Is-Surmast Direttur Mro. Dr. Joseph Grech

PhD. (Nott.) M. Phil (Mus) B.A. (Mus) Hons., F.L.C.M.

 

Il-Kumitat għandu bħala Surmast Direttur lil Mro Dr. Joseph Grech, biex jieħu ħsieb id-direzzjoni mużikali tas-Soċjetà Filarmonika Santa Marija.

Is-surmast Grech twieled ir-Rabat Għawdex fl-1971 u beda jistudja l-mużika minn eta` żgħira. Ta’ seba’ snin beda jdoqq il-kwartin mas-Soċjetà Filarmonika Leone. Fl-1984, beda jitgħallem il-pjanu u t-Teorija tal-Mużika f’Malta taħt is-Sinjura Rossignaud u l-ewfonju taħt Paul Borg. Kompla jitgħallem taħt Laurence Borg u kien l-ewwel Għawdxi li akkwista d-diplomi A.L.C.M., L.L.C.M., F.L.C.M. fid-daqq ta’ strument tar-Ram.

Grech kien jgħallem l-aljievi tas-Soċjetà Filarmonika Leone u kompla l-karriera tiegħu billi okkupa post ta’ Assistant Direttur tas-Soċjetà Filarmonika Mnarja. Fl-1992, sar Surmast Direttur ta’ l-istess soċjetà u fl-1995 kien ukoll l-ewwel Għawdxi li ggradwa b’Baċellerat ta’ l-Arti bl-Unuri fil-Mużika mill-Universita’ ta’ Malta. Fl-istess sena ukoll, beda jgħallem lill-aljievi u bandisti tas-Soċjetà Filarmonika Santa Marija, fejn inħatar Surmast Direttur.

Fis-sena 2000, Mro. Dr. Joseph Grech iggradwa f’M. Phil – Music b’riċerka li ġġib l-isem ta’ 19th century Music of the Gozo Cathedral. Fil-preżent Grech qed jgħallem strumenti tar-ram fil-Gozo Visual and Performing Arts School gewwa ix-Xewkija u Muzika fil-livell Avvanzat u Intermedjajru gewwa Sir M.A. Refalo Sixth Form t’Għawdex. Fl-2018, Mro Dr Joseph Grech kiseb PhD mill-Università ta’ Nottingham fl-Ingilterra fil-Muzikologija.

Mil-lat tekniku, is-Soċjetà Filarmonika Santa Marija qed tgawdi mill-professjonalita` tas-surmast Grech, li bl-entużjażmu u esperjenza li ghandu, ikompli jmexxi ‘l quddiem dan il-proġett.

 

L-Assistant Surmast Mro. Franco Cefai

 

 

Sa minn ċkunitu il-Mro. Franco Cefai wera il-passjoni tiegħu għal- mużika u l-pjanu. Infatti minn mindu kellu 3 snin beda jitgħallem u jdoqq il-pjanu flimkien ma nannuh il-Mro. Joseph Mallia li dak iż-żmien kien il-Maestro di Cappella tal-paroċċa taż-Żebbuġ Għawdex. Franco kompla bl-istudji tiegħu ġewwa London College of Music (LCM), Associated Boards of Royal School of Music (ABRSM) u Trinity College London (TCL) ġewwa l-Ingilterra fejn kiseb id-Diploma tat-teorija u l-prattika fuq l-orgni.

Franco minn dejjem wera l-passjoni tiegħu għal mużika, speċjalement għal mużika sagra. Infatti matul is-sena kollha l-Mro Cefai jdoqq l-orgni waqt il-quddies, funerali u okkażjonijiet oħrajn. Fl-2005 daħal mas-Soċjeta’ Filarmonika Santa Banda Marija bħala bandist fejn sal illum il-ġurnata għadu jdoqq il-klarinett. Huwa kompla bl-istudji tal-pjanu taħt is-superviżjoni tal- Mro. Stephen Attard u l-lezzjonijiet tat-teorija taħt il-Mro. Dr. Joseph Grech. Fl-2011 daħal l-Universita ta’ Malta fejn studja l-Mużika.

Iktar tard Franco ġie appuntat Maestro di Cappella tal-parroċċa taż-Żebbuġ – b’hekk huwa suċċessur ta’ nannuh il-Mro Joseph Mallia, fejn dan stess kien is-suċċessur ta’ missieru Mro. Antonio Mallia. Fl-2014 ġie rikonoxxut b’diversi ġieħi tax-xogħol volontarju li wettaq tul ż-żmien ġewwa l-parroċċa fosthom il-ġieħ tal-moviment Kerygma u ż-żagħżuħ tas-sena. Fl-2015 il-Mro. Cefai ġie appuntant Assistent Surmast tas-Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija.

Franco huwa ukoll kompositur tal-mużika. Infatti fl-2016 rebaħ il-premju tal-aqwa komposizzjoni tal-mużika tal-Festival Marjan. Xi uħud mix-xogħol tiegħu hu Missa Assumpta Est Maria, quddiesa kollha bl-orkestra li tiġi ċċelebrata għal Festa taż-Żebbuġ. Apparti minn dan kollu, Franco huwa għalliem tal-mużika ġewwa l-iskejjel tal-istat. Dan l-aħħar snin għamel xi korsijiet ġewwa Royal College of Organists ġewwa Londra taħt is-superviżjoni ta’ Anne Thomas Marsdon u Catherine Ennis.

Fl-2016 ingħata r-responsabilita mis-Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija biex jiranġa u jibdel b’mod digitali l-antifona “Inno Alla Beata Vergine Maria Assunta In Cielo” kompost mill- Mro. W. Attard fl-1950, magħruf ukoll bħala “L-Innu l-Kbir”. F’ Ġunju tal-2019 Franco ġie invitat biex jidderiġi u jdoqq ġewwa l-Katidral ta Arequipa ġewwa il-Peru għal ordinazzjoni tal-isqof il-ġdid Mons. Giovanni Cefai.