Ittra Kumitat Eżekuttiv – Diċembru 2020

Ġrajjet il-Fidwa!
l-Iben ta’ Alla sar Bniedem

Wasalna fl-aħħar ġimgħat ta’ sena li kienet partikolari għal kulħadd, sena li nistgħu ngħidu kienet ta’ sfidi kbar, b’mod partikolari mill-aspett soċjali. Sena li għalina kienet ukoll aktar partikolari peress li matula ċċelebrajna kif stajna l-25 anniversarju sa mit-twaqqif ta’ din is-Soċjetà tagħna. Wasalna fi żmien il-Milied, fejn taħt ċirkostanzi normali, dan iż-żmien kien ifisser numru t’attivitajiet li għalihom intom is-sostenituri tagħna dejjem attendejtu bi ħġarkom. Sfortunatament din is-sena ser ikollha tkun waħda differenti, fejn kontra qalbna imma b’rispett lejn saħħitna, numru t’attivitajiet u inizjattivi ser ikollhom jiġu kkanċellati jew mibdul il-mod kif ser isiru. Dawn huma d-dettalji:

 

LOTTERIJA TAL-MILIED – B’RISQ IT-TAGĦLIM TAL-MUŻIKA.

Fl-aħħar jiem qassamna pakkett biljetti f’kull dar biex wieħed jkun jista’ jieħu seħem fil-lotterija tal-Milied. Il- Biljetti ser jinġabru matul dawn il-jiem li ġejjin minn diversi membri tal-kumitat u sezzjonijiet. Lil dawk li ma nsibuħomx f’darhom u jixtiequ jittantaw xortihom huma mitluba jgħaddu dawn il-biljetti lil xi membru tal- Kumitat Eżekkuttiv jew fil-letter box tal-każin sa nhar is-Sibt 26 ta’ Diċembru 2020.

 

TQASSIM TA’ TIFKIRA LIL-PERSUNI LI JGĦIXU WAĦEDHOM

Għalkemm minħabba ċ-ċirkostanzi din is-sena mhux ser ikun possibli nidħlu fir-residenzi biex inwasslu l-awgurju ta’ dawn il-ġranet qaddisa, l-kumitat eżekuttiv flimkien mad-Direttur Spiritwali l-Kan. Dun Noel Saliba xorta qabel li nżommu dan l-appuntament billi b’differenza mis-soltu ser inqassmu/nimpustawlkom tifkira żgħira tal-Milied bejn nhar it-Tlieta 23 ta’ Diċembru bejn it-8.00a.m. u 12:00p.m. u mit-3.30pm 'il quddiem mill-Knisja l-isfel u l-Erbgħa 24 ta’ Diċembru 2020 bejn it-8.00a.m. u 12:00p.m. mill-Knisja l-fuq.

 

CHRISTMASFEST…IMMA B’DIFFERENZA!

Il-fatt li din is-sena mhux possibli nakkumpanjaw l-purċissjoni bil-Bambin u jiġi organizzat s-solitu programm mużikali annwali fl-aħħar jum tan-Novena, xorta ħsiebna biex b’mod ristrett, bi ftit bandisti u skont id-direttivi nanimaw il-quddiesa fl-aħħar jum tan-Novena, dik ta’ filgħaxija ta’ nhar il-Erbgħa 23 ta’ Diċembru 2020. Għal dakinhar ukoll għaddejjin bil-preparamenti biex titella’ l-prietka tat-tifla. Nittamaw li għas-sena d-dieħla
jekk is-sitwazzjoni tirritorna għan-normal, kemm il-purċissjoni kif ukoll il-kunċert jerġgħu jsiru għall-pubbliku inġenerali kif dejjem sar fl-aħħar jum tan-novena.

