Ittra Kumitat Eżekuttiv – Novembru 2020

ŻMINIJIET DIFFERENTI…B’AMBIZZJONIJIET ĠODDA

Wara li fix-xhur li għaddew komplejna ċċelebrajna b’mod denju [anke fid-dawl u l-limitazzjonijiet marbuta maċ-ċirkostanzi ta’ bħalissa] il-25 sena anniversarju, bil-qofol ikun l-inawgurazzjoni tal-koppla artistika ġewwa l-każin tagħna; ħidmietna fl-aħħar ġimgħat kompliet b’aktar xogħol u sfidi ħalli nkomplu nwettqu u nibnu fuq dak li diġa hemm. Dawn huma d-dettalji dwar dak li għaddejna minnu u l-pjanijiet tagħna għax-
xhur li ġejjin.

 

L-AĦĦAR FAŻI TAL-PROĠETT TAS-SALA

Kif imħabbar fil-jiem tal-festa, ser nidħlu fit-tielet u l-aħħar fażi tat-tagħmir tas-sala tal-każin u dan grazzi għall-iskema ta’ fondi maħruġa aktar kmieni mill-Ministeru għal Għawdex u li bħala Soċjeta’ qed nibbenefikaw is-somma ta’ madwar €40,000. Dawn il-fondi ser ikopru l-installazzjoni ta’ sistema t’arja kundizzjonata, titjib fl-akustika tal-post permezz ta’ suffit mas-saqaf tas-sala kollha, bibien interni kif ukoll rinnovazzjoni tal-faċilitajiet sanitarji. Għaldaqstant, qed issir sejħa għall-offerti marbuta mal-installazzjoni għal-sistema t’arja kundizzjonata [HVAC], biex dawk interessati jikkuntatjaw lil xi membru tal-Kumitat jew jibgħatu e-mail fuq soc.filar.santa.marija@gmail.com sa nhar it-Tnejn 14 ta’ Diċembru 2020. Grazzi wkoll
lil diversi individwi li kif tħabbar dan il-proġett, offrew id-disponibilita’ tagħhom li b’mod volontarju jwettqu diversi xogħolijiet u b’hekk bħala Soċjeta’ nidħlu fl-ispiża tal-materjal biss!

Nieħdu spunt ninfurmawkom li bħalissa wkoll kompla għaddej ix-xogħol kemm fuq il-gwarniċun li qed isir u ser ikun qed iżejjen id-daħla tal-każin kif ukoll il-vetrina li ser tkun qed tikkumplimenta l-arkivju mużikali. Il- ħsieb tagħna huwa li dawn jitlestew sal-aħħar tas-sena. Infakkru li dawn kollha huma koperti minn diversi skemi ta’ fondi.

 

PROĠETT BANDISTIKU B’DIFFERENZA…U TA’ ĠIEĦ LIL RAĦALNA

Ma stajniex tgħaddi din is-sena tant important mingħajr ma b’mod denju nsemmgħu l-leħen bandistiku tagħna. Għaldaqstant is-Soċeta’ tagħna, fid-dawl li ma stajniex norganizzaw programm mużikali, minflok nediet proġett ambizzjuż u l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu kemm minn banda Għawdxija u anke Maltija. Kien nhar is-Sibt 10 t’Ottubru 2020 meta nkiteb kapitlu ieħor fl-istorja, fejn grazzi għall-bandisti tagħna ġiet rrekordjata b’mod live l-produzzjoni mużikali POP&PANS ġewwa x-Xwejni. Bħalissa għaddejjin bl- arranġamenti meħtieġa biex imbagħad fil-ġimgħat li ġejjin din il-produzzjoni ser ssib ruħha fuq is-sett tat- televixin tagħkom. Minbarra l-akbar proġett bandistku fl-istorja tagħna, din il-produzzjoni żgur li ser tkun qed tgħolli isem il-banda tagħna. Il-ħsieb huwa li noħorġu mill-qafas dejjaq ta’ triqatna u għall-ewwel darba [anke fuq xewqa/stennija ta’ ħafna] raħalna jtella’ produzzjoni esklussiva għal fuq it-televixin. Nassigurakom li din kienet sfida differenti u li talbet impenn, determinazzjoni u kooperazzjoni minn kulħadd u aktar minn kollox swiet ukoll ta’ esperjenza u opportunita` ġdida għall-bandisti tagħna li tant jgħamlu sagrifiċċji matul is-sena kollha.

