Pajjiżna għandu tradizzjoni twila tal-mużika u Għawdex għandu storja nteressanti f’dan il-qasam li pero` għadha mhix studjata biżżejjed. Kemm f’dik li hi mużika korali u folkloristika, kif ukoll f’dik orkestrali u bandistika, l-istorja t’Għawdex hija għanja ħafna. Il-mużika li nsibu per eżempju fil-Katidral t’Għawdex turina li kien hemm attivita` sħiħa f’dik li hi mużika f’Għawdex. Dan mhux biss narawħ mil-fatt li hemm xogħolijiet ta’ kompozituri barranin imma wkoll ta’ dawk Għawdxin.
Fil-passat, il-mużika folkloristika kienet ħajja ħafna fiż-Żebbuġ għax l-għana kien element ħaj tar-raħħala Żebbuġin. In-nisa waqt il-ħasil ta’ ħwejjigħom ħdejn l-għejjun ta’ ilma ġieri li nsibu madwar ir-raħal kienu jgħaddu ħinijiet twal jgħannu u jqabblu versi li llum kwazi ntesew għal kollox.
Il-ħwienet tax-xorb kienu l-bejtiet fejn din it-tip ta’ mużika vernakulari kienet tieħu r-ruħ speċjalment f’mumenti bħal tiġijiet, fil-karnival, il-Milied u l-festa ta’ Santa Marija li ilha tiġi ċċelebrata fiż-Żebbuġ għall-mijiet ta’ snin. F’ħajja nieqsa minn kumditajiet u modi differenti ta’ kif tqatta’ l-ħin, din l-mużika kienet tagħti zvog liż-Żebbuġin biex jiddevertu u jixxalaw bejn pinta nbid u ohra. Strumenti bhat-tamburlin, l-kitarra, ż-żaqq u r-rabbaba kienu komuni ħafna.
Il-mużika, speċjalment dik sagra minn dejjem kienet għal qalb iż-Żebbuġin. Jekk wieħed imur lura għal żmien l-ewwel kappillan, wieħed isib li hu xtara Antiphonarium prezzjuz tas-sena 1602. Dan il-ktieb liturgiku jkun fiħ il-mużika u t-testi għall-quddies.
Fis-seklu 20 ż-Żebbuġ ra qawmien f’dik li hi mużika sagra. Is-sena 1926 hija importanti fl-istorja tal-mużika fiż-Żebbuġ għax fiha nxtara orgni ta’ livell għoli ħafna li sar mid-ditta taljana “Pacifico Inzoli” ta’ Crema. Din id-ditta bniet diversi orgnijiet għall-knejjes f’Malta fosthom dik tal-Mosta, tal-Karmnu fil-Belt u f’ H’Attard u fi knejjes gewwa Għawdex bħal dawk tan-Nadur u t’Għajnsielem. Dak taż-Żebbuġ fiħ żewġ testieri ta’ tmienja u ħamsin test u pedaliera ta’ 27 pedala bi tlettax-il registru rjali u wieħed ikkumbinat. L-orgni taż-Żebbuġ ġie mekkaniżżat fl-1971 u ġie restawrat xi snin ilu.
Qassis li kellu l-mużika għal qalbu kien Dun Guzepp Cini (1909-1978) li kien tħarreg fost l-oħrajn fil-kant Gregorjan meta kien jistudja għal saċerdot fis-Seminarju t’Għawdex. Għal madwar tletin sena ħa ħsieb flimkien ma Wiġi Cini l-preparazzjoni tal-kant tat-tfajliet, speċjalment fil-granet tal-festa tar-raħal.
Isem sinonimu mal-mużika sagra fiż-Żebbuġ hu Antonio Mallia (1898-1980) li flimkien ma’ ħuħ Bertu, barra li kienu vjolinisti tajbin, imħarrgin fil-belt Viċtoria taħt is-Surmast Paolo Lanzon, kienu wkoll mastrudaxxi mfittxija għal xogħol u skultura fl-injam. Anton kien tħarreg ukoll fil-pjanu taħt ħuħ Dun Guzepp Mallia li kien organista.
Antonio Mallia
Antonio Mallia twieled iż-Żebbuġ Għawdex fl-1898. Kien iben Karlu u Filomena nee` Saliba. Kien miżżewweġ lil Carmela Mallia u kellu tlett ulied Marija, Guzeppi u Filomena.
Mallia sar organista fil-knisja parrokjali taż-Żebbuġ u beda jgħallem il-mużika lill-għadd ta’ zgħazagħ miż-Żebbuġ. Hekk kien qed jizra’ ż-zerriegħa għall-orkestra li hu stess mbagħad waqqaf aktar ‘l quddiem. Beda bi tlettax-il-element mużikali u fil-festa ta’ 1946 iddebutta biha fl-istess knisja taż-Żebbuġ, li bdiet iddoqq il-kompozizzjonijiet tiegħu stess. Wara mewtu l-ħidma tkompliet minn ibnu s-Surmast Guzeppi Mallia.
