Ittra Kumitat Eżekuttiv – Settembru 2019

TIŻWIEQA T’EMOZZJONIJIET… GRAZZI LIL KULĦADD!

Hekk kif nhar il-Ħadd li għadda ċċelebrajna l-Festa tal-Madonna tal-Għażżiela, permezz ta’ dan is-servizz b’marċi proċessjonali għalaqna dan is-sajf bandistiku. Għaldaqstant, jixraq nibdew b’ringrazzjament lil bandisti tagħna għas- sehem tagħhom matul dan is-sajf fejn kellna xejn anqas minn disa’ servizzi barra mir-raħal kif wkoll is-sehem sħiħ fil- festa tagħna. Il-Banda tagħna kellha wkoll l-unur li akkumpanjajna lil-E.T. Mons. Giovanni Cefai waqt iċ- ċelebrazzjonijiet marbuta mal-bidu tal-Episkopat tiegħu bħala Isqof fil-Peru. Filwaqt li ssa jkun jixraq ftit jiem ta’ mistrieħ kemm għall-bandisti kif wkoll għal numru kbir ta’ voluntiera, minn naħa l-oħra r-ritmu u x-xogħol fuq in-numru ta proġetti li għaddejjin minnhom ser jintensifika fil-jiem li ġejjin. Dan huwa wkoll perjodu fejn il-Kumitat Eżekuttiv jagħmel evalwazzjoni nterna ta’ kif marru l-attivitajiet li magħhom marbuta l-banda tagħna. Għalhekk, nappellaw lil dawk li għandhom xi suġġeriment, opinjoni jew lmenti, biex ma’ toqogħdux lura u tkellmu lil xi membru tal-kumitat.

L-ERBGĦA 25 TA’ SETTEMBRU 2019: COFFEE MORNING B’RISQ IT-TAGĦLIM TAL-MUŻIKA
Is-Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija tixtieq tavża li nhar il-Erbgħa 25 ta’ Settembru 2019 fid-9:00a.m. ser jigi organizzat Coffee Morning fil-Każin. Nħeggukom tattendu għax filwaqt li nqattgħu ftit ħin ta’ divertiment flimkien, intom tkunu ta’ għajnuna biex inkomplu bil-ħidma tagħna ddedikata lit-tagħlim u s-servizzi tal-mużika lir-raħal tagħna. Narawkom u grazzi lil dawk kollha, speċjalment membri tas-Sezzjoni Nisa li jgħinu biex jiġu organizzati dawn l- attivitajiet. Grazzi wkoll lil dawk li jagħtuna rigali, vouchers u oġġetti biex jintużaw bħala spot prizes!

BEJN PROĠETT U IEĦOR…ĦARSITNA DEJJEM FUQ LI JMISS!
Għalkemm id-diversi attivitajiet u mpenji ta’ matul is-sena jirrikjedu ħidma kontinwa, minn naħa tal-kumitat, fl-istess waqt qed naħdmu fuq tista’ tgħid sensiela ta’ proġetti fil-każin. Filwaqt li matul il-jiem tal-festa stajna ingawdu l- bandiera ġdida kkummissjonata mis-Sezzjoni Żgħażagħ [grazzi u prosit lil Victor u Natalie Cini], fil-qosor dan hu x- xogħol li għaddejjin minnhu u/jew ppjanat li jibda:

