Ittra Kumitat Eżekuttiv – Frar 2023

Naġġornawkom u Nippjanaw fuq li jmiss…

F’din l-ewwel ittra għas-sena 2023, qed niġu għandkom biex bħal kif dejjem għamilna nkomplu naġġornawkom b’dak li hu għaddej bħalissa fi ħdan is-Soċjeta’ Filar. Santa Marija. Bħal kull sena, s-Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija tidħol fi żmien ta’ tranżizzjoni, għaliex f’dawk li jidhru bħala sempliċi rutina demokratika fil-ħajja annwali tas-Soċjetà, dawn jagħtu rinovament lill-mekkaniżmi li bihom hija taħdem u tħaddem il-proġetti tagħha matul is-sena.  Għaldaqstant dawn huma d-dettalji:

LAQGĦA ĠENERALI 2023…NHAR IL-ĠIMGĦA 3 TA’ MARZU 2023

Is-Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija hija obbligata li kull sena ssejjaħ laqgħa ġenerali fejn it-tesserati membri kollha jkunu mistiedna jattendu u jipparteċipaw. L-iskop ewlieni ta’ din il-laqgħa jkun li jingħataw rendikonti dettaljati amministrattivi u finanzjarji dwar dak li jkun seħħ fix-xhur ta’ qabel u dawn jiġu wkoll approvati minn awdituri indipendenti. Issir ukoll l-elezzjoni għall-membri fit-tmexxija eżekuttiva, jitressqu emendi għall-istatut u jiġu diskussi punti relatati mal-pjanijiet li s-Soċjeta’ tkun qiegħda tfassal. Minbarra preżentazzjoni viżiva dwar id-dħul u l-infieq fl-aħħar tnax-il xahar, ser jingħataw ukoll dettalji ta’ kemm sa issa ġew akkwistati fondi ġodda u li ser jissarfu fit-tnedija ta’ proġetti u inizjattivi (u xi sorpriżi) ġodda għas-sena 2023. Din hija wkoll l-okkażżjoni fejn wieħed ikun jista’ jwassal xi suġġerimenti jew jagħmel xi intervent/ilment waqt din il-laqgħa.

NOMINAZZJONIJIET GĦAL-MEMBRI ĠODDA FI ĦDAN IL-KUMITAT EŻEKUTTIV

Bejn il-Ġimgħa 10 ta’ Frar u l-Ġimgħa 24 ta’ Frar 2023 ser jintlaqgħu nominazzjonijiet għall-membri fit-tmexxija eżekuttiva.  Nominazzjonijiet għall-membri fit-tmexxija eżekuttiva u/jew emendi għar-regolamenti għandhom jintbagħtu lis-Segretarju bil-miktub billi jintefgħu fil-kaxxa tal-ittri tagħna jew jintbgħatu permezz ta’ email: soc.filar.santa.marija@gmail.com. Importanti ħafna li dawn ikunu ssekondati minn żewġ membri tesserati.  Nappellaw lil dawk interessati biex jitfgħu n-nominazzjoni tagħhom u b’hekk inkunu nistgħu nkomplu bit-tiġdid u nassiguraw kumitat eżekuttiv effettiv.

…U ARA LI TKUN TESSERAT U MEMBRU MSIEĦEB MAS-SOĊJETA’ TAGĦNA.

Sadanittant, kull min jixtieq iġedded it-tessera tiegħu [għas-sena 2023] jkun jista’ jagħmel dan bla diffikultaˋ billi jkellem lil xi membru mill-Kumitat Eżekuttiv u Sotto Kumitati [jew jimla id-dettalji tal-formola isfel ta’ din l-ittra u jimpustaħa fil-letterbox tal-każin] bit-tessera rċevuta/titwassal fil-jiem sussegwenti dirett ġewwa djarkom.  Kull tessera tiswa biss €2.50.  Żammejna l-miżata baxxa kemm jista’ jkun biex bħas-snin li għaddew kulħadd ikollu l-opportunitaˋ jkun parti mill-familja tagħna.  Tistgħu wkoll tikkuntattjawna fuq 99228373 jew 79273580. 

