Ittra Speċjali – VolStory.org

Ittra Speċjali – VolStory.org

Għeżież,

Għaddiet sena minn meta wara s-suċċess tal-proġett ARTruistic360 [proġett tas-Sala], infurmajna lilkom
sostenituri tagħna bl-akkwist ta’ aktar fondi permezz tal-proġett VOLstory.org; fondi li kienu ser ikomplu jibnu
fuq dak li bdejna, iġifieri li nkomplu nattrezzaw il-każin tagħna skond il-prioritajiet meħtieġa fosthom li nibdlu
l-basement tal-każin f’post adegwat għat-tagħlim u volontarjat,

Bi pjaċir ninfurmawkom li b’suċċess lestejna dak kollhu li għalih konna mogħtija l-fondi f’dan il-proġett
partikolari. Matul is-sena konna qed ninfurmawkom x’qed jiġri kemm permezz tal-ittri li nqassmu u anke
permezz tal-midja soċjali, imma ħassejna li għandna naġġornaw lilkom Żebbugin bid-dettalji kollha marbuta
max-xogħol li konna għaddejin minnhom, xogħol li forsi ftit jafu bil-ħidma u l-impenn kbir involut.

Nibdew li dan il-proġett, minbarra investimenti kapitali, ħadna ħsieb wkoll li jiġu organizzati numru ta’
sessjonijiet edukattivi fejn fost l-oħrajn kellna sessjoni minn Rev. Dun Joe Bezzina {arkivist nazzjonali] dwar
l-arkivjar. Fl-istess ħin, mill-istess fond ġie kkummissjonat rapport dwar is-saħħa u s-sigurta fil-każin, u dan
biex jintuża bħala gwida meta jkunu qegħdin jitwettqu proġetti ġodda.

Kif għidna, ħarsitna daret fuq li jkollna post adegwat għat-tagħlim u volontarjat, fejn issa kemm l-istudenti
tagħna għandhom klassi adegwata fejn jitgħallmu l-mużika u fl-istess ħin anke numru ta’ voluntiera issa
għandhom faċilitajiet mgħammra b’dak li huwa meħtieg fil-ħidma tagħhom. Dan kien jinkludi Għamara
ġdida, inkluż 4 bibien interni għal basement; siġġijiet, whiteboard, noticeboard u accessorji oħra; long-throw
projector, CD player; unit biex jitpoġġew oġġetti marbuta mat-tagħlim, fosthom strumenti bħal synthesizer u l-
uniformi tal-bandisti. Biswit, saret wkoll waiting area għall-aljievi biex jippreparaw ruħhom qabel ma jidħlu
ghal-lezzjoni u li tinkludi xkaffar b’format ta’ librerija biex fihom ser jiġu miġbura numru kbir ta’ kotba tal-mibki
Direttur Spiritwali Dun Karm Cini mgħotija minn Matilda Vella. Fl-istess post tlestiet wkoll Vetrina li fiha ser
jinġabru b’mod sigur u f’ambjent addatat numru ta’ strumenti, kemm dawk antiki u dawk ġodda. Fl-aħħar u
mhux lanqas, libbisna dan il-post b’sett ta’ purtieri ġodda, fosthom waħda għal Kapella tal-Każin

U kif jgħidu, ħaġa taqla’ oħra. Filfatt, konsegwenza ta’ dan il-proġett u fuq parir tas-Sur Leli Cini, disinjatur
tal-Każin, tfassal u tlesta taraġ ġdid, permanenti u aktar sigur li jagħti għad-daħla tal-klassijiet u/jew
basement. Hawn nieħdu spunt u nirringrazzjaw lil diversi persuni tax-xogħol kbir li għamlu kemm jekk gratis
jew bi skont kbir, fosthom lil Mario Vella għal xogħol fl-injam u rampa tal-basement; Toni Zammit [xogħol fil-
ġebel], Sammy Camilleri [eletriku], Paul u Fredu Saliba [irħam/sollijiet], Cetta Saliba u Konsilja Cini [ħjata ta’
purtieri], Joe Saliba [Installazzjoni ta’ aċċessorji] u Jimmy Saliba [Projector u CD Player].

