IT-TNEJN 7 TA’ NOVEMBRU 2022 – QUDDIESA SPEĊJALI
Permezz tad-Direttur Spiritwali tagħna Dun Noel Saliba, ser norganiżżaw Quddiesa fiċ-Ċimiterju fl-4:30p.m. b’suffraġju tal-għeżież benefatturi, ex-bandisti u mużiċisti. Fl-istess quddiesa infakkru wkoll l-erba’ Żebbuġin vittmi tal-gwerra u dawk li mietu waqt il-ħidma tagħhom għall-festa. Inħeġġukom tingħaqdu magħna biex bħala kommunita ningħaqdu u niftakru permezz tat-talba tal-Quddiesa f’dawk kollha li ħallewna. Ma ninsewx li dak li qegħdin ingawdu bħalissa huwa kollu frott ta’ dak li stinkaw u ħadmu għalih ta’ qabilna. Infakkru li fit-22 ta’ Novembru 2022 taħbat wkoll il-ġurnata meta liturġikament niċċelebraw il-Festa ta’ Santa Ċeċilja, Patruna tal-Mużiċisti. Nitolbu lil din il-qaddisa titfa’ idejha fuq il-bandisti, mużiċisti u kantanti kollha
MILL-EKU TALL-FESTA…GRAZZI LILKOM VOLUNTIERA, BENEFATTURI U SOSTENITURI…!
- U f’din l-ewwel ittra li qed tiġi ppubblikata wara il-festa, qed nieħdu l-okkazzjoni fejn pubblikament nirringrazzjaw lil bandisti tagħna kemm għas-servizzi kemm ta’ matul il-festa u anke dawk marbuta mal-festi fl-irħula u s-servizz tal-Madonna tall-Għażżiela.
- B’rabta mall-programm AssumptaFest 2022, grazzi tmur lis-Surmast u Asst. Surmast, kantanti, solisti, kor, helpers, ushers, compere, membri fi ħdan il-kumitat eżekuttiv u s-sezzjonijiet tan-nisa u taż-żgħażagħ li kienu ta’ għajnuna kbira. Dak ta’ din is-sena kien wieħed storiku hekk kif is-Soċjeta’ tagħna b’inizjattiva konġunta mall-parroċċa irregalat l-inwadru titulari restawrat u fl-istat oriġinali tiegħu. Kellna kummenti ferm pożittivi, bir-rispons tagħkom jimliena b’kuraġġ biex fil-futur nidħlu għal-inizjattivi simili. Grazzi lill-Arċipriet tas-sapport kontinwu, lill-Kunsill Lokali, Malta Arts Council kif ukoll lid-Direttorat għal-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal-Għawdex. Grazzi lilkom numerużi li attendejtu għal dan il-Programm Assumptafest. Nifirħu wkoll lil bandisti l-ġodda Martina Grech, Samantha Spiteri, Zachriel Sultana u Noah Xerri għall-vestizzjoni tagħhom waqt l-istess programm kif wkoll lil Vicky Saliba għall-premju ‘Bandista tas-Sena’. Il-Premju ‘Ġieħ il-Banda 2022’ ingħata lill-mibkija Matilda Vella b’rikonoxximent għal-għajnuna u sapport kbir li tat matul ħajjitha lil Banda tagħna. Infatti, Matilda ħalliet wkoll b’wirt għotja ta’ €1,000 li ġiet ippreżentata minn oħta Grace Vella.
- Grazzi lil dawk kollha li għaddewlna xi donazzjonijiet fil-ġranet tal-festa u fix-xhur li għaddew, fosthom donazzjoni ferm ġeneruża ta’ €500 u oħra ta’ €1,000. Grazzi lil dawk kollha li kkontribwew u għenuna fil-ġabra tal-Kunċert Annwali, bis-somma miġbura kienet dik ta’ €506. Grazzi lil dawk kollha li bħal kull sena kontu ġenerużi u tajtu l-kontribuzzjoni tagħkom għall-marċ ta’ filgħodu kif wkoll diversi sponsors marbuta ma inizjattivi varji organizzati mis-Sezzjoni Żgħażagħ, fosthom it-3D mapping.
- Grazzi kbira lill-ġirien kollha ta’ madwar il-każin tas-sapport u għajnuna b’mod speċjali matul il-jiem tal-festa, fejn l-attivita’ tkun kbira u għaldaqstant nifhmu li nistgħu nkunu t’inkonvenjent f’xi ħinijiet.
- Dawk id-ditti u ħwienet li għoġobhom jirrekklamaw fuq il-ktieb tal-Festa. Il-Kumitat Eżekuttiv jgħaddi lill-parroċċa l-ispejjeż kollha tal-paġni tar-reklami.
- Diversi voluntiera u ħaddiema tal-għajnuna u kooperazzjoni fuq in-numru ta’ proġetti li qed jitwettqu ġewwa l-każin. Is-sostenn ta’ dawn d-diversi voluntiera u benefatturi jagħtina l-kuraġġ inħarsu ‘l quddiem fit-twettiq ta’ numru ta’ proġetti li wħud minnhom qatt ħadd ma’ basar li waslu biex saru realta’.
Niskużaw ruħna bil-quddiem jekk insejna lil xi ħadd. Tiddejqu xejn tiġbdulna l-attenzjoni. Napprezzaw il-fatt li ħafna nies jiddedikaw ħafna ħin għall-banda tagħna u permezz ta’ din l-ittra nieħdu l-okkażżjoni sabiex nirringrazzjaw lill-familji kollha tagħhom.
ĦSIEB MID-DIRETTUR SPIRITWALI…TAGĦLIMA GĦAL ĦAJJITNA!
“Meta nindunaw li l-fidi hija relazzjoni ma’ Ġesù, nibdew nagħrfu li, li temmen mhux toqol,
imma rigal; li tmur għall-Ewkaristija tal-Ħadd mhux piż, imma festa; li titlob mhux dmir,
imma laqgħa ma’ Ħabib sinċier; li tgħin mhux sagrifiċċju, imma att ta’ mħabba lejn dak stess
li tak kulma għandek!”
(Silta mill-Ittra Pastorali tal-isqof Anton Teuma, fil-Bidu tas-Sena Pastorali 2022-2023)