Grazzi kbira lil dawk kollha li taw sehem, ewlenin il-bandisti u mużiċisti mmexxija mis-surmast tagħna Mro. Dr. Joseph Grech bis-sehem tal-kantanti Neville Refalo u Corazon Mizzi. Grazzi lit-teknici kollha, b’ mod speċjali lill-PowerSound għas-sound/recording, CVC media għall-filming u lil Richard Grech (Sound Engineer). Grazzi lill-membri kollha tal-Kumitat Eżekuttiv u l diversi voluntiera li ħadmu bla heda fuq il- loġistika u l-permessi meħtieġa, process li fisser anke sigħat twal ta’ preparazzjonijiet fuq il-post. Grazzi kbira lis-Sindku, l-viċi-Sindku u l-Kunsilliera kollha fi ħdan il-Kunsill Lokali tas-sapport, lill-Cultural Heritage Directorate fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, lil Malta Tourism Authority, Lid-dipartiment tas-Saħħa, lil Transport Malta, lill-Public Broadcasting Services, lill-Pulizija u lis-sidien tal-post għall-għajnuna u l- kooperazzjoni! Apprezzajna ferm!

Irċivejna u ħadna gost bil-kummenti pożittivi ta’ dawk li ħadu sehem. Għalkemm din il-produzzjoni tista’ tidher il-qofol ta’ snin ta’ ħidma, fl-istess waqt għandna nkunu determinati li nkomplu naħdmu għal aktar esperjenzi simili li jgħamlu ġieħ kemm lill-banda tagħna kif ukoll lil raħalna.

 

INVESTIMENT FIT-TAGĦLIM TAL-MUŻIKA U STRUMENTI ĠODDA

Għalkemm meta nlestu xi proġett, s-sodisfazzjon ikun wieħed kbir, imma ikun akbar is-sodisfazzjon meta aktar aljievi minn tagħna, wara xhur ta’ studju fit-teorija, jingħataw l-instrumenti biex ikomplu t-taghlim tal- prattika, bil-għan li eventwalment jieħdu l-vestizzjoni ta’ bandisti ġodda. Fl-aħħar xhur, kompla wkoll l- investiment fi strumenti li qed jingħataw lill-istudenti ġodda tagħna. Dan kien possibli grazzi għad- donazzjonijiet u l-parteċipazzjoni tagħkom fid-diversi inizzjattivi! Nawguraw lil dawn l-istudenti u sadanittant nagħtu kuraġġ lill-aljievi oħra biex ikomplu bl-istudju tagħhom fil-mużika! Grazzi wkoll lis- Surmast u Asst. Surmast li ta’ kull ġimgħa, anke fiċ-ċirkostanzi, komplew bit-tagħlim mużikali online.

U hekk kif din is-sena qed infakkru l-25 sena anniversarju, dan qed ifisser ukoll li l-għodod ewlenija tagħna, jiġifieri d-diversi strumenti mużikali ilhom daqstant jintużaw mill-bandisti tagħna. Dan huwa rifless fil-kundizzjoni ta’ diversi strumenti, fejn wara analiżi teknika, jidher li numru ta’ strumenti tilfu mill-kwalita` tagħhom u wasal iż-żmien li jibdew jinbidlu, b’ikbar priorita’ huma l-istrumenti tal-qasba. Ovvjament dan ser jirrifletti spiża li tlaħħaq eluf ta’ Euro u li għalhekk trid tkun implimentata b’mod gradwali. Filwaqt li naprezzaw kull tip ta’ għajnuna u donazzjonijiet f’dan ir-rigward, is-Soċjeta’ tagħna aktar kmieni din is- sena ħasbet ukoll li tapplika għal skema ta’ fondi li hija intiża għal dan il-għan. L-iskop huwa li nnaqqsu kemm jista jkun il-piż minn fuqkom il-familji benefatturi tagħna. Infatti, fl-aħħar jiem irċivejna riżultati pożittivi u qed bħalissa qed nistennew l-valur tal-allokazzjoni finanzjarja biex eventwalment jiġi ssiġillat l- kuntratt. Filwaqt li ser inżommukom aġġornati, fl-istess waqt nixtiequ wkoll inserrħu moħħ kulħadd li ladarba jibdew jitqassmu strumenti ġodda, fl-istess ħin l-instrumenti l-qodma [li tagħhom intom kontu benefatturi] ser jinġabru u jsir restawr tagħhom biex imbgħad jinżammu kif suppost fl-arkivju tagħna!