 

“IL-FESTA TAL-ALJIEVI” – EDIZZJONI SPEĊJALI TAL-MILIED

Il-fatt li din is-sena ma kienx possibli tittella’ s-serata ‘Il-Festa tal-Aljievi’, ġie deċiż li minflok jitħejja programm u jintwera online matul il-jiem tal-festi. Dan qed jitħejja biex nesponu u napprezzaw it-talenti ta’ dawk li bħalissa qed jitgħallmu l-mużika u ankeˋ tal-bandisti żgħażagħ tagħna. Dan huwa wkoll xhieda li għalkemm l-attivita’ bandistika u anke’ l-attivitajiet soċali kollha twaqqfu, t-tagħlim tal-mużika xorta ssokkta
mingħajr waqfien, bl-aljievi tagħna anke’ għamlu progress tajjeb fit-tagħlim tagħhom. Dwar dati u ħinijiet eżatt meta ser ikun qed jintwera dan il-program inħeġġukom iżżommu kuntatt magħna permezz tal-mezzi soċjali [paġna ta’ Facebook].

Sadanittant, fuq nota differenti, nafu kemm ta’ kull sena kontu tkunu qed tistennew il-kummiedja ppreparata mis-Sezzjoni Żgħażagħ. Għaldaqstant, biex inġeddu xi ftit mill-memorji u anke’ nżommu dik id-daħka fuq il- fomm, matul il-jiem tal-festi ser ikunu qed jintwerew siltiet mill-edizzjonijiet preċedenti. Dwar dan segwu l-paġna ta’ Facebook.

 

ADORAZZJONI U QUDDIESA GĦAL DAWK LI ĦALLEWNA MATUL IS-SENA

Aspett importanti hu dak spiritwali fejn bl-għajnuna tad-Direttur Spiritwali u l-Arċipriet tagħna, nhar il-Erbgħa 30 ta’ Diċembru 2020, dritt wara il-quddiesa ta’ filgħaxija ser norgannizaw siegħa adorazzjoni għall- bandisti, benefatturi, helpers u membri kollha fi ħdan is-Soċ. Filar. Santa Marija. Imbagħad nhar il-Ħadd 3 ta’ Jannar 2021 fil-Quddiesa tal-10:30a.m., is-Soċ. Filar. Santa Marija ser torganizza quddiesa għal dawk kollħa li ħallewna matul is-Sena 2020. Din il-quddiesa ssir minflok li jsiru fjuri waqt il-funerali tal-individwi.

 

L-ISTRINA 2021…ĦARSITNA ‘L QUDDIEM LEJN SENA ĠDIDA TA’ ĦIDMA

Bħas-snin li għaddew, nhar l-ewwel jiem ta’ Jannar 2021 ser inkunu niġbru l-istrina. Il-ftit mingħand kulħadd ifisser għajnuna kbira għalina biex inkomplu nkunu ta’ sapport fl-attivitajiet mużikali, soċjali, edukattivi u kulturali ġewwa r-raħal tagħna. Mingħajr id-donazzjonijiet tagħkom ma nkunux nistgħu noffru servizz lill- paroċċa u lir-raħal tagħna

 

‘MUSIC IS FUN’ – SEJĦA GĦAL DAWK LI JIXTIEQU JIBDEW JITGĦALLMU L-MUŻIKA

Nażaw lil dawk il-ġenituri li għandhom lil uliedhom ta’ eta’ minn 7 snin il’fuq li fil-ġimgħat li ġejjin ser jibda kors/lezzjonijiet għal dawk li jixtiequ jibdew jitgħallmu l-mużika. It-tagħlim bħalissa qed isir online u fuq curriculum mħejji mill-asst. surmast Franco Cefai, it-tagħlim ser jingħata taħt format aktar divertenti u informali għat-tfal. Dawk interessati tirreġistraw lil uliedkom mitluba tavviċinaw lil xi membru tal-Kumitat Eżekuttiv jew lil Franco Cefai fuq 79306538. Infakkru li dan it-tagħlim tal-mużika eventwalment jiġi rifless u dokumentat bħala suġġett [Informal Education] fl-school leaving certificate. It-tagħlim ser jingħata kollu b’xejn. Nemmnu ħafna fil- potenzjal tat-tfal…din hija opportunita’ għal uliedkom. Emmnu fihom u ħeġġuhom jidħlu f’din l-avventura!

