Ittra Kumitat Eżekuttiv – Dicembru 2022

Ejja Mulej Ġesu’…d-dinja qed tistennik!

Kristu il-Mulej huwa l-Kelma t’Alla li bis-saħħa tiegħu kollox ġie magħmul.  Din il-kelma saret ġisem sabiex ġejna mifdijin u huwa għammar fostna! Dan hu kliem il-qaddis Santu Wistin dwar it-tifsira tal-Milied, żmien li bħala nsara, l-jiem li ġejjin huma wkoll speċjali għaliex ser inkunu qed nippreparaw għall-jum li fih twieled il-verb divin, Ġesu’ Bambin, ġo għar tal-annimali, f’maxtura, fil-faqar, ‘il bogħod minn raħal il-ġenituri tiegħu. Għalina l-insara, dan iż-żmien ikun wieħed impenjattiv u mżewwaq b’diversi appuntamenti li jgħinuna nfakkru waħda mill-akbar ġrajjiet bibliċi.  Bħala Soċjeta’, wkoll għandna ppreparat għalikom numru t’attivitajiet biex magħna intom wkoll tidħlu fl-ispirtu ta’ dawn iż-żminijiet solenni.  Hawn huma d-dettalji…

IS-SERATA TAL-MILIED 2022 – L-ATTIVITA EWLENIJA GĦALL-FAMIJA KOLLHA…

Wara nuqqas ta’ sentejn, is-serata speċjali “Flimkien fil-Milied” ser tirritorna mill-ġdid nhar is-SIBT 17 ta’ Diċembru 20122 fis-7.00pm. Għal din is-serata ta’ varjeta’ ser jingħaqad magħna l-illużżjonista ta’ fama nazzjonali Brian Role’, fejn ser ikun qed jagħti spettaku ta’ llużjoni, maġija u balloon modelling

Bħal dejjem, ma’ jistax jonqos il-Father Christmas, il-Priedka tat-Tifla, diversi poeżiji kif wkoll kant mill-kor Regina Angelorum li ser ikompli jdaħħalna aktar fl-ispirtu ferrieħi ta’ dawn il-ġranet. Fuq talba ġenerali, ser ssir is-solitu kummiedja qasira minn żgħażagħ Żebbuġin miktuba minn Diane Mizzi u bil-għajnuna ta’ Mro. Franco Cefai, diversi bandisti ser ikunu qed jingħaqdu u jdoqqu siltiet marbuta ma’ dawn iż-żminijiet.  Kif qed taraw…din hija attivita’ ntiża għall-gosti ta’ kulħadd! Naturalment l-ikel ma jonqosx u ser tingħata tifkira lit-tfal kollha li jattendu. Tinsewx li matul s-serata tittella’ wkoll l-lotterija tal-Milied flimkien ma’ diversi premijiet oħra.

Din is-sena titilfuhiex u ħeġġu oħrajn jiġu. Ħsibna biex inżommu l-prezz tad-dħul baxx, jiġifieri dak ta’ €7.50 għall-kbar u €5.00 għaż-żgħar u/jew parteċipanti.  Ser noffru trasport b’xejn lura d-dar u għal min jixtieq trasport għal qabel, huwa mitlub javviċina lil xi membru tal-kumitat jew sezzjoni nisa.  Biljetti jistgħu jinxtraw jew mill-bar tal-każin, membri sezzjoni nisa jew anke mill-bieb dakinhar stess tal-attivita’.  Narawkom u minbarra tkunu qegħdin tqattgħu ftit ħin ta’ divertiment magħna, fl-istess ħin tkunu qed tgħinu lil banda tagħna tkompli bil-ħidma tagħha!

LOTTERIJA TAL-MILIED BRISQ IT-TAGĦLIM TAL-MUŻIKA.   

Infakkrukom li qed jitqassam pakkett biljetti f’kull dar biex wieħed jkun jista jieħu seħem fil-lotterija f’Bambin tal-Milied (b’valur ta’ €125) li jinsab għall-wiri fit-tieqa tal-każin tagħna.  Nappellaw biex kull familja tittanta xortiha f’din il-lotterija. Il-Biljetti ser jinġabru fil-jiem li ġejjin minn diversi membri tal-Kumitat u sezzjonijiet. Din is-sena ħsibna biex erġajna kabbarna din il-lotterija b’risq it-tagħlim tal-mużika, fejn ser ikollna wkoll Father Christmas bħala t-tieni premju (b’valur ta’ €50) kif wkoll flixkun whisky għat-tielet rebbieħ. Lil dawk li ma nsibuhomx f’darhom u jixtiequ jittantaw xortihom huma mitluba tgħaddu dawn il-biljetti lil xi membru tal-kumitat eżekkuttiv jew fil-letter box tal-każin sa nhar is-Sibt 17 ta’ Diċembru 2022.

