Il-Grupp THE GEESE
40 sena ilu fl-1969, fix-xena lokali kien tfaċċa beat group ġdid… The Geese! Dawn kienu snin li fihom in-nies kienu jemigraw kważi kuljum, l-aktar lejn l-Awstralja u l-Istati Uniti tal-Amerika. Kien hemm missier li lil ibnu ma ridux jitlaq minn xtutna akkost ta’ kollox. Waħħal f’rasu li jixtrilu mutur, karozza jew xi ħaġa oħra biex jorbtu hawnhekk f’Għawdex iżda dan il-ġuvnott xtaq biss sett drums. Dan l-istrument mużikali aljenalu moħħu mis-safar u mlielu l-ħin liberu tiegħu, kif ser nisimgħu dwaru aktar tard. Illum għandu 56 sena u stabilizza ruħu bħala wieħed mill-aħjar drummers li għandna f’Għawdex. B’tifkira ta’ dik l-okkażjoni ser inlaqqagħkom mas-Sur Charlie Cutajar biex flimkien nerġgħu ngħixu l-istorja kważi sħiħa ta’ dan il-grupp.
Sur Cutajar kif twieled il-grupp The Geese?
Kien avviċinani ċertu Anthony Sultana min-Nadur. Hu kien il-moħħ wara kollox peress li dan ġa kellu grupp iffurmat bl-isem ta’ “FredStones” u kien jismu hekk minħabba li żewġ membri minnu kien jisimhom Alfred. Dan il-grupp imma kellu għomru qasir u ma damx ħaj aktar minn sena primarjament għax naħseb li ma kienx hemm qbil biżżejjed bejniethom biex jibqgħu flimkien u anke d-drummer tiegħu lanqas seta ikompli jdoqq. Jien ġa kelli ftit esperjenza għax kelli sett drums tiegħi w offrejtlu s-servizzi tiegħi biex insalvaw dan il-grupp. Meta għedt lil missieri inkoraġġieni tgħidx kemm u aktar tard kien jgħin lil grupp b’kull mod biex inżommu magħqudin minkejja l-miljun problema li kellna biex barra l-għaqda ta’ bejnietna, insaħħu l-kapaċitajiet tagħna bħala mużiċisti. Insomma minn naħa tiegħu dan Sultana aċċettani bil-qalb u b’hekk għall-mument salvajna lil FredStones.
Il-membri l-oħrajn min kienu?
Kellna bħala leader lil dan Anthony Sultana ta’ 26 sena li kien il-kantant tal-grupp u rhythm guitar li kellu u għad għandu vuċi sabiħa u dan l-aħħar erġajna rajnieh jimita lil Pavarotti fuq stazzjon televiżiv lokali, min jaf forsi jimla xi ftit mill-vojt hawn Malta li ħalla warajh dan il-ġenju tal-kant li miet ftit ilu. Il-Lead Guitarist u backing vocals tal-grupp kien Michael Portelli, kellna lil Christopher Camilleri mix-Xewkija bħala Base Guitar, u jien Charlie Cutajar id-drummer boy ta’ 15 il-sena. Kien hemm bejn wieħed u ieħor 10 snin differenza bejnietna l-membri iżda dan ma naqqas xejn la mill-għaqda ta’ bejnietna u wisq aktar mill-entużjażmu tal-grupp għax konna niftiehmu ħafna ma’ xulxin.
Għaliex għażiltu l-isem “The Geese”?
