F’għar issibu tarbija mimduda f’maxtura…
ġenituri tiegħu.
Dan iż-żmien ikun wieħed impenjattiv mhux ħażin u mżewwaq b’diversi appuntamenti li jgħinuna nfakkru waħda mill-akbar ġrajjiet bibliċi. Bħala Soċjeta’, wkoll għandna ppreparat għalikom numru t’attivitajiet biex magħna intom wkoll tidħlu fl-ispirtu ta’ dawn iż-żminijiet solenni. Hawn huma d-dettalji…
Serata tal-Milied 2018 – l-Attivita Ewlenija għall-Famija Kollha…
Is-serata speċjali “Flimkien fil-Milied” imtellgħa mis-Soċ. Filar. Santa Marija din is-sena ser issir nhar is- Sibt 22 ta’ Diċembru 2018 fis-7.30pm. Fuq talba ġenerali, waqt is-serata ser jingħaqad magħna wkoll l- illużżjonista ta’ fama Nazzjonali Brian Role’, fejn ser ikun qed jagħti spettaku ta’ llużjoni u maġija! Minbarra li ser jingħaqad magħna l-Father Christmas, ħsibna wkoll biex nagħtu aktar spazju lit-talent lokali, fejn fosthom ser ikollna il-Youth Band li ser tkun qed tislet diversi siltiet tal-Milied mmexxija mill- Assistent Surmast Franco Cefai. Ser ikollna wkoll farsa minn żgħażagħ Żebbuġin miktuba mill-PRO Diane Calleja. Ma jonqsux il-Priedka tat-Tifla, diversi poeżiji kif wkoll kant mill-kor Regina Angelorum li ser ikompli jdaħħalna aktar fl-ispirtu ferrieħi ta’ dawn il-ġranet.
Naturalment l-ikel ma jonqosx u ser tingħaa tifkira lit-tfal kollha li jattendu. Tinsewx li matul s-serata tittella’ wkoll l-lotterija fis-sett pasturi l-kbar. Din is-sena titilfuhiex u ħeġġu oħrajn jiġu. Ħsibna biex inżommu il- prezz tad-dħul baxx, iġifieri dak ta’ €5.00c. Ser noffru trasport b’xejn lura d-dar u għal min jixtieq trasport għal qabel, huwa mitlub javviċina lil xi membru tal-Kumitat jew Sezzjoni Nisa Din is-sena ser tkun waħda speċjali peress li ser tkun l-okkażżjoni biex wkoll taraw ix-xogħol li bħalissa għaddejjin fuqu, speċifikament dak marbut mal-foyer tas-Sala tal-Każin. Ejjew u ingħaqdu magħna għal din l-attivita’ unika. Biljetti jistgħu jinxtraw jew mill-Bar tal-Każin, Membri Sezzjoni Nisa jew anke mill-bieb dakinhar stess tal-attivita’. Narawkom! U tinsewx, li minbarra tkunu qegħdin tqattgħu ftit ħin ta’ divertiment magħna, fl-istess ħin tkunu qed tgħinu lil Banda u Soċjeta’ tagħna tkompli bil-ħidma tagħha!
Kunċert tal-Milied ‘O Ġesu Bambin’
Nhar il-Ħadd 23 ta’ Diċembru 2018 ingħaqdu magħna għall-purċissjoni u l-kunċert tal-Milied. Dan il- kunċert li issa daħal sew fil-kalendarju tas-Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija ser jittella’ fil-Knisja Parrokkjali. Il-kunċert ser isir wara li l-Banda Santa Marija takkumpanja l-purċissjoni bil-Bambin li titlaq minn MUSEUM fil-5:00p.m. Nieħdu spunt u nirringrazzjaw kemm lil Arċipriet Dun Ġwann Sultana kif wkoll lis-Soċjeta tad-Duttrina tal-Mużew tal-istedina u kooperazzjoni sħiħa biex il-banda tagħna tieħu sehem fil- purċissjoni tal-Milied. Wara l-Kunċert il-banda ser tkompli wkoll tanima bid-daqq waqt il-quddiesa tan- Novena. L-attendenza tagħkom hija l-aqwa appoġġ u apprezzament għall-bandisti.
Lotterija Kbira tal-Milied – b’risq it-tagħlim tal-mużika.