COFFEE MORNING TAL-KARNIVAL – KOMPETIZZJONI TAL-ISBAĦ KOSTUM

Nixtiequ navżaw li l-Coffee Morning tal-Karnival ser isir nhar it-Tlieta 21 ta’ Frar fid-9:00a.m. ġewwa is-Sala tal-Każin.  Nħeġġukom tattendu fejn minbarra il-logħob tat-tombla, bћal kull sena ser ikollna wkoll il-Kompetizzjoni tal-isbaћ kostum, b’ġurija professjonali magħmula minn persuni minbarra r-raћal tagћna.  Għalhekk, din hija ukoll stedina speċjali lit-tfal u ġenituri biex jipparteċipaw.  Narawkom!

IL-BANDA TAGĦNA…SERVIZZ TA’ SAN PAWL ĠEWWA MARSALFORN

Navżaw li fuq stedina tal-Kunsill Lokali, nhar il-Ħadd 12 ta’ Frar 2023 il-banda tagħna ser tkun qed tesegwixxi l-ewwel servizz tagħha għal din is-sena fil-festa ta’ San Pawl ġewwa Marsalforn. Min ikun jixtieq jingħaqad magħna, ser ikun hemm transport li jitlaq mill-pjazza fit-3:00p.m.

KUNTRATT ĠDID GĦAT-TMEXXIJA/OPERAT TAL-BOTTEGGIN TAL-KAŻIN

Matul l-aħħar ġimgħat ingħalaq il-proċess marbut mall-kuntratt il-ġdid tal-operat tal-bottegin/restaurant tal-każin.  Dan kien proċess rigoruż u miftuħ għal kulħadd, fejn ma’ tpoġġiet ebda restrizzjoni biex b’hekk kulħadd seta jitfa’ l-offerta/i.  Is-sejħa fetħet nhar is-6 ta’ Lulju 2022 u ingħalqet nhar il-25 ta’ Lulju 2022, bil-kumitat jircievi offerta waħda mingħand is-Sur Nicholas Cini.  Matul iż-żmien ta’ sottomissjoni, ma intgħalbet u lanqas ingħatat ebda klarifika minn u/jew lil dawk li ġabru d-dokument tas-sejħa.  Grazzi lil dawk kollha li matul dan il-proċess urew interess. Ta’ min ninnutaw lis-sejħa għall-interess kienet ippublikata kemm fuq il-paġna tal-facebook (nhar il-11 ta’ Lulju 2022) kif wkoll fl-ittra li tqassmet lil kull dar (fis-6 ta’ Lulju 2022).  Informazzjoni preliminarja kienet wkoll ingħatat fil-Laqgħa Ġenerali tas-sena 2022 (7 ta’ Mejju 2022).  Wara evalwazzjoni tal-offerti (bil-għajnuna ta’ professjonisti), ninfurmawkom li ġiet aċċettata l-unika offerta tas-Sur Nicholas Cini, b’kera ta’ €6,000 fis-sena (dik preċedenti kienet ta’ €4,000 fis-sena), li tirifletti żieda fil-kera ta’ 50%.  Din l-kera teskludi l-ħlasijiet kollha marbuta mal-konsum tad-dawl u Ilma tal-każin kollhu, kontijiet tas-servizzi (telephone, internet, TV), liċenzji ta’ MTA, manutenzjoni t’apparat  tal-kċina (inkluż l-apparat propjeta tas-soċjeta’ u l-lift) u spejjeż oħra relatati, liema spejjeż jitħallsu dejjem mill-operatur tal-botteggin/restaurant