BURGER NIGHT MIS-SEZZJONI ŻGĦAŻAGĦ…

Navżaw li nhar is-Sibt 10 Ta’ Diċembru 2022 fis-7:00p.m., is-Sezzjoni Żgħażagħ ser torganizza Burger Night ġewwa s-sala tal-każin b’risq il-festa.  Matul l-istess attivita’ ser tkun wkoll qed tintwera fuq Big Screen il-partita mit-Tazza tad-Dinja Ingilterra vs Franza.   Inħeġġukom biex tattendu. Sadanittant, nirringrazzjaw lil din is-sezzjoni li matul dawn il-jiem tieħu ħsieb iżżejjen il-faċċata tal-każin. 

CHRISTMASFEST…STORJA TA’ KANT U MUŻIKA!

Għal sena oħra, nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Diċembru 2022 fis-5:45p.m. ser jiġi organizzat il-programm mużikali O Ġesu’ Bambin bis-sehem tal-Banda tagħna mmexxi min Mro. Dr. Joseph Grech.  Din is-sena ser ikun wieħed kemmxejn differenti hekk kif ser tingħaqad magħna wkoll il-kantanta Sarah Bonniċi.

Infakkru lil-programm mużikali ‘O Ġesu’ Bambin’ ser isir wara lil-Banda Santa Marija takkumpanja l-purċissjoni bil-Bambin li titlaq minn M.U.S.E.U.M fil-5:00p.m. Wara l-Programm Mużikali, l-banda ser tkompli wkoll tanima bid-daqq waqt il-quddiesa tan-novena flimkien mall-korijiet Santa Marija u Regina Angelorum. Dan il-programm ser ikun qed jitella’ bil-għajnuna tad-Direttorat għal Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex bħala parti mill-programm Christmas in Gozo u bil-għajnuna tal-Kunsill Lokali.  Kif qed insemmu lill-Kunsill Lokali, hawn nieħdu spunt u nistednukom wkoll tingħaqdu mall-għaqdiet kollha għall-Christmas Market li ser ikun organizzat ġewwa l-pjazza nhar il-Ħadd 18 ta’ Diċembru 2022.

ŻJARA LILL-PERSUNI LI JGĦIXU WAĦEDHOM

Bħal kull sena fi żmien il-Milied, membri mill-Kumitat Eżekuttiv flimkien mad-Direttur Spiritwali l-Kan. Dun Noel Saliba ser inżuru lil dawk il-persuni kollha li jgħixu waħedhom. Filwaqt li nwasslulhom l-awgurju ta’ dawn il-ġranet qaddisa, nagħtuhom ukoll tifkira żgħira tal-Milied. Dan l-appuntament din is-sena ser isir nhar is-Sibt 24 ta’ Diċembru bejn it-8.00a.m. u 12:00p.m. mill-Knisja l-isfel u mit-3.30pm ‘il quddiem mill-Knisja l-fuq. Nieħdu gost ħafna niltaqgħu magħkom. 

QUDDIESA GĦAL DAWK LI ĦALLEWNA MATUL IS-SENA

Kif dejjem sostnejna, aspett ieħor ferm importanti għas-Soċjetà Filarmonika Santa Marija ħu dak spiritwali fejn bl-għajnuna tad-Direttur Spiritwali Kan. Dun Noel Saliba, minbarra s-siegħa Adorazzjoni għall-bandisti, benefatturi, helpers u membri kollha fi ħdan is-Soċ.  Filar. Santa Marija li dwara ser ngħarfukom aktar ‘il quddiem, sadanittant, nhar il-Ħadd 8 ta’ Jannar 2023 fil-Quddiesa tal-għaxra u nofs, is-Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija ser torganizza Quddiesa għal dawk kollha li ħallewna matul is-Sena 2022. Din il-quddiesa ssir flok li jsiru fjuri waqt il-funerali tal-individwi.   

L-ISTRINA 2023…ĦARSITNA ‘IL QUDDIEM LEJN SENA ĠDIDA TA’ ĦIDMA

Bħas-snin li għaddew, lejn nofs Jannar 2023 ser inkunu niġbru l-istrina tal-banda.  Il-ftit mingħand kulħadd ifisser għajnuna kbira għalina biex inkomplu nkunu ta’ sapport fl-attivitajiet mużikali, soċjali, edukattivi u kulturali ġewwa r-raħal tagħna.  Mingħajr id-donazzjonijiet tagħkom ma nkunux nistgħu noffru servizz lill-paroċċa u lir-raħal tagħna.

IL-ĦADD 8 TA’ JANNAR 2023…IKLA GĦALL-ĦBIEB!!

Ħidmietna hija marbuta wkoll m’attivitajiet soċjali u ta’ divertiment bħala rikonoxximent għax-xogħol u s-sagrifiċċji li jgħaddu minnħom il-bandisti, membri, voluntiera u benefatturi kollħa tagħna.  Bħal kull sena ser issir ‘L-ikla tal-Ħbieb’ nhar il-Ħadd 8 ta’ Jannar 2023.  Aktar dettalji ser jitħabbru fil-jiem li ġejjin!