Infakkrukom li għadna kif qassamna pakkett biljetti f’kull dar biex wieħed jkun jista jieħu sehem fil-lotterija f’sett pasturi kbar u artistiċi (valur ta €200) li jinsabu għall-wiri fit-tieqa tal-każin tagħna. Nappellaw biex kull familja tittanta xortiha f’din il-lotterija tal-Milied. Il-Biljetti ser jinġabru fil-jiem li ġejjin minn diversi membri tal-Kumitat u sezzjonijiet. Din is-sena ħsibna biex kabbarna din il-lotterija b’risq it-tagħlim tal- mużika, fejn issa ser ikollna wkoll Father Christmas bħala t-tieni premju kif wkoll flixkun whisky għat-tielet rebbieħ. Lil dawk li ma nsibuhomx f’darhom u jixtiequ jittantaw xortihom huma mitluba tgħaddu dawn il- biljetti lil xi membru tal-Kumitat Eżekkuttiv jew fil-letter box tal-Każin sa nhar is-Sibt 22 ta’ Diċembru 2018.
Żjara lill-Persuni li jgħixu waħedhom
Bħal kull sena fi żmien il-Milied, membri mill-Kumitat Eżekuttiv flimkien mad-Direttur Spiritwali l-Kan. Dun Noel Saliba ser nżuru lil dawk il-persuni kollha li jgħixu waħedhom. Filwaqt li nwasslulhom l-awgurju ta’ dawn il-ġranet qaddisa, nagħtuhom ukoll tifkira żgħira tal-Milied. Dan l-appuntament din is-sena ser isir nhar it-Tnejn 24 ta’ Diċembru bejn it-8.00a.m. u 12:00p.m. mill-Knisja l-isfel u mit-3.30pm 'il quddiem mill-
Knisja l-fuq. Nieħdu gost ħafna niltaqgħu magħkom.
Iż-Żgħażagħ Bandisti tagħna f’attivita tal-Milied!
Nhar it-Tnejn 24 ta’ Diċembru 2018, numru ta’ bandisti żgħażagħ li tgħallmu u li diġa bdew idoqqu mal-banda tagħna ser ikunu wkoll qed jipparteċipaw bħala ‘youth band’ fil-Purċissjoni tal-Milied ġewwa l-Belt Victoria. Dan is-servizz ser jibda fis-7:00p.m. minn quddiem il-MUSEUM tas-subien.
Flat B16 – Kummiedja fi tlett atti
Is-Sezzjoni Żgħażagħ ser tkun qed itella’ Kummiedja fi tlett atti bl-isem ‘Flat B16?!, kitba tal-PRO Diane Calleja. Min ingħaqad magħna fis-snin l-oħra żgur għadu jiftakar is-serati ta’ daħk kontinwu li jafu joffru ż- Żgħażagħ Żebbuġin. Għalhekk din is-sena ngħaqad magħna għal Kummiedja ġdida nhar il-Ġimgħa 28 ta’ Diċembru 2018 [fit-8.00p.m.] u s-Sibt 29 ta’ Diċembru 2018 [fit-8.00p.m.] ġewwa s-sala tal-Każin. Nassigurawk daħka tajba, u tkun qiegħed tagħti sapport liż-żgħażagħ mir-raħal tagħna li ħadu ħsieb kemm il-kitba kif wkoll il-produzzjoni u d-direzzjoni ta’ din il-kummiedja. Sadanittant, l-Uffiċċju għall- informazzjoni u l-kultura fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex b’kollaborazzjoni mas-Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija u Sezzjoni Żgħażagħ ser ikun qed wkoll jistieden lill-anzjani kollha minn Għawdex għal attivita’ speċjali nhar il-Ġimgħa 28 ta’ Dicembru 2018 [fid-9:00a.m.] ġewwa il-Każin tal-Banda Santa Marija, fejn matul l-istess attivita’ ser tkun wkoll qed titella’ din il-kummiedja! Aktar dettalji fil-jiem li ġejjin!
Adorazzjoni quddiem Ġesu’ Sagramentat u Quddiesa għal dawk li ħallewna matul is-Sena
Kif dejjem sostnejna, aspett ieħor ferm importanti għas-Soċjetà Filarmonika Santa Marija hu dak spiritwali fejn bl-għajnuna tad-Direttur Spiritwali Kan. Dun Noel Saliba, nhar it-Tnejn 31 ta’ Diċembru 2018, dritt wara il-quddies ta’ filgħaxija, ser norgannizaw siegħa Adorazzjoni għall-bandisti, benefatturi, helpers u membri kollha fi ħdan is-Soċ. Filar. Santa Marija. Imbagħad nhar il-Ħadd 6 ta’ Jannar 2019 fil-Quddiesa tal-Ħdax, is-Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija ser torganizza Quddiesa għal dawk kollha li ħallewna matul is-Sena 2018. Din il-quddiesa ssir flok li jsiru fjuri waqt il-funerali tal-individwi.