Għaldaqstant, nifirħu lis-sur Cini, lil managers/management u l-ħaddiema kollha r-risq.  Il-kuntratt huwa effettiv sat-28 ta’ Frar tas-sena 2026.  Bħal kif dejjem sar matul is-snin, il-kumitat ser ikun dejjem viġilanti fuq l-operat tal-botteggin biex b’hekk jiġi assigurat li l-post jinżamm skond l-istandards stabiliti.  Grazzi partikolari tmur lil periti John Attard u Claude Mallia kif wkoll lin-nutar George Pisani li assistew fil-proċess.  Apprezzajna ferm li kienu wħud li saqsew u segwew…dan huwa dritt ta’ kulħadd.  Infatti, min ikun jixtieq aktar informazzjoni minn dak li qed nippublikaw, jista jkellem lil xi membru tal-kumitat. Nenfasizzaw li wieħed isaqsi jew jitlob l-informazzjoni huwa dritt u ħadd m’għandu joqgħod lura.  Aħjar hekk milli noqgħodu fuq sorsi li mhux dejjem ikunu veritiera. 

IN FINEM DILEXIT EOS – KUNĊERT TA’ MUŻIKA SAGRA U MARĊI FUNEBRI

Navżaw li minbarra s-servizzi varji marbuta mall-ġimgħa mqaddsa, bil-għajnuna tal-Cultural Funds Scheme u Easter in Gozo, nhar il-Erbgħa 5 t’April 2023 fis-7:30p.m. ser jittella’ l-programm ta’ mużika sagra u marċi funebri ser jittella’ ġewwa l-knisja parrokkjali, liema program ser jinkludi wkoll riflessjonijiet qosra dwar il-Passjoni ta’ Kristu.  Żommu din id-data vojta…aktar dettalji fil-ġimgħat li ġejjin. 

AĠĠORNAMENT FUQ PROĠETTI U…SEJĦA GĦALL-OFFERTI

Wasalna fl-aħħar fażijiet kemm fuq l-ewwel sett tal-bibien interni, wieħed għas-sala u ieħor għal-arkivju kif wkoll fix-xogħol ta’ rinnovazzjoni tat-toilets ta’ fejn hemm l-istess sala.  Beda wkoll jinxtara l-materjal meħtieġ marbut mar-rinnovazzjoni tat-toilets tad-daħla tal-każin.  Ġiet installata l-AED u fil-jiem li ġejjin ppjanat wkoll li jitlesta ix-xogħol marbut mall-emergency lighting u d-dawl għas-sala. Fl-istess ħin mill-aspett amministrattiv tlestew diversi rapporti biex inkunu nistgħu niġbru fondi relatati ma proġetti li tlestew. Xejn ma jsir kumbinazzjoni jew mingħajr taħbit! Grazzi lil voluntiera kollha!

Sadanittant, qed issir sejħa għall-offerti marbuta ma’ installazzjoni ta’ sistema moderna ta’ CCTV għas-sala, arkivju, fire-escapes u foyers tal-każin, bil-għan li nkomplu nsaħħu s-sigurta.  Din is-sistema trid tkun tikkumplimenta sistema eżistenti li diġa tkopri l-bar tal-każin u ż-żoni ta’ barra (faċċata u l-bejt). Dawk interessati huma mistiedna jibgħatu e-mail fuq soc.filar.santa.marija@gmail.com sa nhar it-Tnejn 27 ta’ Frar 2023 biex imbgħad fil-ġimgħat ta’ wara nibgħatulhom it-termini u kundizzjonijiet amministrattivi, tekniċi u finanzjarji sħaħ.  Peress li dan l-investiment ser jiġi ffinanzjati minn fondi, l-awtoritajiet kompenenti qed iżommu d-dritt li jispezjonaw il-postijiet fejn ikun qed isir ix-xogħol biex jiżguraw konformita mal-liġijiet ta’ pajjiżna u jaraw li hemm il-permessi kollha meħtieġa. 

RINGRAZZJAMENTI MILL-QALB!!

