B’sinċerita’…. grazzi lil kulħadd!
Għeżież Ħbieb u Benefatturi,
Għaddiet il-festa u resqin lejn x-xahar ta’ Settembru, fejn għalina il-membri fi ħdan is-Soċjeta’ jkun wieħed kemmxejn kajman fejn wara l-ħidma intensiva li jkollna marbuta mal-istaġun tal-festi u b’mod partikolari il-festa tagħna, ikun jixraq ftit jiem ta’ mistrieħ kemm għall-bandisti kif wkoll għal numru kbir ta’ voluntiera. Minn naħa l-oħra ir-ritmu u xogħol fuq in-numru ta proġetti li għaddejjin bħalissa xorta baqa għaddej u ser jintensifika fil-jiem li ġejjin. Bħalissa għaddej ħafna xogħol ta’ preparazzjoni marbut kemm mal-proġett VOLstory.org, proġett li jinkludi fih fost l-oħrajn il-bini ta’ sit eletroniku ġdid kif wkoll klassijiet ġodda.
Issa li għaddiet il-festa, l-Kumitat Eżekuttiv ser ikun wkoll qed jagħmel evalwazzjoni nterna ta’ kif marru l-attivitajiet li magħhom marbuta l-banda tagħna. Għalhekk, nappellaw lil dawk li għandhom xi suġġeriment, opinjoni jew anke forsi xi lment, biex ma’ toqogħdux lura u kellmu lil xi membru tal-kumitat. B’hekk biss aħna nkunu nistgħu nkabbru l-festa u anke norganizzaw attivitajiet li jogħġbu likom sostenituri tagħna. Naprezzaw l-opinjoni ta’ kulħadd għax il-leħen tal-poplu huwa mportanti biex nimxu l-quddiem.
Is-Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija tikseb l-istat ta’ PERSONALITA’ ĠURIDIKA
Konvint li kulħadd jaf bil-ħidma wiesgħa matul is-sena kollha tal-banda tagħna kif wkoll bin-numru ta’ proġetti li bħalissa ilkoll għaddejjin minnhom. Iżda dan kollu ma jikkuntentaniex, għax bħala Kumitat Eżekuttiv nemmnu li s-Soċjeta’ tagħna għandha dejjem taġġorna l-istrutturi tagħha skond iż-żmien. L-isfida amministattiva fuq l-għaqdiet qiegħda dejjem tiżdied, anke fid-dawl li bħalissa qed jiġu mplimentati aktar restrizzjonijiet fil-liġi li tirregolarizza l-għaqdiet volontarji. Dan kollu qed isir biex fl-aħħar mill-aħħar tiżdied it-trasparenza u l-kontabilita’ fit-tmexxija tal-istess għaqdiet. Kien għalhekk li b’mod pro-attiv, fl-aħħar xhur, il-kumitat tefa’ l-applikazzjoni biex l-għaqda tagħna tieħu l-istat ta’ Personalità Ġuridika. B’sodisfazzjoni nistqarru li fl-aħħar jiem irċivejna l-konferma li kkwalifikajna u b’mod immedjat is-Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija quddiem il-liġi issa għandha l-istat ta’ Personalità Ġuridika.
Dan huwa pass bla preċedent ġewwa raħalna, fejn Personalità Guridika huwa l-istat mogħti mill-liġi lil organizazzjoni li hija stabbilita għal skop legali ddikjarat bil-miktub fi strument kostitwenti. L-organizazzjoni jkollha patrimonju separat u distint minn dik ta’ kwalunkwe’ persuna oħra u għandha l-poteri ġuridiċi sabiex tilħaq l-iskop tagħha permezz tal-amministrazzjoni tal-korp tat-tmexxija tagħha. Fi kliem sempliċi, s-Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija issa hija aktar protetta u titqies bħala korp independenti quddiem il-liġi, bl-istess Soċjeta jkollha aktar drittijiet u aktar protezzjoni. Min hawn nieħdu l-opportunita’ u nirringrazzja lil membri kollha tal-kumitat Eżekuttiv tax-xogħol u kooperazzjoni biex wasalna s’hawn. Grazzi partikolari tmur lil Dr Marlene Cini li l-għajnuna u l-gwida tagħha f’dan il-qasam kienu kruċjali.
INKOMPLU BIT-TAGĦLIM…IL- BANDA TAGĦNA SKOLA MUŻIKALI.
Infakkru lil dawk l-istudenti li aktar kmieni din is-sena bdew it-teorija tal-mużika li l-lezzjonijiet tagħhom ser jissoktaw mal-Assistent Surmast u għalliem tal-Aljievi Franco Cefai. L-istudenti bl-istrumenti mitluba jkomplu jattendu b’mod regolari wkoll mas-Surmast Joseph Grech. Uħud, matul il-jiem tal-festa urew interess li jixtiequ jibdew jitgħallmu strument. Nistiednu lilkom studenti u ankeˋ kbar li intom interessati tibdew titgħallmu l-mużika biex tagħmlu l-ewwel pass u tavviċinawna.