Sar wkoll investiment f’sistema ta’ sound għas-Sala tal-Każin, bl-iskop aħħari ikun li s-sala tkun attrezzata
b’dak kollu li hu meħtieġ biex ikunu jistgħu jsiru konferenzi, seminars u attivitajiet/ċerimonji simili.
Nirringrazzaw lis-sur Joseph Galea li ħa ħsieb jiggwidana kif wkoll jinstalla din is-sistema b’mod volontarju.
Fl-istess ħin, ġewwa s-Sala tal-Każin lestejna wkoll struttura biex tgħin fl-aspett artistiku [sound] tal-post; fejn
hawn nirringrazzjaw lil Mario Vella għax-xogħol fl-injam, Joe Saliba għal xogħol fil-gypsum u lil Natalie Cini li
mgħejjuna minn Konsilja Cini bħalissa għaddejjin kemm bit-tfassil u ħjata tal-purtieri. Grazzi mill-ġdid!

Wara żmien ta’ stennija, permezz tal-istess skema, s-Soċ. Filar, Santa Marija bniet wkoll mill-ġdid is-sit
elettroniku tagħha www.bandasantamarija.com. Dan is-sit ġie ddisinjat mill-ġdid bil-għan li jkun jista’
jakkomoda l-esiġenzi tas-Soċjeta’ tagħna u fi żmien fejn it-teknoloġija u l-komunikazzjoni soċjali qed isiru
dejjem aktar dinamiċi ma’ kull jum li jgħaddi. Filfatt, wieħed mill-għanijiet ewlenin ta’ dan is-sit il-ġdid ser ikun
li jagħmilha aktar faċli sabiex wieħed jaċċessa l-informazzjoni kollha bżonnjuża minn kullimkien u b’kull
apparat elettroniku, fosthom minn fuq mobiles u tablets. Dan is-sit ser ikun qed jitnieda hekk kif noqorbu lejn
żmien il-festa.

Permezz ta’ din l-ittra tajna sintesi qasira ħafna ta’ dak li għaddejjin minnu. Dawn it-tip ta’ proġetti jitolbu
sigħat twal ta’ xogħol u preprazzjonijiet amministrattivi wkoll, mingħajr ma nsemmu n-numru ta’ rapporti,
laqgħat kontinwi ġewwa Malta u spezzjonijiet li jsiru fuq il-post mill-awdituri u uffiċjali biex ikun assigurat li
dak li jkun implimentat ħuwa konformi mal-proġett mirbuħ.

Kienet sfida mhux żgħira li fi ftit xhur irnexxielna nlestu dan il-proġett. Grazzi partikolari lil Leli Cini li kważi ta’
kull ġimgħa niżel minn Malta biex issir superviżjoni tax-xogħol u jagħti d-direzzjonijiet meħtieġa. Grazzi lil
dawk kollha li għażlu jgħinuna fix-xogħol kollhu u grazzi lill-familji tagħhom tas-sagriffiċju! Hawn
nirringrazzjaw liil-membri kollha tal-Kumitat Eżekuttiv li għenu fil-koordinament ta’ dan il-proġett. Konxji illi
kieku ma jkunux dawn it-tip ta’ fondi, dawn il-proġetti jibqgħu biss ħolma!

Il-pass li jmiss ser ikun nhar il-Ħadd 27 ta’ Mejju 2018, fejn għal ħabta tan-12:30p.m. ser nilqgħu lis-
Segretarju Parlamentari l-Onor. Clifton Grima, biex f’attivita qasira jinawgura dan il-proġett b’fondi li
ġew allokati mis-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat.
Għalhekk qed nistiednu lilkom wkoll biex tingħaqdu magħna u fl-istess ħin tkunu tistgħu taraw dak li
sar. Wara ser ikollna bibita għal dawk kollha preżenti.