  • Taraġ Prinċipali – Bi pjaċir ninfurmawkom li f’dawn l-aħħar jiem twaħħal il-ħadid tat-taraġ, fejn wara xhur sħaħ ta’ xogħol b’sengħa artiġġjanli fl-aħħar tlesta wkoll. Grazzi partikolari tmur lil Leli Cini, fejn minbarra li kien id-disinjatur ta’ dan il-progett, hu ħa ħsieb wkoll is-supervizjoni tax-xogħolijiet. Grazzi wkoll lil dawk kollha li għenu tul l-istess proġett, ewlieni lill-ħaddied Mikiel Scerri (il-Muzzan minn Naxxar, Malta) u t-tfal tiegħu  David u Patrick. Dan ix-xogħol tal-ħadid sar kollhu bl-idejn, bl-użu tal-forġa u b’teknika artiġjanali. Il- ħadid li ntuża kien tat-tlett kwarti ta’ pulzier ħxuna u inħadem b’mod sħiħ, liema dettalji li jagħmlu lil din opra aktar diffiċli biex tinħadem, unika u prezzjuża.
  • Rinovazzjoni tal-Foyer u daħla tal-Każin – Wara li ftit tal-ġimgħat ilu ġiet installata l-arja kundizzjonata fid- daħla tal-każin, fil-jiem li ġejjin ser ikun qed jibda xogħol ta’ natura strutturali, fejn fost l-oħrajn ser ikun qed isir soffit tal-gypsum, tibdil fl-installazzjonijiet tad-dawl, coving u dekorazzjonijiet oħra. Għaldaqstant, ninfurmawkom li l-botteggin ser ikunu magħluq mit-Tnejn 30 ta’ Settembru sat-Tlieta 8 t’Ottubru 2019.
  • Vetrina ghal-Arkivju Mużikali – ġie ordnat wkoll il-materjal biex fil-ġimgħat li ġejjin jibda x-xogħol fuq din il- vetrina li ser tkun qed tikkumplimenta l-Arkivju Mużikali u li fiha ser tħaddan strumenti antiki, rikordji, trophies, dokumenti u oġġetti prezzjużi relatati mal-istorja tas-Soċjeta’. Bi pjaċir ninfurmawkom li mal- kollezzjoni li diġa għandna, issa żdiedet kurunetta li kienet tindaqq mill-mibki Karmnu Cini u li ġiet ppreżentata mill-familja tiegħu waqt il-Programm Mużikali Assumptafest 2019.
  • Bini tal-Arma Ċentrali fil-faċċata tal-Każin – Waqt Assumptafest 2019, is-Sezzjoni Żgħażagħ fi ħdan is- Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija ħabbret l-ikkummissjonar tal-proġett li jinvolvi l-bini tal-Arma Ċentrali fil- faċċata tal-Każin tal-Banda Santa Marija. Ma steax jonqos lid-disinjatur inkarigat mill-proġett ikun is-Sur Leli Cini. Ninfurawkom li fl-aħħar jiem beda x-xogħol preparatorju biex jibda x-xogħol relatat fl-iqsar żmienpossibli. Grazzi kbira tmur lil din is-Sezzjoni u liż-żgħażagħ kollha li għoġobhom jikkummissjonaw dan il- proġett. Sadanittant, dan ix-xogħol ser ikun qed jiġi kkumplimentat billi ser isiru wkoll il-mensoli li fadal jitwaħħlu ma’ diversi partijiet fil-faċċata tal-istess Każin

Sadanittant, kompla għaddej wkoll xogħol fuq opra artistika [fuq disinn tas-sur Leli Cini] magħmula minn stained glass, liema proġett huwa ppjanat li jitlesta għal nofs is-sena d-dieħla. Dwar dan żgur li ser tkunu qed tisimgħu iktar fix-xhur li ġejjin. Nixtiequ ninnotaw li dawn il-proġetti li semmejna huma kollha ffinanzjati minn diversi skemi ta’ fondi, għajr l-arma ċentrali li kif semmejjna ser tkun kkummissjonata mis-Sezzjoni Żgħażagħ.

MINN WARA L-KWINTI – ĦIDMA AMMINSTRATTIVA IMPORTANTI
L-aspett amministrattiv huwa wkoll importanti, b’mod speċjali għal organizzazzjoni bħal tagħna li hija rreġistrata u għaldaqstant topera taħt il-ħarsien tal-Kummissarju għal Għaqdiet Volontarji. Infatti, wara li fl-aħħar snin u xhur ksibna l-istatus ta’ Personalita Ġuridika, aġġornajna l-istatut kif wkoll ksibna ċ-ċertifikazzjoni ta’ livell għola fl-Informal Education, hekk kif ħabbar il-President Dr. Anthony Dimech waqt id-diskors tiegħu fil-kunċert tal-festa, fl-aħħar xhur il- kumitat iddeċieda li jmur fuq pass ieħor, dik li jsir ‘awditjar’ sħiħ fuq il-binja tal-każin u jiġu aġġornati l-pjanti skond l- użu eżistenti.