 

ĠIEĦ IL-BANDA 2020

Is-Soċ. Filar. Santa Marija ilha mis-sena 2003 tippremja lil dik il-persuna li matul is-snin kien jew kienet ta’ eżempju u t’għajnuna lis-Soċjetà tagħna, fosthom benefatturi, mużiċisti u voluntiera. Fid-dawl taċ-ċirkostanzi, il-Kumitat Eżekuttiv iddeċieda li din is-sena, dan il-premju jingħata biex jirrikonoxxi lil frontliners kollha ta’ raħalna, b’mod partikolari dawk membri fi ħdan is-Soċjeta tagħna, li b’tant dedikazzjoni u b’riskju għal saħħithom matul dawn ix-xhur wettqu xogħol siewi matul il-pandemija tal-COVID-19. Nemmnu li anke bħala Soċjeta` kien jixraq li nieħdu din l-eċċezzjoni u nirrikonoxxu lil dawn il-persuni li f’dan iż-żmien partikolari kienu hemm biex jipproteġuna. Ninfurmawkom li dawk li kienu oriġinarjament innominanti għal dan il-premju u rikonoxximenti oħra, issa ser ikun qed jiġu ppremjati matul is-sena 2021, ladarba iċ-ċirkostanzi jkunu jippermettu.

 

REBĦ TA’ PREMJU PRESTIĠJUŻ

Ma’ stajniex għalaqna s-sena li fiha ċċelebrajna l-25 sena anniversarju b’aħbar isbaħ minn dik li waslitilna nhar il-Ħamis 10 ta’ Diċembru 2020, hekk kif l-koppla artistika li kienet inawgurata f‘Awwissu li għadda kklassifikat rebbieħa [l-ewwel post] fil-kompetizzjoni Nazzjonali ‘Ġieħ l-Artiġjanat Malti’. Minbarra l-unur li ksibna u r-rebħ ta €5,000, dan il-premju jiċċertifika x-xogħol li sar fuq dan il-proġett kif ukoll isaħħaħ il-linja tal-kumitat, dik li nwettqu proġetti ta’ kwalita. Irċivejna reazzjonijiet ferm pożittivi, b’dan il-proġett issa wkoll sab postu fuq il mappa kulturali ta’ pajjiżna u qed ikun meqjus bħala attrezzjoni unika. F’dan is-sens, ninfurmawkom ukoll li matul l-aħħar ġimgħat il-kumitat ħa ħsieb li jirreġistra d-disinn kollha ta’ din l-opra mad-Dipartiment tal-Kummerċ biex b’hekk inkunu qed nipproteġu li terzi milli jagħmlu użu ta’ xi dettalji minn dan il-proġett.

Grazzi mill-ġdid lil dawk kollha li ħadmu fuq dan il-proġett, b’mod partikolari lil grupp ta’ artiġjana ffurmat minn Leli Cini [disinjatur u superviżur tal-proġett], Joe Bartolo [xogħol ta’ stained glass] u l-bennej Anthony Żammit. Bil-għajnuna ta’ kulħadd u bl-impenn kollettiv assigurajna lix-xogħol kollu li sar fuq medda ta’ snin jsir b’mod professionali, f’sintonija sħiħa u skont is-sengħa. Ħidmietna mhux ser tieqaf hawn. Issa ħarsitna tkompli fuq il- proġetti li għaddejjin minnhom u oħrajn ġodda li bihom ngħarfukom aktar ‘il quddiem.