L-isem ħareġ meta darba waħda Michael Portelli, aktarx waqt ħin ta’ mistrieħ, kien fid-dar tiegħu ipinġi u għamel forma ta’ papra jew wiżża, bl-ingliz “Goose”. Dan l-isem daqq qampiena. Intlaqa’ tajjeb peress li kien isem mexxej u ħafif, b’kelma waħda u għal widnejn kien isem ġdid. Kulħadd jammira ħidmet il-wiżża li tgħix f’ambjent u atmosferi li tagħti kas tagħhom. Din it-tajra issebbaħ in-natura, tgħix fuq l-art u fil-baħar iżda fil-maltemp tittajjar fuq il-mewġ. Il-mużika wkoll lilna tpoġġina f’dak l-ambjent, u sservi ta’ mistrieħ fiżiku u mentali mill-problemi ta’ kuljum. Għalkemm il-mużika matul is-snin imxiet lejn diversi stili, xorta baqgħet ħajja għax din ma tmut qatt. Dak is-sabiħ tagħha fid-diversi aspetti tagħha…operistika, bandistika u kull ħaġa li tagħmel ħoss. Isma’ r-riħ, osserva qasba ċċaqċaq, mewġ jitfarrak mal-qilla tal-baħar jew sempliċiment żiffa f’widnejk. Dawn huma ħsejjes differenti li l-kompożituri joħolmu fihom u mbagħad jikkomponuhom fil-mużika tagħhom. Illum nafu li s-surmastrijiet il-kbar bħal Mozart u Beethoven dejjem ħarġu l-awqa xogħlijiet tagħhom minn xi post għall-kwiet fil-kampanja. Mużiċist jew bandist xi ftit jew wisq ikun iħobb l-ambjent u l-kampanja u allura jżewwaq id-daqq tiegħu bl-istorbju ta’ dak li joħlom u joħloq hu stess. Dak kien li ridna nagħmlu bit-twaqqif ta’ dan il-grupp ġdid għax konna nemnuh kollha kemm aħna…għalhekk Geese u ma’ ħallejniehx Goose. Jiddispjaċini li għal ħafna l-mużika hija meqjusa biss bħala storbju.
Kif tiddeskrivi l-ewwel snin ta’ dan il-Grupp?
Jien kont għadni ta’ ftit prattika fil-beats speċjalment ma’ grupp, minħabba li kont għadni żgħir u anke għax dak in-nhar ma kienx hawn tape recorders, cd’s, dvds tal-kant u x’naf jien, id-dinja kienet mod ieħor. Kont nisma’ u nsegwi r-rediffusion iżda mal-grupp kienet esperjenza oħra. Dan Sultana kellu reel to reel recorder, kien jirrekordja xi diski, u fl-appartament tiegħu kien jistudjahom, jiktibhom fuq karti tal-mużika li kien jixtri minn Malta minn għand Nani jew Carabott tal-Belt, u jġibhom miegħu biex jgħallimhom lilna. Imbagħad konna nqabblu l-mużika mad-daqq u niftakar anke meta konna nkunu waqt xi show u l-melodija ta’ xi kanzunetta ma kinitx tkun riprodotta perfetta minħabba li l-lead guitar kien għadu żgħir, l-leader kellu l-kapaċita’ li pront pront isaffarha mingħajr l-użu ta’ xi strument u difatti l-grupp The Geese baqa’ magħruf għalhekk ukoll.
Sur Cutajar fejn kienu l-ewwel impenji tagħkom?
L-ewwel darba li daqqejna flimkien kien fil-każin tal-Banda Mnarja fin-Nadur u ftit wara l-arċipriet ta’ dak in-nhar Portelli, kien stedinna biex indoqqu fil-pjazzetta ta’ wara l-Knisja Parrokkjali tan-Nadur waqt fiera b’risq il-festa. U minn hemmhekk dan l-arċipriet stedinna ukoll biex indoqqu waqt quddiesa li għal dak in-nhar din kienet meqjusa bħala xi ħaġa stramba li beatgroupsjakkumpanjaw quddiesa. Iżda irranġajna l-kliem għall-introjtu, l-offertorju u t-tqarbin. Din kienet okkażjoni speċjali għat-tfal ta’ l-istitut ta’ San Ġużepp f’GħajnSielem biex jiġbrulhom xi għajnuna u għamilniha fejn illum hemm l-istamperija Gozo Press li f’dawk iż-żminijiet kienu jsejħulha l-Orphan Press. Niftakar kien hemm ħafna tfal peress li dak n-nhar t-tfal kollha li kienu jitwieldu barra ż-żwieġ jew ġieli anke tfal imqarbin ħafna, normalment ġejjin minn familji kbar, kienu jitrabbew f’dan il-post. Konna daqqejnielhom u ferħu ħafna bina u wara sar party u min kien attenda, kulħadd offra donazzjoni ta’ madwar nofs lira jew tmintax irbiegħi, peress li dak in-nhar lanqas kien għad hawn iċ-ċenteżmi. Niftakar li konna ġbarnielhom madwar 30 lira li għal dak in-nhar kienet somma sostanzjali: ħmistax-il jum paga għal raġel tax-xogħol bil-familja, għax xi ħadd bħali ta’ dik l-eta’ kien jaqla’ biss żewġ liri fil-ġimgħa.