Proġetti li tlestew…ĦARSITNA FUQ LI JMISS!
Din il-festa kienet waħda ferm partikolari fejn ġew inawgurati diversi proġetti, fosthom il-bieb prinċipali tal-Każin, l-Arkivju Mużikali u l-Kamra tal-Kumitat kif wkoll l-investiment f’ħamsin leġiju ġodda biex jintużaw fil-kunċerti. Ma dan inżidu l-proġett- sorpriża kkummissjonat mis-sezzjoni żgħażagħ, fejn lejliet il-festa ġew inawgurati l-ewwel parti minn sett ta’ faldrappi għal faċċata tal-Każin. Impossibli insemmu lil kulħadd, imma min hawn insellmu u nirringrazzjaw lil dawk kollha li ħaddmu jew li kienu benefatturi ta’ dawn il- proġetti. Dawn huma proġetti li jibqgħu iżda ħarsitna issa ddur lejn il-futur fejn diġa bdejna naħdmu fuq proġetti ġodda hekk kif deskritt fl-introduzzjoni ta’ din l-ittra. Inkomplu naġġornawkom.
Il-BANDA TAGĦNA…b’aktar servizzi matul l-istaġun tal-FESTI:
Għalkemm għaddiet il-festa, ma jfissirx li l-attivita’ bandistika tieqaf għal kollox. Anzi, wara li l-banda tagħna esegwixxiet servizzi fil-festi tal-Għarb, Kerċem, San Ġorġ u żewġ servizzi fil-festa ta’ Santa Marija ġewwa r-Rabat, issa li għaddiet il-festa tagħna jmiss li nesegwixxu tlett servizzi oħra f’temp ta’ ġimgħa. Hawn qed nirreferi għas-servizz fil-Festa tal-Madonna tal-Karmnu ġewwa x-Xlendi nhar s-Sibt 2 ta’ Settembru fit-8:00pm, imbad marċ tad-dimostrazzjoni ġewwa x-Xagħra nhar il-Erbgħa 6 ta’ Settembru fid- 9:30pm; biex imbad ngħalqu din il-maratona ta’ servizzi ġewwa r-raħal tagħna, fejn ser inkunu qed nakkumpanjaw lil-Madonna tal-Għażżiel b’marċi proċessjonali nhar il-Ħadd 10 ta’ Settembru. Min hawn nappellaw lil bandisti tagħna biex jattendu għal dawn is-servizzi u fl-istess ħin nfakkru lilkom sostenituri tagħna biex min irid jista jingħaqad magħna bit-transport ikun offrut mill-pjazza nofs sija.
GRAZZI lilkom…Voluntiera, Benefatturi u Sostenituri!
Hija abitudni taghna li fl-ewwel ittra ta’ wara il-festa, is-Socjeta’ tirringrazzja lil dawk kollha li kienu t’ghajnuna matul l-aħħar xhur, kemm fl-organizzazzjoni ta’ diversi attivitajiet kif wkoll donazzjonijiet. Niskużaw ruħna bil-quddiem jekk bi żvista insejna lil xi ħadd. Naprezzaw jekk tiġbdulna l-attenzjoni. Nibda biex nirringrazzja lil protagonisti ewlenin, jigifieri lill-bandisti kif wkoll lis-Surmast u Asst. Surmast li grazzi għall-impenn kontinwu u dedikazzjoni tagħhom irnexxielna noffru servizzi li jagħmlu ġieħ lil banda tagħna. Grazzi lis-Sezzjoni Nisa tal-għajnuna kollha speċjalment fl-organizzazzjoni ta’ diversi attivitajiet biex b’hekk inkunu nistgħu nkomplu nsostnu t-tagħlim tal-mużika. Nappella lilkom kollha biex tkomplu tipparteċipaw fl-attivitajiet ta’ fund raising li jiġu organizzati. Insellmu wkoll lill-membri kollha fis-Sezzjoni taż-Żgħażagħ tagħna għal ħafna xogħol u sagrifiċċju marbut mat-tisbiħ tal-każin u l-briju fil-festa tagħna. Napprezzaw ħafna l-fatt li dawn iż-żgħażagħ minflok iddevertew biss, ħadmu bla heda flimkien għal siegħat u iljieli twal minn ġewwa l-każin biex ikun kollox preparat. Ma dawn, grazzi tmur wkoll lil…
- Arċipriet tagħna l-Kan. Dun Reuben Micallef u lid-Direttur Spiritwali tagħna Dun Noel Saliba tal- għajnuna kbira li sibna b’mod partikolari fil-jiem tal-festa. Matul il-festa esperjenzajna katina ta’ volontarjat u għalhekk ma jonqosx ringrazzjament speċjali lill-għaqdiet kollha tal-paroċċa fosthom lil Kumitat Għaqda Armar, Kumitat Għaqda Nar, Kumitat Żebbuġ Rovers u l-organizzaturi tat-tiġrijiet taż-żwiemel tal-għajnuna u l-kooperazzjoni li sibna.