Fil-limitazzjonijiet tiegħu, Mallia rnexxielu jikkomponi diversi biċċiet. Fl-1932 huwa kkompona l-Antifona ta’ Santa Marija, xogħol allegru li jindaqq fi żmien il-festa. Dan kien żmien fejn il-ġeneru ta’ l-operetta kien daħal sew f’Għawdex. Bejn l-1945 u l-1946 Mallia kkompona aktar biċċiet fosthom Quddiesa Sollenni għall-Festa Titulari, magħmula minn seba` partijiet fosthom il-Kyrie Eleison li tispikka għall-emozzjonijiet li hija twassal. Wieħed irid jiftakar li dawn ix-xogħlijiet inkitbu fi żmienijiet diffiċli, sewwa sew wara t-Tieni Gwerra Dinjija li fiha Għawdex pero` ra l-influss ta’ ħafna atturi tajbin u muziċisti Maltin li gew bhala refugjati mill-attakki. Dawn taw spinta kbira lill-mużika f’Għawdex. Anke l-media għenet ħafna biex l-Għawdxin setgħu japprezzaw ġeneri diversi tal-mużika.
Mallia kiteb ukoll diversi quddisiet oħrajn, għosrien, antifoni, innijiet u marċijiet għall-banda. L-Innu Marċia li għadu jindaqq sa llum fil-granet tal-festa huwa wkoll xogħol ta’ Mallia, xogħol li nkiteb fl-1962.
Antonio kien l-ewwel maestro di cappella tal-knisja taż-Żebbuġ u dam sagristan ta’ l-istess knisja għal aktar minn ħamsin sena. Dan juri rabta fil-qrib bejnu u l-maqdes taż-Żebbuġ u jorbot il-produzzjoni artistika tiegħu b’mod aktar intimu ma’ l-ambjent ta’ din il-knisja. Huwa miet fit-12 ta’ Mejju 1980. Għal kuntrarju ta’ ħafna rħula Għawdxin li kienu saħansitra jgibu maestro di ċappella minn Malta, iż-Żebbuġ kellu bniedem li mela dan il-post b’mod sodisfaċenti ħafna.
Tagħrif dwar Anton Mallia jinstab fl-istorja taż-Żebbuġ miktuba minn Monsinjur Giov Andrea Vella filwaqt li nkitbu diversi artikli u studji dwar il-produzzjoni mużikali tiegħu. Isem Mallia nsibuħ ukoll f’diversi tezijiet li jittrattaw kompozituri minuri li kellna f’pajjizna. Il-knisja taż-Żebbuġ mimlija bil-mużika ta’ Mallia serviet ta’ post fejn ir-raħħala setgħu jkabbru fihom l-imħabba lejn il-mużika.
Sa minn ħafna żmien ilu saru diversi tentattivi biex titwaqqaf banda mużikali fiż-Żebbuġ. Fil-fatt kien hemm ħames tentattivi ewlenin. Fl-1960 kien sar marċ minn muziċisti Żebbuġin f’waħda mill-granet tal-festa titulari li tmexxa minn Antonio Mallia li semmejt ftit qabel. Kien ilha tinħass ix-xewqa li l-festa ta’ barra tinfirex fuq tlett ijiem bhal ħafna irħula oħrajn u kien għalhekk li sar dan il-marċ, propju l-Gimgħa minn ħdejn id-Dar Parrokkjali sal-knisja. Billi kien għad m’hemmx l-istatwa ta’ Santa Marija ta’ barra, akkumpanjaw l-istatwa ta’ Sant Anna sa fuq iż-zuntier, biex hemmhekk ittellgħet f’postha. Din l-inizzjattiva reggħet saret is-sena ta’ wara u s-Surmast Mallia kien ġie mitlub jikkomponi innu lil Sant Anna fuq versi tas-Seminarista Guzeppi Agius mill-Munxar. Imma ħafna Żebbuġin iddejqu li kienet qed issir festa lil Sant Anna l-Gimgħa minn flok li dan il-jum serva biex titkabbar il-festa ta’ Santa Marija u jizdied mas-Sibt u l-Hadd. Dan l-avveniment wassal biex is-sena ta’ wara ir-raħal taż-Żebbuġ kellu statwa ġdida ta’ Santa Marija li nħadmet mill-istatwarju Għawdxi Agostino Camilleri li bdiet tiġi mdawra mat-toroq fid-dimostrazzjoni tal-Gimgħa. L-Innu ta’ Santa Anna rega’ nstema’ mat-toroq tar-raħal wara erbgħin sena meta bil-għajnuna ta’ iben Antonio Mallia, Guzeppi, u Dun Gorg Vella, il-kumitat tal-Banda Santa Marija akkwista mill-ġdid il-versi flimkien mat-testi u l-mużika oriġinali.