Nibdew billi nirringrazzjaw  lil dawk kollha li attendew għad-diversi attivitajiet li organizzajna fil-ġimgħat li għaddew, fosthom dawk marbuta mall-festi tal-Milied u l-ewwel tas-Sena.  L-għajnuna u l-parteċipazzjoni timliena b’kuraġġ biex inkomplu intellgħu l-attivitajiet.  Nirringrazzjaw b’mod speċjali lil:

  • l-Arċipriet Dun Ġwann Sultana tal-għajnuna u l-appoġġ u lid-Direttur Spiritwali il-Kan. Dun Noel Saliba li kien strumentali waqt iż-żjarat lill-persuni kollha li jgħixu weħidhom fir-raħal tagħna u l-Quddiesa speċjali għal dawk li mietu fis-sena 2022;
  • Dawk kollha li tawna d-donazzjonijiet fl-Istrina 2023, waqt iz-zjarat lil dawk li joqoghdu wahidhom kif wkoll waqt l-ikla tal-ewwel tas-sena, bis-somma migbura hija dik ta’ €1,894.50c. Grazzi mmens tal-fiduċja tagħkom. Naprezzaw il-fatt li anke` min ma sibnihx d-dar xorta għaddilna d-donazzjoni tiegħu!  Grazzi wkoll lil dawk li tawna daqqa t’id biex ġbarna l-envelopes tal-istrina u anke il-biljetti tal-Lotterija tal-Milied.  Ir-rebbieħa kienu:  Sika Agius – Triq il-Madonna taċ-Ċiċri, [Bambin], John Sultana – Triq il-Ponta [Father Christmas] u Emily Portelli -Triq Għajn Mhelel [Whisky];
  • Sotto Kumitati tan-Nisa u Żgħażagħ tal-għajnuna kontinwa fl-attivitajiet tal-Milied.  Grazzi wkoll lil atturi, kantanti, koristi, bandisti, mużiċisti u voluntiera li b’xi mod jew ieħor permezz tat-talenti tagħhom ipparteċipaw fid-diversi attivitajiet organizzati matul il-jiem tal-Milied.  Prosit lil Liana Pace u Marie Agius għall-prietka tat-tifla kif ukoll lill-familji tas-sapport.  Grazzi lil Dun Noel għall-kitba u lil Analise Cini u Judith Zammit li kkordinaw il-provi/preparamenti meħtieġa;
  • Bandisti kollha flimkien mas-Surmast u Asst. Surmast tas-sehem kontinwu. Nirringrazzjawhom bil-qalb u naprezzaw il-fatt li ta’ spiss il-bandisti tagħna ikunu meħtieġa jattendu l-provi għas-servizzi;
  • Dawk li tawna oġġetti (fosthom numru sabiħ ta’ oġġetti, qsari, hampers, xorb u vouchers) kif wkoll lil xi stabbilimenti ta’ raħalna li pprovdew ikel b’xejn biex jitqassam waqt id-diversi attivitajiet jew offrew prezz issussidjat, inkluż dak marbut mal-ikla annwali li saret lil bandisti u voluntiera;
  • Grazzi lis-soċjeta’ tad-Duttrina MUSEUM tal-għajnuna u kooperazzjoni sħiħa li sibna fl-organizzazzjoni tal-purċissjoni bil-Bambin.  B’rikonoxximent lejn il-ġenerożita tagħkom u lejn il-Parroċċa, s-Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija tkopri l-ispejjeż kollha marbuta ma dan is-servizz.

ĦSIEB MID-DIRETTUR SPIRITWALI….TAGĦLIMA GĦAL ĦAJJITNA!!

“Hemm żewġ folosofiji tal-ħajja. Waħda hi: l-ewwel il-festa imbagħad l-uġigħ ta’ ras. L-oħra hi: l-ewwel is-sawm (fast) imbagħad il-festa (feast). Il-ferħ miksub b’sagrifiċċju hu aktar ħelu.”  L-isqof Fulton Sheen

Tislijiet,

Marnol Sultana

Segretarju

—————————————————————————————————————————————

Tiġdid tat-Tessera – Sena 2023  (imla l-formola u mpustaha fil-letter box tal-każin)

Isem:  _____________________  Kunjom:  _____________________  Tel/Mob:  _________________

Indirizz:  ___________________________________________________  Miżata tat-Tessera:  €2.50c