- Sindku Nicky Saliba, Vici Sindku Daniel Cordina u Kunsilliera Carmel Saliba, Christian Cassar u Sandra Grech flimkien mas-Segretarja Josianne Cassar tal-għajnuna fid-diversi attivitajiet.
- dawk kollha li għaddewlna xi donazzjonijiet fil-ġranet tal-festa u fix-xhur li għaddew, fosthom donazzjoni ferm ġeneruża ta’ €500. Grazzi mill-qalb ukoll lil persuna li baqgħet toffri €11 kull xahar.
- dawk kollha li għenuna waqt il-ġabra tal-Kunċert Annwali. Is-somma totali kienet ta’ €482. Grazzi wkoll lil Analise u Graziella Ċini, Daniela Camilleri, Marlene Cini, Brianne Vella u Sylvana Saliba tal- għajnuna waqt il-kunċert Assumptafest, lill-compere’ Diane Calleja, lill-korijiet tal-parroċċa Regina Angelorum u Kor Santa Marija li ħadu sehem fl-istess kunċert. Grazzi wkoll lill-Kunsill Lokali, Malta Arts Fund u lil-Ministeru għal Għawdex. Grazzi wkoll lil Paul Saliba għax-xogħol fit-tinqix marbut mar- rikonoxximenti li ingħataw matul l-kunċert.
- Sadanittant, nifirħu lis-sur Lewis Dimech li ġie ppremmjat bl-unur ta’ ‘Gieħ il-Banda 2017’ u lil Jessica Grech li ingħatat l-premju ‘Bandista tas-Sena’ waqt l-istess Kunċert.
- Lil diversi individwi, ditti u ħwienet li għoġobhom jagħtu oġġetti, vouchers u rigali oħrajn biex setghu jintużaw waqt numru t’attivitajiet. Grazzi lil Santa Marija Snack Bar u Francesco’s Pizza, tal-ikel li offrew gratis waqt il-bibita li kellna wara l-kunċert. Grazzi wkoll lil Michael Cini u l-familja tiegħu għal- organizzazzjoni u t-tisjir kollu marbut mal-BBQ li jsir l-għada tal-festa għall-bandisti u l-helpers.
- Aħwa żgħażagħ Godwin u Matthew Ċini flimkien mas-Sinjura Jaqueline Vella għall-parteċipazzjoni tagħhom mingħajr ebda ħlas fl-esekuzzjoni tal-Innu l-Kbir ta’ Santa Marija.
- Randu Żammit tal-għajnuna lis-Sezzjoni taż-Żgħażagħ biex setgħu jsiru l-underground parties. Grazzi ukoll lil Godwin Cefai, Godwin Cini u Michael Joe Cini ta’ servizz ta’ DJ.
- Lil Baskal Mallia tal-muntaġġ tal-Feature li sar mis-Sezzjoni Żgħażagħ. Grazzi lil Rupert Zammit u Nicholas Cassar għar-ritratti u video clips kif wkoll lil Santa Marija Snack Bar li bl-għajnuna diversi sponsors ħadu ħsieb jikkordinaw u totalment kkummissjonaw l-wirja piro-teknika, inkluz it-3D Projectional Mapping fuq il-faċċata tal-każin, liema wirja artistika u oriġinali ġiet organizzata għall- ewwel darba ġewwa r-raħal tagħna. Dan l-ispettaklu kkumplimenta l-inawgurazzjoni tal-faldrappi.
- Dawk kollha li bħal kull sena kontu ġenerużi u tajtu l-kontribuzzjoni tagħkom għall-marċ ta’ filgħodu kif wkoll lil dawk li ħadu ħsieb ħaslu l-kappella tal-każin u attrezzawha għat-translazzjoni lejliet il-festa. Napprezzaw l-fatt li ħafna nies jiddedikaw ħafna ħin għall-banda. Nirringrazzjaw lill-familji tagħhom!
ĦSIEB MID-DIRETTUR SPIRITWALI…messaġġ għal ħajjitna!!
Kont taf li int tista; tbiddel id-dinja ta; madwarek għall-agħar jew għall-aħjar?
Id-differenza qegħda; jekk inti tgerger għaliex il-fjuri jkun fihom ix-xewk; jew tifraħ għaliex mix-xewk joħrog il-ward.
Tislijiet
Marnol Sultana
Segretarj