Tgħidulna dan x’ridtuħ? Ma’ kontux għaddejjin? Huwa vera, konna għaddejjin, imma l-Kumitat Eżekuttiv jemmen li aħna obbligati mhux biss mat-tmexxija ta’ dak li qegħdin preżenti fih, imma responsabbli wkoll minn dak li ser isibu quddiemhom dawk li ser jiġu jamminstraw warajna. Nemmnu li fejn hemm lok ta’ titjib, irridu naħdmu fuq kull aspett biex naraw li kollox ikun konformi u regolat. Għaldaqstant, wara li ġie ikkummissjonat risk-assessment fuq il-każin kollhu, tqabbdet ditta ta’ periti minn Malta li jispeċċjaliżżaw fuq dan ix-xoghol. Nemmnu li dan ser ikun investiment u anke l-muftieh biex bħala Soċjeta’ nkunu nistgħu inkomplu napplikaw għal aktar proġetti ta’ natura infrastrutturali u li jkunu ffinanzjati minn skemi ta’ fondi. Naġġornawkom fl-ittri li jmiss.

GRAZZI LILKOM VOLUNTIERA, BENEFATTURI U SOSTENITURI…!
Hija abitudni tagħna li fl-ewwel ittra ta’ wara l-festa, s-Soċjeta’ tirringrazzja lil dawk kollha li kienu t’għajnuna matul l-aħħar xhur. GRAZZI LKOLL! Sadanittant, grazzi partikolari tmur lil:

  • Protagonisti ewlenin, jigifieri lill-bandisti kif wkoll lis-Surmast u Asst. Surmast li grazzi għall-impenn kontinwu u dedikazzjoni tagħhom irnexxielna noffru servizzi li jagħmlu ġieħ lill-banda tagħna. Kellna kummenti ferm pożittivi marbuta mall-Programm Mużikali Assumptafest, fejn l-istil ta’ mużika u l-format intlaqgħu tajjeb ħafna. Kommessi li nkompli nibnu fuq dan li bdejna. Anke l-attendenza tagħkom tqawwilna qalbna biex inkomplu bil-ħidma mużikali tagħna. Grazzi lil membri kollha tal-Kumitat Ezekuttiv tal-ħidma u koordinament matul il-festa kollha u għal-ħinijiet twal.  Kellna sfida doppja peress li waqt il-festa bqajna għaddejjin wkoll b’diversi proġetti.
  • Sezzjoni Nisa tal-għajnuna kollha speċjalment fl-organizzazzjoni ta’ diversi attivitajiet biex b’hekk inkunu nistgħu nkomplu nsostnu t-tagħlim tal-mużika. Nappella lilkom kollha biex tkomplu tipparteċipaw fl-attivitajiet ta’ fund raising. Insellmu wkoll lill-membri kollha fis-Sezzjoni taż-Żgħażagħ tagħna għal ħafna xogħol u sagrifiċċju marbut mat-tisbiħ tal-każin u l-briju fil-festa tagħna. Napprezzaw ħafna l-fatt li dawn iż-żgħażagħ minflok iddevertew biss, ħadmu bla heda flimkien għal siegħat u iljieli twal minn ġewwa l-każin biex ikun kollox preparat. Prosit wkoll għar- rekord nazzjonali miksub marbut mal-ispettaklu tal-karti.
  • Arċipriet [l-Kan. Dun Ġwann Sultana] tal-għajnuna kbira li sibna fil-jiem tal-festa. Matul il-festa esperjenzajna katina ta’ volontarjat u għalhekk ma jonqosx ringrazzjament speċjali lill-għaqdiet kollha involuti.
  • Sindku Nicky Saliba, Vici Sindku Marlene Cini u Kunsilliera Daniel Cordina, Baskal Saliba u Sandra Grech flimkien mal-ħaddiema kollha tal-Kunsill Lokali tal-għajnuna fid-diversi attivitajiet.
  • Dawk kollha, fosthom emigranti li għaddewlna xi donazzjonijiet fil-ġranet tal-festa u fix-xhur li għaddew, fosthom donazzjoni ferm ġeneruża ta’ €500 u tnejn oħra ta’ €100 u lil dawk kollha li kkontribwew u għenuna fil-ġabra tal- Kunċert Annwali. Is-somma totali kienet ta’ €420. Grazzi wkoll lill-Kunsill Lokali u lill-Ministeru għal Għawdex għal għajnuna biex seta’ jitella’ Assumptafest. Grazzi lil Paul Saliba għax-xogħol marbut mar-rikonoxximenti u nifirħu lis-Sur Stephen li ġie ppremjat bl-unur ta’ ‘Ġieħ il-Banda 2019’ u lil Christine Galea li ingħatat l-premju ‘Bandista tas-Sena’ waqt Assumptafest 2019. Prosit wkoll lil Diane Mizzi għal compere waqt Assumptafest.