Kif wasaltu fuq l-Għolja taż-Żebbuġ?
Dik il-quddiesa t’GħajnSielem sema’ biha l-Arċipriet li kellkom Dun Alwiġ Vella, għax dawn jitkellmu bejniethom, imma dan ġietu l-ideja ta’ okkażjoni doppja billi tħajjar jagħmel quddiesa bina tas-Sibt fil-għaxija fil-knisja u wara nipprovdu show ukoll liż-żgħażagħ ġewwa iċ-Cirklu, iċ-Ċentru tal-lum u kienu ħadu ħafna pjaċir. Peress li kien hemm knisja nies tarana u tismagħna, bosta minnhom anzjani, imbagħad wara sibna kważi l-ġuvintur kollha ta’ dak iż-żmien jistennewna ħdejn iċ-Ċirklu biex jgħinuna ntellgħu l-apparat li kellna fis-sala u sibna sala mimlija ġuvintur u tfajliet. Kienet suċċess kbir għalina u għaż-Żebbuġin u wara dak in-nhar baqgħu jistednuna regolari kważi kull ħmistax għal madwar tliet snin. Minn naħa tagħna bħala għajnuna lill-knisja taż-Żebbuġ, lill-arċipriet konna neħdulu madwar sitt liri kull darba, nofs il-ħlas ta’ shows simili li konna nagħmlu fir-rħula oħrajn u dan ir-roħs serva ukoll biex stajna niġu regolari hemmhekk. Bis-saħħa t’hekk bdejna wkoll indoqqu f’xi tiġijiet hemmhekk u anke f’xi okkażjonijiet fid-dar tal-patrijiet ta’ San Pawl li kienet għadha kif infetħet. “Konna żewwiġna nofs iż-Żebbuġ kemm domna niġu!!!” Niftakar żewġ tiġijiet ta’ Joe u ħuħ Ġanni Attard ta’ Muħa. Niftakar dawn peress li l-irġiel kienu aħwa u t-tnejn miżżewġin hemm fuq. Joe kellu karozza Consul, xi ħaġa lussuża għal dak in-nhar, u nhar ta’ Ħadd kien jiġi jdawwarna hu, u… arana u tmissniex… minħabba li fil-karozza tiegħu kellu lill-grupp The Geese, u t-tfajliet arahom iħarsu lejna!!!
Ir-raħal taż-Żebbuġ kemm kien influwenti fuq irħula oħrajn minħabba l-mużika tagħkom?
Bla tlaqlieq ngħidlek li s-suċċess tal-grupp The Geese huwa dovut lill-Arċipriet Vella taż-Żebbuġ u ħuħ Dun Ġorġ man-nepputi tagħhom li aktar tard imbagħad sar qassis bħalhom. Dawn kienu jieħdu ħsiebna u qatt ma ħallewna ngergru għax qatt ma naqsuna minn xejn. Meta konna naslu hemm fuq konna nistħajluna l-Beatles għax in-nies ukoll kienu jgħatuna merħba xierqa. Wara hemmhekk konna bdejna fir-raħal ta’ Sannat minħabba li kien hemm wieħed mistieden f’tieġ iż-Żebbuġ u ltaqa’ ma’ waħda Josephine minn hemm fuq u stednuna ndoqqulhom fit-tieġ tagħhom. U wara dak it-tieġ bdew jistidnuna fid-dances f’ta’ Sannat ukoll. Darba waħda waqt li konna ndoqqu hemmhekk kien hemm xi ħadd mill-Qala li kien ġie jarana, u tant ħa gost li xorob iż-żejjed. Wara li spiċċajna, fi triqatna lejn id-dar narawh imwaħħal f’siġra mad-dawra taċ-ċimiterju. Dan kellu karozza Mini Minor mibdula fi trakk żgħir, u kif wasalna ħdejħ waqafna biex ngħinuh iżda qalilna biex ma ninkwetawx peress li tant kien stordut li raqad u ried jibqa’ jistrieħ. Aħna morna fl-għassa tal-pulizija tax-Xewkija u rrapurtajna biex jagħtuh l-għajnuna li kellu bżonn la ma riedx lilna. Ma kontx ser tħallih hemmhekk u lanqas ridna li l-ferħ tal-grupp tagħna jispiċċa fi traġedja. Komplejna ndoqqu ġewwa Sannat, iż-Żebbuġ, fin-Nadur u f’Għ’Sielem. Fix-Xewkija konna ngħamlulhom id-dances fl-iskola n-naħa ta’ fejn illum hemm l-MCAST il-ġdid.