 

GRAZZI Lilkom benefatturi, voluntiera, bandisti, membri, soċi u sostenituri tagħna…

Għal din is-sena, din l-ittra ser tkun l-aħħar okkażżjoni fejn nibgħatu ninfurmawkom dwar dak li qed jiġri fi ħdan is-Soċjetà u l-banda tagħna. Għalkemm fil-bidu tal-mixija tal-COVID-19 sinċerament ħsibna lis-sitwazzjoni kienet ser twaqqafna minn ħidmietna, nistqarru li fl-isfond ta’ dawn l-isfidi kollha xorta għexna sena mill-aktar impenjattiva, b’numru ta’ proġetti ġewwa l-każin li tlestew u oħrajn li tnedew. Dan iż-żmien tagħna wkoll iċ-ċans li ffukkajna aktar fuq l-aspett amministrattiv kif ukoll saret riċerka dettaljata biex aktar kmieni din is-sena inġabret fil-qosor il-25 sena ta’ storja ta’ din is-Soċjetà fil-format ta’ dokumentarju awdjo-viżiv.

Din is-sena nistgħu ngħidu wkoll li grazzi għal-bandisti tagħna tlajna tarġa oħra mill-aspett mużikali, u dan grazzi għall-akbar proġett bandistku fl-istorja tagħna permezz tal-produzzjoni POP&PANS. Dwar dan ninfurmawkom li tlestew l-arranġamenti meħtieġa biex fil-ġimgħat li ġejjin din il-produzzjoni ser ssib ruħha fuq is-sett tat-televixin tagħkom. Ser ngħarrfukom ladarba ikollna d-dati u l-ħinijiet meta ser tintwera din il- produzzjoni esklussiva fuq it-televixin. Nitolbukom ssegwu l-bullettin u l-mezzi soċjali tagħna biex taġġornaw ruħkom u ma’ titilfuhiex!

Nixtieq nagħlaq b’ringrazzjament ta’ gratitudni u l-isbaħ xewqat lilkom kollha li tagħtuna l-appoġġ kontinwu. Inselli b’mod speċjali lil sħabi President u membri tal-Kumitat Eżekuttiv kif ukoll lill-membri kollha tas-Sotto Kumitati tan-Nisa u taż-Żgħażagħ, Kummissjoni Banda, lill-bandisti, Surmast u Assistent Surmast, soċi, membri, voluntiera, emigranti u ħbieb. Grazzi wkoll lill-Arċipriet, Kleru, Kunsill Lokali u l-għaqdiet tal- kooperazzjoni. Napprezzaw il-fatt li ħafna nies matul din is-sena ddedikaw ħafna ħin għall-banda tagħna. Anke lilkom benefatturi tal-banda tagħna, nirringrazzjawkom tal-fiduċja u s-sapport finanzjarju. Grazzi lkoll familji Żebbuġin!

 

ĦSIEB MID-DIRETTUR SPIRITWALI

Il-Papa Franġisku għadu kemm nieda s-sena 2021 bħala s-Sena Ġużeppina. Matul in-Novena tal-Milied nippruvaw nirriflettu fuq il-mod kif San Ġużepp spiss kien jitlob, jirrifletti, jistaqsi lil Alla xi jrid minnu, obda dak li kienet titlob minnu l-liġi, u ħejja lil qalbu, l-maxtura u lill-familja sabiex jilqa' lil Ġesu' tarbija. Nimitaw lil San Gużepp bħala l-bniedem tas-Skiet, il-bniedem Bieżel, u l-bniedem Attent għas-Sejħat ta' Alla.

Nawguraw l-Festi t-Tajba lilkom u lill-familji tagħkom. Ejjew ħalli flimkien niċċelebraw fi spirtu t’għaqda t-Twelid tas-Salvatur tagħna, ĠESU’ BAMBIN.

 

Tislijiet,
Marnol Sultana

N.B. Il-parti tad-donazzjonijiet u ringrazzjamenti lil xi benefatturi m’hix ser tidher minħabba nuqqas ta spazju. Din l-informazzjoni
tidher fl-ittra li jmiss.
Segretarju