Charles Cini (1995 – 1998)

Mr Charles Cini kien l-ewwel President tas-Socjeta’ Filarmonika Santa Marija, qabel imsejħa Banda Santa Marija.  Kienu ż-żminijiet fejn beda t-tfassil u nbnew il-pedamenti tal-Banda Santa Marija, fejn minbarra lit-twaqqif ta’ struttura għat-tagħlim tal-mużika b’xejn [xi ħaġa li għada għaddejja sal-lum]; kien wkoll iż-żmien li fih inxtraw l-ewwel settijiet ta’ strumenti mużikali.  Kien waqt il-Presidenza tas-Sur Cini, li ġie inawgurata il-Banda Santa Marija lura f’Awwissu tas-Sena 1997.  Kif wieħed jista’ jobsor, kull bidu ikun diffiċli; mma grazzi ghad-determinazzjoni u l-għaqal tal-President Charles Cini mgħejjun minn sħabu tal-Kumitat, it-twaqqif tal-banda kien wieħed ta’ suċċess.  Evenwalment, is-Sur Cini [Illum Konsulent fil-Qasam tal-Medicina] ingħata Premju Ġieħ iż-Żebbug lura fis-sena 2017.

Stephen Cini (1998 – 2001) 

Minbarra it-tkomplija tat-tagħlim tal-mużika u l-iżvilupp tal-Banda Santa Marija, fiż-żmien meta s-Sur Stephen Cini kien President, nibtet l-idea u bdew l-ewwel xogħolijiet marbuta mall-bini tal-Każin tal-Banda Santa Marija.  Fil-kariga tiegħu ta’ President, is-Sur Cini xpruna il-proċess biex illum il-Banda tagħna għandha id-dar tagħha, jiġifieri il-Każin. Is-Sur Cini, flimkien ma’ numru ta’ voluntiera, kien wieħed minn dawk li xammar il-kmiem u b’mod eżemplari ħadem bis-sħiħ f’dan il-proġett.  Sadanittant, waqt l-istess żmien, bil-għajnuna tal-kumitat,  il-Banda tagħna kompliet bl-isvilupp tagħha u stablixxiet ruħha tant li bdiet tesegwixxi diversi servizzi fil-festi madwar Għawdex.  Is-Sur Cini, wara li ħalla mill-kariga ta’ President, kien imbghad kompla fil-kariga ta’ Segretarju sa’ Lulju 2011.

George Cefai (2001 – 2015)

Is-Sur Cefai, li kien wkoll Segretarju sa’ mill-ewwel Kumitat, kompla jibni fuq dak ta’ qabel, fejn grazzi ghal-esperjenza u ħidma sa’ mill-bidu tat-twaqqif tal-banda, [mgħejjun minn diversi Kumitati matul is-snin], tlestiet il-fażi tal-bini tal-Każin.  Dan fl-istess waqt li l-attivita’ bandistika baqgħet dejjem tiżviluppa u għaddejja bir-ritmu tagħha. Fl-istess żmien ġiet wkoll imnedija l-ewwel verzjoni tas-sit eletroniku www.bandasantamarija.com kif wkoll bis-Soċjeta tiġi rreġistrata mall-Kummissarju għal-Volontarjat.  Is-Sur Cefai kien wkoll xpruna il-proċess biex dik li kienet il-Banda Santa Marija sviluppat u ħadet l-istat ta’ Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija lura fis-sena 2004, u fejn imbgħad fis-sena 2008 ingħatat il-Premju ‘Ġieħ iż-Żebbug’ mill-Kunsill Lokali. Il-qofol tal-Presidenza tas-Sur Cefai kien imbghad f’Awwissu tas-sena 2013, meta eventwalment, ġie uffiċjalment inawgurat il-Każin tal-Banda Santa Marija.

Anthony Dimech (2015 –    ) Mr Anthony Dimech minn dejjem kellu għal qalbu l-volontarjat fil-lokalita’ tagħna u huwa ġie appuntat bħala r-raba’ President fi ħdan is-Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija fl-2015. Hu nieda l-fażi tat-tagħmir tal-Każin b’opri maħduma bl-akbar reqqa u sagrifiċċju minn professjonisti diversi. Matul dan iż-żmien ġew inawgurati numru mhux żgħir ta’ proġetti fosthom l-Arkivju Mużikali, l-attrezzar tal-Kamra tal-Kumitat, s-sala ewlenija, klassijiet tat-tagħlim, bieb prinċipali u t-taraġ ewlieni tal-każin. Dan kollu fl-isfond tal-fatt li waqt it-tlestija ta’ dawn il-proġetti ġew imħallsa l-kontijiet kollha pendenti marbuta mal-bini tal-Każin. Minbarra dan, is-Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija kisbet l-istat ta’ Personalita’ Ġuridika kif ukoll sar aġġornament estensiv ta’ l-istatut tas-Soċjeta’. Dan kollu fl-istess waqt li l-Banda Santa Marija kompliet issaħħaħ l-impenn mużikali tagħha, ikkumplimentat bix-xiri ta’ strumenti u għodod ġodda relatati mal-mużika. Mr Dimech [illum tabib fil-qasam tal-Kirurġija] dejjem mexa fuq prinċipju ewlieni li saħaq fuqu fl-ewwel diskors tal-ħatra tiegħu: “sabiex naraw il-Banda tagħna tipprogressa b’mod għaqli, trasparenti u b’koperazzjoni sħiħa ma l-għaqdiet l-oħra biex b’hekk nagħtu lura dak kollu li jixraq lil raħalna ad unur ta’ Ommna Santa Marija”.