  • Lil diversi individwi, ditti u ħwienet li għoġobhom jagħtu oġġetti, vouchers u rigali oħrajn biex setghu jintużaw waqt numru t’attivitajiet fosthom Santa Marija Snack Bar, Francesco’s Pizza, Żebbug Rovers Club, Hairchitect u The View Restaurant. Grazzi lil Santa Marija Snack Bar tal-ikel li offrew gratis waqt il-bibita li kellna wara l-kunċert u l- BBQ lil Bandisti u helpers. Grazzi lil Francesco’s Pizza għad-drinks ta’ waqt il-korteo fl-okkażżjoni tal-ċelebrazzjoni tal-episkopat ta’ Mons. Giovanni Cefai.
  • Lil Judith Zammit, Rupert Zammit, Michael Cini u l-familja tiegħu għal-organizzazzjoni u t-tisjir kollu marbut mal- BBQ li sar wara l-festa għall-bandisti u l-helpers.
  • Grazzi kbira lil ġirien kollha ta’ madwar il-każin tas-sapport u għajnuna b’mod speċjali matul il-jiem tal-festa, fejn l- attivita’ tkun kbira u għaldaqstant nifhmu li jista’ nkunu t’inkonvenjent f’xi ħinijiet. Grazzi lkoll mill-qalb!
  • Joseph Lia u Matthew Ċini flimkien mas-Sinjura Jacqueline Vella għall-parteċipazzjoni tagħhom fl-esekuzzjoni tal- Innu l-Kbir. Grazzi wkoll lil Korijiet Regina Angelorum u Kor Santa Marija [u d-diriġenti tiegħu] għas-sehem u kooperazzjoni.
  • Grazzi lil dawk kollha li bħal kull sena kontu ġenerużi u tajtu l-kontribuzzjoni tagħkom għall-marċ ta’ filgħodu kif wkoll lil dawk li offrew donazzjonijiet u sponsors marbuta max-xow tal-karti. Grazzi lil Micheal Joe Cini [Micimago] u Godwin Cefai li taw servizz ta’ DJ b’xejn matul il-festa. Grazzi lil Joe Magro li sellef generator għal BBQ organizzat mis-Sezzjoni Żgħażagħ u lil Joe Cini li sellef extractor li ntuża fil-jiem tal-Festa.
  • Grazzi partikolari tmur lil Mario Portelli li mgħejjun minn diversi żgħażagħ matul il-jiem tal-festa [u anke matul is- sena kollha] jieħdu ħsieb itellgħu l-bandiera u l-fistun tad-dawl tal-Każin. Grazzi u prosit anke li minn xhur qabel, eżattament minn meta jibdew l-Erbgħat, numru ta’ żgħażagħ jieħdu ħsieb iżejnu daħlet raħalna bill-bnadar.
  • Dawk ditti u ħwienet li għoġobhom jirrekklamaw fuq il-ktieb tal-Festa. Grazzi lil Rupert Zammit u Analise Cini tal- koordinament. Il-Kumitat Eżekuttiv jgħaddi lill-parroċċa parti mid-dħul li jkollna bħala kontribuzzjoni li tkopri l- ispejjeż kollha tal-paġni tar-reklami.

 

Niskużaw ruħna bil-quddiem jekk insejna lil xi ħadd. Tiddejqu xejn tiġbdulna l-attenzjoni. Napprezzaw l-fatt li ħafna nies jiddedikaw ħafna ħin għall-banda tagħna u permezz ta din l-ittra nieħdu l-okkazzjoni sabiex nirringrazzjaw lil familji kollha tagħhom.

U issa tista żżur is-sit ġdid tagħna www.bandasantamarija.com u żżomm ruħek aġġornat! Dan is-sit, bi stil u format ġdid, minbarra li huwa aktar informattiv, jista’ wkoll jiġi aċċessajt b’mod sempliċi minn fuq il-mobile jew kull apparat elettroniku ieħor.

ĦSIEB MID-DIRETTUR SPIRITWALI…messaġġ għal ħajjitna!!

Biex tgħin ruħek fiċ-ċaqlieq,
li tħobb ’l Alla hi l-isbaħ triq!
U biex tirbaħ it-tbatija
Itlob dejjem lil Marija!

 

Tislijiet,
Marnol Sultana
Segretarju

Leave a comment