SWEET TOOTH FESTIVAL…SUĊĊESS U OPPORTUNITAJIET ĠODDA

Nibdew biex nirringrazzaw lil dawk kollha voluntiera li kienu t’għajnuna kbira fl-organizzazjoni tal-festival Sweet Tooth 2022.  Nistqarru lis-suċċess kbir li erġajna esperjenzajna huwa dovut lil numru kbir ta’ voluntiera li qattew ġimgħat u sigħat twal biex ttella’ dan il-festival li għal darb’oħra gibed lejh eluf ta’ tfal u nies ta’ kull eta’. Nistqarru li kellna rispons ferm tajjeb, fejn minbarra l-konferma biex jerġa jsir dan il-festival is-sena d-dieħla,  bħalissa għaddejjin wkoll b’taħditiet fejn is-Soċjeta’ tagħna ġiet mitluba torganizza attivitajiet simili fuq skala reġjonali.  Dwar dan naġġornawkom fix-xhur li ġejjin.  Sadanittant ninfurmawkom li bħalissa qed jingħalqu il-kontijiet u rapporti biex imbgħad kemm fil-laqgħa ġenerali li jmiss kif wkoll fir-rendikont li jiġi ppubblikat ta’ kull sena ninfurmawkom bid-dħul li jkun fadal minn dan il-festival. 

MATUL IS-SENA 2022:  20 SERVIZZ BANDISTIKU. GRAZZI LIL BANDISTI KOLLHA!

Wara s-servizz li kellna nhar il-Ħadd 4 ta’ Diċembru marbut mall-festa ta’ Santa Luċija (grazzi lil Knisja ta’ Santa Luċija u lir-Rettur Dun Noel Saliba tal-istedina) u tgħodd il-programm tal-Milied, matul din is-sena, l-banda tagħna ser tkun esegwixxiet b’kollox għoxrin servizz bandistiku. Sinċerament ma konniex qed nobsru li wara sentejn pandemija ser nerġgħu naqbdu dan ir-ritmu hekk qawwi f’qasir żmien.  Għalhekk inkunu qed nonqsu jekk ma’ nirringrazzjawx lil bandisti tagħna li matul dawn ix-xhur taw is-sehem tagħhom.  Forsi lkoll konxji li huma diversi l-baned oħrajn li fl-aħħar xhur sfortunatament kienu kostretti inaqqsu s-servizzi jew jirrifjutaw stediniet.  Il-fatt li bħala banda qegħdin inkunu sostennibli huwa kollhu dovut lilkom bandisti tagħna li tamluwha possibli inkomplu b’dan ir-ritmu mużikali!

LILKOM BENEFATTURI, VOLUNTIERA, BANDISTI, MEMBRI, SOĊI U  SOSTENITURI…

Għal din is-sena, din l-ittra ser tkun l-aħħar okkażżjoni fejn nibgħatu ninfurmawkom dwar dak li qed jiġri fi ħdan is-Soċjeta’ u l-banda tagħna.   Kienet waħda mill-aktar snin impenjattivi, b’numru ta’ proġetti, servizzi u attivitajiet.  Nixtieq nagħlaq b’ringrazzjament ta’ gratitudni u l-isbaħ xewqat lilkom kollha li tagħtuna l-appoġġ kontinwu.  Inselli b’mod speċjali lil sħabi President u membri tal-Kumitat Eżekuttiv kif ukoll lill-membri kollha tas-Sotto Kumitati tan-Nisa u taż-Żgħażagħ, Kummissjoni Banda, lill-bandisti, Surmast u Assistent Surmast, soċji, membri, voluntiera, emigranti u ħbieb.

Ringrazzjament partikolari jmur lil dawk il-voluntiera kollha li taw sehem biex lestejna fil-ħin diversi proġetti ta’ natura kapitali, ilkoll min diversi skemi ta’ fondi.  Ninfurmawkom li matul dawn il-jiem bdew deħlin xi riżultati ta’ skemi li applikajna għalihom fl-aħħar xhur, liema riżultati huma mill-aktar pożittivi u jawguraw għal sena oħra ta’ ħidma, inizjattivi u proġetti ġodda!  Grazzi wkoll lill-Arċipriet, Kleru, Kunsill Lokali u l-għaqdiet tal-kooperazzjoni.  Napprezzaw il-fatt li ħafna nies matul din is-sena ddedikaw ħafna ħin għall-banda tagħna.  Anke lilkom benefatturi tal-banda tagħna, nirringrazzjawkom tal-fiduċja u s-sapport finanzjarju.  Grazzi lkoll familji Żebbuġin! 

Nawguraw l-Festi t-Tajba lilkom u lillfamilji tagħkom.

Ejjew ħalli flimkien niċċelebraw fi spirtu t’għaqda t-Twelid tas-Salvatur tagħna, ĠESU’ BAMBIN.

Tislijiet,

Marnol Sultana

Segretarju

N.B. Il-parti tad-donazzjonijiet u ringrazzjamenti lil xi benefatturi m’ħix ser tidħer minħabba nuqqas ta spazju. Din l-informazzjoni tidħer fl-ittra li jmiss.