Nipproponu, Nfasslu… Nwettqu
Laqgħa Ġenerali 2018…Nhar is-Sibt 16 ta’ Frar 2019
Is-Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija hija obbligata bl-istatut tagħha (Artiklu 4) ssejjaħ laqgħa ġenerali mhux aktar tard mill-ewwel kwart ta’ kull sena fejn it-tesserati membri kollha ikunu mistiedna jattendu u jipparteċipaw. L-iskop ewlieni ta’ din il-laqgħa jkun li jingħataw rendikonti dettaljati amministrattivi u finanzjarji dwar dak li jkun seħħ fix-xhur ta’ qabel u dawn jiġu approvati minn awdituri indipendenti. Issir ukoll l-elezzjoni tal-membri fit-Tmexxija Eżekkuttiva, jitressqu emendi għall-istatut u jiġu diskussi punti relatati mal-pjanijiet li s-Soċjeta’ tkun qiegħda tfassal għal ġejjieni. Għaldaqstant it-tmexxija eżekuttiva qiegħda ssejjaħ dan l-appuntament importanti nhar is- Sibt 16 ta’ Frar 2018 fis-7:00pm fis-sala prinċipali tal-każin.
Nominazzjonijiet għal-membri ġodda fi ħdan il-Kumitat Eżekuttiv
Bejn il-Ġimgħa 1 ta’ Frar u l-Ġimgħa 8 ta’ Frar 2019 ser jintlaqgħu nominazzjonijiet għall-membri fit-tmexxija eżekuttiva. Nominazzjonijiet għall-membri fit-tmexxija eżekuttiva u/jew emendi għar- regolamenti għandhom jintbagħtu lis-Segretarju bil-miktub billi jintefgħu fil-kaxxa tal-ittri tagħna jew jintbgħatu permezz ta’ email: soc.filar.santa.marija@gmail.com. Importanti ħafna li dawn ikunu ssekondati minn żewġ membri tesserati. Nappellaw lil dawk interessati biex jitfgħu n-nominazzjoni tagħhom u b’hekk inkunu nistgħu nkomplu bit-tiġdid u nassiguraw kumitat eżekuttiv effettiv
Fuq l-Aġenda għall-Laqgħa Ġenerali 2019…
Daqs kemm sar xogħol li jidher matul is-sena 2018, daqshekk ieħor kienet għaddejja ħidma fis- skiet mingħajr ħafna daqq tat-trombi fl-aħħar xhur, b’mod speċjali s-sottomissjoni ta’ diversi applikazzjonijiet għal skemi ta’ fondi. Fl-aħħar jiem irċivejna aħbarijiet ferm pożittivi marbuta mall- istess ħidma u konsegwenza ta’ hekk, matul il-laqgħa ġenerali ser inkunu qed inħabbru numru ta’ inizjattivi u anke sorpriżi ġodda! Ser inkunu wkoll qed naġġornawkom permezz ta’ preżentazzjoni dwar x’ammonti ta’ flus fadal pendenti marbuta mall-bini u t-tagħmir tal-Każin. Hawn wkoll sar progress u għadna tagħrif ġdid u pożittiv x’ngħaddulkom. Kulħadd għandu jħossu liberu li jwassal xi suġġerimenti jew jagħmel xi intervent/ilment waqt din il-laqgħa; dan biex infasslu u nwettqu ħidmietna fix-xhur li ġejjin…ilkoll flimkien! Mela ingħaqdu magħna nhar is-Sibt 16 ta’ Frar 2019.
Ara li tkun Tesserat u membru msieħeb mas-Soċjeta’ tagħna Peress li matul is-sena l-oħra ma ġejniex bieb bieb niġbru t-tessera, qed nagħtu ċans biex kull min jixtieq iġedded it-tessera tiegħu [għas-sena 2018] jkun jista’ jagħmel dan bla diffikultaˋ billi ikellem lil xi membru mill-Kumitat Eżekuttiv u Sotto Kumitati [jew letterbox tal-Każin] u jgħaddi dettalji tiegħu. Kull tessera tiswa biss €2.50. Żammejna l-miżata baxxa kemm jista’ jkun biex bħas-snin li għaddew kulħadd ikollu l-opportunitaˋ jkun parti mill-familja tagħna. Tingħata rċevuta għal kull tessera.
Attivitajiet mis-Sezzjoni Nisa – Coffee Morning b’risq it-tagħlim tal-Mużika!