Dan huwa dak kollhu lil proġett VOLstory.org fisser għalina membri tas-Soċjeta’ Filar. Santa Marija kif ukoll
għar-raħal tagħna. Dawn huma opportuntijiet li mportanti li nkomplu nisfruttaw biex b’hekk ikunu jistgħu isiru
proġetti utli għal kommunita tagħna. Inkomplu insostnu u importanti ħafna u nixtiequ niċċaraw li dawn il-
fondi riedu jintużaw bilfors għall-proġett sottomess u bl-ebda mod ma setgħu jintużaw għal xi għanijiet oħra.

Fl-aħħar mill-aħħar dan kien possibli grazzi għall-fiduċja, għajnuna u d-donazzjonijiet kontinwi tagħkom.
Nitolbukom biex l-għajnuna u d-donazzjonijiet tagħkom jibqgħu kontinwi u tkomplu tkunu ġenerużi mas-
Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija biex b’ħekk ilkoll flimkien ikollna ir-riżorsi, l-organizzazzjoni u l-garanziji
finanzjarji meħtieġa biex nisfruttaw opportunitajiet simili b’risq il-ġid komuni tas-Soċjeta’ Filarmonika Santa
Marija u r-raħal għażiż tagħna taż-Żebbuġ.

Tislijiet

Marnol Sultana
Segretarju

NOTA/AVVIŻ:

Fl-aħħar ittra, ilkoll ġejtu nfurmati bir-rebħ ta’ proġett ieħor, din id-darba bl-isem OURtrip…making hours
count… Dan il-proġett ser ikun kontinwazzjoni ta’ dak li bdejna u li jkopri, fost l-oħrajn, investimenti
kapitali b’risq il-volontarjat permezz tal-programm Voluntary Organisations Project Scheme.

Fil-jiem li ġejjin ser ikunu qed jiġu ppubblikati sejħiet għal offerti marbuta ma’ xogħol ta’ stained glass kif
wkoll xogħol għal ħadid tat-taraġ. Dan il-proġett/xogħol irid isir b’mod professjonali u b’teknika artiġjanali
fuq disinn u superviżjoni tas-Sur Leli Ċini. Għax-xogħol ta’ stained glass, dan irid isir bit-teknika li jinforza
ruħu biċ-ċomb u jinħadem b’qafas għat-tond. Minn naħa l-oħra, it-taraġ tal-ħadid ser isir [parti sostanzjali]
minn ħadid oħxon ¾ * ¾ ta’ pulzier u x-xogħol irid jinħadem bil-forġa. Il-ħadid tat-taraġ irid ikun wkoll
powder coated. Marbutin kontrattwalment, li x-xogħol irid isir kollhu b’sengħa artiġjanali u għalhekk
importanti li nimxu ma’ dawn ir-regolamenti. Sadanittant, l-offerti ser ikunu qed jiġu amministrivament u
teknikament evalwati minn konsulenti u tekniċi maħtura minn Awtoritajiet Kompetenti.

Peress li dawk il-proġetti ser jiġu ffinanzjati minn fondi pubbliċi, it-tali sejħiet ser jiġu ppublikati
bil-għajnuna tal-MCVS. B’differenza mill-proġetti preċidenti, fejn konna nixtru l-materjal u x-
xogħol isir kważi kollhu b’mod volontarju, din id-darba, minħabba n-natura tax-xogħolijiet, kemm
il-materjal u anke s-servizz qed ikun jiġi kkummissjonat; u għaldaqstant l-awtoritajiet kompenenti
ser wkoll iżommu d-dritt li jispezjonaw il-postijiet/workshops/postijiet tax-xogħol fejn ikun qed isir
ix-xogħol biex jiżguraw konformita mal-liġijiet ta’ pajjiżna u jaraw li hemm il-permessi kollha
meħtieġa. Dawn l-ispezzjonijiet ser isiru kemm qabel u anke waqt li jkun għaddej ix-xogħol.

Leave a comment