 

GRAZZI LIŻ-ŻGĦAŻAGĦ TAGĦNA

Il-kumitat mill-ġdid jirringrazzja lis-Sezzjoni Żgħażagħ li fl-aħħar jiem ħadu ħsieb il-ħlasijiet marbuta mal- arma ċentrali tal-faċċata tal-każin. Issa jmiss l-iskultura ta’ din l-arma, bil-ħsieb huwa li dan ix-xoghol isir fi żmien qarib. Sadanitant, qed issir sejħa wkoll biex min jixtieq jidħol membru f’din is-sezzjoni, huwa mħeġġeġ jikkuntatja lil Graziella Cini. It-tiġdid huwa mportanti ferm u għaldaqstant issa huwa ċ-ċans biex żgħażagħ ġodda jingħaqdu f’din is-sezzjoni u jkunu jistgħu jibdew il-preparamenti għall-festa li jmiss.

 

NAĦSBU GĦAL-QUDDIEM…

Il-fatt li bħalissa għaddejjin b’diversi proġetti ta’ tagħmir tal-każin, dan ser ifisser aktar ħtieġa ta’ manutenzjoni aktar `il quddiem. Għaldaqstant, fuq proposta mill-President Dr. Anthony Dimech, il-kumitat ser jibda l-preparazzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex fi ħdan is-Soċjeta’ jinfetaħ kont bankarju li minnu ta’ kull sena ser jibdew jitwarrbu l-ammont ta’ €1,000 bil-għan li dawn il-flus imfaddla eventwalment  jintużaw għall-manutenzjoni tal-każin. Kif qed taraw, wara li rajna li tħallsu l-kontijiet pendenti kollha, tlestew u fl-istess ħin għaddejjin b’kullana ta’ proġetti ġodda; issa middejna rasna fuq kunċett ieħor, dik li fejn possibli naraw lis-Soċjeta’ tagħna ikollha bażi finanzjarja sostennibli għal quddiem. Iċ-ċirkustanzi preżenti għallmuna li għadna nkunu dejjem ppreparati għal kull eventwalita’ u fl-istess ħin inħallu qafas b’saħħtu għal dawk li jiġu warajna.

 

NAPREZZAW L-GĦAJNUNA TAGĦKOM…GRAZZI LIL:

  • Dawk kollha li għoġobhom jgħaddulna d-donazzjoni tagħhom matul l-aħħar ġimgħat [fosthom donazzjoni ferm ġeneruża ta’ €500] fid-dawl li bħalissa mhux possibli jsiru attivitajiet. Insostnu li l- ispejjeż xorta jibqgħu hemm [fosthom dawk ta’ tagħlim u strumenti ġodda].
  • Grazzi lill-Arċipriet u l-Parroċċa tas-sostenn kontinwu fil-ħidma tagħna minn żmien għal żmien. Sfortunatament iċ-ċirkostanzi m’għamluhiex possibli lill-banda tagħna tipparteċipa fil-festi tal- Madonna tal-Għażżiela kif wkoll f’dik tal-konpatrun tagħna San Fortunatu. Nisperaw li fi żmien qasir, l-eku bandistiku jerġa jibda jidwi ġewwa t-toroq ta’ raħalna.
  • Prosit ukoll lil Santa Marija Snack Bar kif ukoll lill-klijenti tal-istess bottegin tal-każin tagħna, fejn fl- aħħar ġimgħat, għan-nom tas-Soċ. Filar. Santa Marija, taw donazzjoni ta’ €802.64 b’risq Puttinu Cares.
  • Lilkom li pparteċipajtu fil-lotterija t’Ottubru.  Ir-rebbieħa huma Antonia Buġeja ta’ Triq Kaċċaturi [l- ewwel premju] u Rita Portelli ta’ Triq Żaki [it-tieni premju]. Grazzi wkoll lil dawk kollha li għenu biex jinġabru l-biljetti.

 

ĦSIEB MID-DIRETTUR SPIRITWALI…TAGĦLIMA GĦAL ĦAJJITNA!

L-Avvent huwa żmien ta’ Stennija, ta’ Tama u ta’ Ferħ! Ilkoll, xi draba jew oħra, jaħkimna l-qtiegħ il- qalb, il-mard, id-dnub, l-inkwiet u t-tiġrib. Madanakollu t-tħejjija għall-Milied ngħixuha:-
1) Bħala żmien li fih qed nistennew lill-Mulej li ġej biex jiltaqa’ magħna;
2) Bħala żmien ta’ tama li l-qtiegħ il-qalb, il-mard, id-dnub, l-inkwiet u t-tiġrib kollu għad jgħaddi, u
3) Bħala żmien ta’ ferħ, għaliex il-Mulej Hu Alla-Magħna!

Tislijiet,
Marnol Sultana
Segretarju