Is-Socjeta’ Filarmonika Santa Marija tixtieq tavża li nhar il-Erbgha 6 ta’ Frar 2019 ser jigi organizzat Coffee Morning fil-Kazin. Nħeggukom tattendu għax filwaqt li nqattgħu ftit ħin ta’ divertiment flimkien, intom tkunu ta’ għajnuna biex nkomplu bil-ħidma tagħna iddedikata lit-tagħlim u s-servizzi tal-mużika lir-raħal tagħna. Sadanittant, is-solitu Coffee Morning tal-Karnival ser isir nhar it-Tlieta 5 ta’ Marzu fid-9:00a.m. ġewwa is-Sala Principali tal-Każin. Minbarra il-logħob tat-tombla, bћal kull sena ser ikollna wkoll il-Kompetizzjoni tal-isbaћ kostum, b’ġurija professjonali magħmula minn persuni minbarra ir-raћal tagћna. Għalhekk, din hija ukoll stedina speċjali minn issa lit-tfal u ġenituri biex jipparteċipaw.
Il-Banda tagħna…Servizzi fil-Karnival 2019
Is-Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija ser tkompli bis-servizzi tagћha wara li ġiet mistiedna mill-Kunsill Lokali biex bћas-snin li gћaddew nipparteċipaw b’marċ brijuż fil-Karnival taż-Żebbuġ nhar il-Ħadd 3 ta’ Marzu 2019 fil-12:00pm minn ћdejn il-Każin. Imbagħad, dakinhar stess, ser nipparteċipaw ukoll ġewwa l-Karnival t’Għawdex fejn ser inkunu parti mid-defile’ li jsir ġewwa Triq ir-Reppublika, r-Rabat Għawdex. Huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalina li wara l-investiment riċenti fuq kostumi ġodda, il-banda tagħna ser jerġa ikollha l-opportunita’ li tieħu sehem fil-Karnival Nazzjonali. Nirringrazzjaw lill-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ kif ukoll lill-Kumitat tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex tal-istediniet li
għamlulna.
Unur lis-Sezzjoni Żgħażagħ!
Is-Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija tixtieq tħabbar lis-Sezzjoni Żgħażagħ klassifikat bħala finalista għal-premju nazzjoniali ‘Żagħżugħ tas-Sena 2018’. Filwaqt li nifirħu lis-Sezzjoni Żgħażagħ ta’ dan il- Premju ferm mistħoqq, nixtiequ pubblikament nuru l-apprezzament u nirringrazzjaw lil Kunsill Lokali ta’ raħalna tan-nomina. Prosit liż-żgħażagħ tagħna u nirringrazzjawhom tal-ħidma volontarja tagħhom.
Sadanittant, fl-aħħar ġimgħat numru ta’ żgħażagħ kienu għaddejin bil-provi meħtieġa biex fil-jiem tal- Karnival titella’ żifna hilarious. Ninfurmawkom li ż-Żgħażagħ tagħna ser jipparteċipaw b’mod sħiħ fil- Karnival Nazzjonali li jsir ġewwa il-Belt Victoria kif ukoll f’irħula oħra madwar Għawdex. Nirringrazzaw liż-żgħażagħ kollha tal-impenn u sagrifiċċju.
Ringrazzjamenti mill-Qalb!!
Nibdew billi nirringrazzjaw lil dawk kollha li attendew għad-diversi attivitajiet li organizzajna fil-ġimgħat li għaddew, fosthom dawk marbuta mall-festi tal-Milied u l-ewwel tas-Sena. L-għajnuna u l- parteċipazzjoni timliena b’kuraġġ biex inkomplu intellgħu l-attivitajiet. Nirringrazzjaw b’mod speċjali lil:
- l-Arċipriet Dun Ġwann Sultana tal-għajnuna u l-appoġġ u lid-Direttur Spiritwali il-Kan. Dun Noel Saliba li kien strumentali waqt dawn l-appuntamenti: Żjarat lill-persuni kollha li jgħixu weħidhom fir-raħal tagħna, l-adorazzjoni tal-kwaranturi, il-Quddiesa Speċjali għal dawk li mietu fis-sena 2018
- dawk kollha li tawna d-donazzjonijiet b’risq it-tagħlim b’xejn tal-mużika fl-Istrina 2019, bis-somma finali ser titħabbar fir-rendikont sħiħ li ser jitqassam fl-ittra li jmiss. Grazzi wkoll lil dawk li tawna daqqa t’id biex ġbarna l-envelopes. Grazzi lil dawk kollha li ngħaqdu magħna għall-ikla li organizzajna nhar il-Ħadd 6 ta’ Jannar ġewwa l-każin u d-donazzjonijiet miġbura.