L-Istrina 2019…Ħarsitna ‘il quddiem lejn sena ġdida ta’ ħidma
Bħas-snin li għaddew, nhar l-ewwel jiem ta’ Jannar 2019 ser inkunu niġbru l-istrina. Din is-sena numru sabiħ ta’ bandisti u aljievi ġodda ngħaqdu magħna u dan huwa kollu frott tal-għajnuna li tajtuna intom stess. Il-ftit mingħand kulħadd ifisser għajnuna kbira għalina biex inkomplu nkunu ta’ sapport fl-attivitajiet mużikali, soċjali, edukattivi u kulturali ġewwa r-raħal tagħna. Mingħajr id-donazzjonijiet tagħkom ma nkunux nistgħu noffru servizz lill-paroċċa u lir-raħal tagħna.
Il-Ħadd 6 ta’ Jannar 2019…Ikla għall-Ħbieb!!
Ħidmietna hija marbuta wkoll m’attivitajiet soċjali u ta’ divertiment bħala rikonoxximent għax-xogħol u s- sagrifiċċji li jgħaddu minnhom il-bandisti, membri, voluntiera u benefatturi kollha tagħna. Bħal kull sena ser issir ‘L-ikla tal-Ħbieb’ nhar il-Ħadd 6 ta’ Jannar 2019. Dan il-buffet kbir ser jiġi organizzat ġewwa l- każin tagħna stess bl-għajnuna ta Santa Marija Snack Bar. Għal min jixtieq jingħaqad magħna Il-prezz ser ikun dak ta’ €17.50 għal kbar u ta’ €12.50 għaż-żgħar (soft drink u tazza inbid inklużi). Nitolbukom biex tikkuntatjaw lil xi membru tal-Kumitat jew tibgħatu sms fuq 79273580
Lilkom ilkoll benefatturi, voluntiera, bandisti, membri, soċi u sostenituri tagħna…
Għal din is-sena, din l-ittra ser tkun l-aħħar okkażżjoni fejn nibgħatu ninfurmawkom dwar dak li qed jiġri fi ħdan is-Soċjeta’ u l-banda tagħna. Kienet waħda mill-aktar snin impenjattivi, b’numru ta’ proġetti, servizzi u attivitajiet. Nixtieq nagħlaq b’ringrazzjament ta’ gratitudni u l-isbaħ xewqat lilkom kollha litagħtuna l-appoġġ kontinwu. Inselli b’mod speċjali lil sħabi President u membri tal-Kumitat Eżekuttiv kif ukoll lill-membri kollha tas-Sotto Kumitati tan-Nisa u taż-Żgħażagħ, Kummissjoni Banda, lill-bandisti, Surmast u Assistent Surmast, soċji, membri, voluntiera, emigranti u ħbieb.
Din is-sena ringrazzjament partikolari jmur lil dawk il-voluntiera kollha li taw sehem biex lestejna fil-ħin diversi proġetti ta’ natura kapitali, ilkoll min diversi skemi ta’ fondi. Dawn ilkoll proġetti li kienu ħolma u li llum saru realta’! Grazzi wkoll lill-Arċipriet, Kleru, Kunsill Lokali u l-għaqdiet kollha taż-Żebbuġ tal- kooperazzjoni. Napprezzaw il-fatt li ħafna nies matul din is-sena iddedikaw ħafna ħin għall-banda tagħna. Anke lilkom benefatturi tal-banda tagħna, nirringrazzjawkom tal-fiduċja u s-sapport finanzjarju. Grazzi lkoll familji Żebbuġin!
Nawguraw l-Festi t-Tajba lilkom u lill-familji tagħkom.
Ejjew ħalli flimkien niċċelebraw fi spirtu t’għaqda t-Twelid tas-Salvatur tagħna, ĠESU’ BAMBIN.
Tislijiet,
Marnol Sultana
Segretarju
N.B. Il-parti tad-donazzjonijiet u ringrazzjamenti lil xi benefatturi m’hix ser tidher minħabba nuqqas ta spazju. Din l-informazzjoni
tidher fl-ittra li jmiss.