Fl-1978 il-mibki Surmast Anton Bonniċi kien ġie mistieden biex jgħallem il-mużika fiż-Żebbuġ. Minkejja dan, din l-inizjattiva spiċċat fix-xejn. Fil-bidu tat-tmeninijiet kienet saret laqgħa li għaliha ġie mistieden is-Sur Kelinu Attard u mill-ġdid kienet diskussa il-possibilta` li titwaqqaf banda mużikali fir-raħal. Wara li kienu saru xi lezzjonijiet il-progett kien waqaf għal darb’ohra. Biss, bħala tifkira, is-Sur Attard kien ikkompona l-Innu tal-Inkurunazzjoni, li seħħet f’Awissu tal-1980. Fl-1988 kien sar tentattiv ieħor, din id-darba mill-mibki Emanuel Cini li mexxa marċ zgħir fil-purċissjoni tal-Bambin. Din l-inizjattiva tkompliet fil-Milied ta’ wara (ara ritratt). L-1992 kienet sena importanti għax fiha kienet saret laqgħa oħra mmexxija mill-Arċipriet ta’ dak iż-żmien Dun Alwig Vella, li wasslet għall-avvenimenti ta’ l-1995 meta wara diversi laqgħat ġie mwaqqaf kumitat organizzattiv biex jieħu ħsieb it-tmexxjia u l-iffinanzjar ta’ banda ġdida. Is-Surmast Joseph Greċh intgħazel mill-kumitat biex imexxi l-aspett tekniku tal-banda ġdida. Fit-30 ta’ Mejju ta’ l-istess sena, wara sejħa għal suggerimenti ntgħazel l-isem “Banda Santa Marija” għal din is-soċjetà mużikali, li mbagħad wassal għat-twaqqif tas-seba’ banda f’Għawdex.
Il-Banda Santa Marija mhix biss soċjetà mużikali li tagħti pjaċir fil-festa titulari, li tiġi ċċelebrata fil-weekend wara l-15 ta’ Awissu u f’festi oħrajn ta’ matul s-sena, Izda hija wkoll nteressata ħafna fit-tkattir tal-kultrua tar-raħal taż-Żebbuġ. Fil-fatt, l-għanijiet li jsemmi l-istatut tal-Banda Santa Marija li kien ġie approvat nhar il-Hadd 28 ta’ Jannar 1996, huma dawn:
- Il-Banda Sanda Marija għandha tgħallem u trawwem l-arti tal-mużika
- Il-Banda Santa Marija għandha tkun organu ewlieni fit-tixrid u l-istudju tal-kultura tar-raħal taż-Żebbuġ, kif ukoll tal-pajjiż.(emenda numru 2, Laqgħa Generali 1997).
Mumenti importanti fl-istorja tal-Banda Santa Marija kienu d-diversi kunċerti li jsiru fil-pjazza ewlenija tar-raħal u li fihom mhux biss tingħata attenzjoni lill-mużika bandistika imma wkoll lill-mużika lirika u kontemporanja. Dan għaliex l-kunċett ta’ mużika għall-Banda Santa Marija huwa wieħed wiesa u biex ngħid hekk universali. Il-Banda hija l-punt ta’ tluq u mera ta’ l-imħabba taż-Żebbuġin lejn il-mużika. Fil-messagg li kien bagħtilna il-Professur Anthony Field mill-Universita` ta’ Londra fl-Inawgurazzjoni tal-Banda, huwa kien feraħ lill-Banda Santa Marija talli qed toffri lezzjonijiet mingħajr ħlas u tixtri strumenti lill-aljevi ta’ l-istess banda. Din fil-fatt hi xi ħaga kbira għar-raħal taż-Żebbuġ.
Barra minn hekk, il-Banda Santa Marija kkumissjonat u ppublikat diversi studji dwar aspetti diversi tal-kultura taż-Żebbuġ fosthom dawk dwar l-edukazzjoni, dwar iż-Żebbuġ innifsu u dwar Bastjan Axiaq li għamel presepju li għadu msemmi għalih. Barra minn hekk saru diversi kommemorazzjonijiet ta’ persuni li għamlu ġieħ liż-Żebbuġ.
Minn dan kollu wieħed jista` jara li ż-Żebbuġ għandu post prominenti fl-istorja mużikali ta’ gziritna għax minkejja ċ-ċokon tiegħu huwa ta kontribut siewi u ħafna frott fosthom il-Banda Santa Marija.
tgħarif miġbur minn: George J. Cefai
Berto Mallia
Dun Gużepp Cini
L-orgni gewwa il-Knisja taż-Żebbuġ