- Sotto Kumitat tan-Nisa tal-għajnuna kontinwa fl-attivitajiet tal-Milied speċjalment fis-Serata ‘Flimkien fil-Milied 2018’, waqt is-siegħa adorazzjoni, waqt il-ġbir tal-Istrina u l-għajnuna waqt l- ikla tal-bandisti u l-helpers. U Grazzi lis-sotto Kumitat taż-Żgħażagħ tal-attivitajiet li organizzaw, fosthom l-farsa “Flat B16’’. Prosit speċjali lil atturi kollha u lil Diane Calleja tal-kitba u direzzjoni.
- Grazzi wkoll tmur lil Joseph Galea tal-għajnuna fis-sound waqt il-farsa kif wkoll lil Joseph Saliba tal-arranġamenti biex din l-istess farsa saret wkoll ġewwa l-Munxar.
- Atturi, kantanti, koristi, bandisti, mużiċisti u voluntiera li b’xi mod jew ieħor permezz tat-talenti tagħhom ipparteċipaw fid-diversi attivitajiet organizzati matul il-jiem tal-Milied. Prosit wkoll lil Martina Grech u Maryse Cefai li esegwixxew il-Priedka tat-Tifla u tfal oħrajn għad-diversi poeżiji.
- Dawk li laqgħuna fi djarhom waqt iż-żjarat li għamilna lill-persuni kollha li jgħixu waħedhom u għad-diversi donazzjonijiet.
- Bandisti kollha flimkien mas-Surmast u Asst. Surmast tas-sehem kontinwu u tas-sagrifficju. Nirringrazzjawhom bil-qalb u naprezzaw il-fatt li ta’ kull ġimgħa l-bandisti tagħna ikunu meħtieġa jattendu l-provi għas-servizzi li jkun imiss. Nieħdu spunt u nirringrazzjaw wkoll lil Fortunatu Mifsud li f’diversi servizzi matul is-sena jġorr il-katuba gratis.
- dawk li tawna oġġetti (fosthom numru sabiħ ta’ oġġetti, qsari, hampers, xorb u vouchers) kif wkoll lil diversi stabbilimenti ta’ raħalna li pprovdew l-ikel biex jitqassam waqt id-diversi attivitajiet.
- Grazzi lis-Soċjeta’ tad-Duttrina MUSEUM tal-għajnuna u kooperazzjoni sħiħa li sibna fl- organizzazzjoni tal-Purċissjoni bil-Bambin. B’rikonoxximent lejn il-ġenerożita tagħkom, is-Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija tkopri l-ispejjeż kollha marbuta ma dan is-servizz.
- Daniel Cordina għat-transport offrut gratis biex il-Youth Band setgħet tesegwixxi servizz speċjli lejlet il-Milied fil-purċissjoni tal-Bambin ġewwa l-Belt Victoria. Grazzi u prosit lil bandisti żgħażagħ tagħna
- Lil Jimmy Saliba ta’ Jimmy Electronics għal għajnuna teknika marbut mas-sit elettroniku ġdid.
- Paul u Fredu Saliba, Mario Vella, Anthony Zammit u Leli Cini għad-diversi ħidmiet marbuta ma’ diversi proġetti li għaddejjin minnhom fil-każin. Grazzi llkoll tas-sagriffiċju u kooperazzjoni!
Ippruvajna ma ninsew lil ħadd…niskużaw rwieħna jekk ma semmejniex lil xi ħadd. Jekk ġara hekk, tiddejqu xejn tiġbdulna l-attenzjoni. Grazzi lil kull min jgħin…tagħmlulna kuraġġ nkomplu bil-ħidma tagħna b’risq il-banda.
Ħsieb mid-Direttur Spiritwali….tagħlima għal ħajjitna!!
F’din is-Sena Marjana fid-Djoċesi t’Għawdex, aħna mistiedna ma’ nibzgħux nieħdu għandna lil Marija. San Luigi Marija De Montfort, fit-trattat dwar il-vera devozzjoni, jghidilna: Marija hija t-Triq l- aktar facli, qasira, perfetta u zgura li twassalna għand Kristu.
Tislijiet,
Marnol Sultana
Segretarju