X’kienet il-moda fl-ilbies ta’ dak in-nhar?
Jekk tara ritratt tagħna f’dawk iż-żminijiet, tinduna li kienet moda ta’ ħwejjeġ iffjuriti, bell-bottom u hekk. Illum kważi kważi reġgħu ġew moda. Aħna f’dawk iż-żminijiet ilħaqna kemm kemm il-perjodu tal-‘Kiss Me Quick’ jiġifieri bix-xagħar lura bin-nokklu fin-nofs u għaddejna għall-perjodu tal-‘Hippie Style’ tax-xagħar twil. Ara jekk nitkellem fuqi nnifsi, dak in-nhar kont nagħmel xagħri lura u mbagħad bdilna. Innota ukoll lill-membri l-oħra tal-grupp f’dak ir-ritratt Anthony u Chris jidhru bix-xagħar lura filwaqt li Michael u jien qegħdin bix-xagħar twil. Jiġifieri nofs u nofs u l-grupp tagħna għadda mir-rivoluzzjoni tas-Sebgħinijiet li għexnija flimkien. Insomma mbagħad waslu l-Beatles, kollha bix-xagħar twil u kien dan il-grupp li biddel il-moda għax-xagħar twil. Ir-raħal tagħkom kellu wkoll l-istil tagħhom fil-moda tal-ħwejjeġ bħal ftit irħula oħrajn fosthom ix-Xewkija. Iż-żgħażagħ tagħkom kellhom ix-xagħar lura u kienu jilbsu qliezet dojoq ħafna sa kemm kemm il-fuq mill-għaksa ta’ saqajhom.
U x’kien ix-xorb favorit taż-żgħażagħ?
Kienu jixorbu l-aktar birra u whisky, u għalkemm ma kellhomx ħafna flus f’idejhom kienu jafu jiddevertu. Dak iż-żmien il-moda ta’ dawn id-dances kienet nhar ta’ Ħadd mhux is-Sibt u aħna xħin konna naslu hemmhekk konna narmaw bil-lest u sa xħin tispiċċa l-quddiesa konna naħarbu sal-ħanut ta’ Zanza fuq in-naħa ta’ wara tal-knisja, nixorbu xi flixkun birra, nieklu l-gallett bil-ġobon u noqgħodu nitkellmu magħha. Xi ħaġa li għadni niftakar kienet li ġieli kien jiġi xi ħadd għandha biex iċempel telefown peress li fiż-Żebbuġ mingħalija telefowns kien hemm ftit ħafna fosthom għand l-arċipriet, għand waħda nissieġa, l-għassa tal-pulizija u din Zanza. Imbagħad miċ-Ċirklu konna nixorbu ukoll għax l-arċipriet jew ħuħ Dun Ġorġ kien jofrilna, żgur. Waqt l-interval konna ninżlu isfel nixorbu xi ħaġa għax kien hemm kamra bit-tieqa li serviet ta’ ħanut. Konna nibdew madwar il-5.30 għal sat-8.30 ta’ fil-għaxija.
X’pubbliċita minn qabel kienet tingħata lil dawn id-dances?
Minn madwar ġimgħa qabel kien javviċinana Charlie Saliba, llum Sindku tar-raħal u kien hemm blackboard li kien idendlu mal-gallerija taċ-Centru Parrokkjali bid-data ta’ meta nkunu ħa niġu. Kien jieħu ħsiebu hu billi kien jikteb l-avviż u jħabbar l-avveniment u jpinġi b’ħafna ġibs tal-kulur u Dun Ġorġ ħu l-arċipriet kien iġib avvizi fil-bullettin, (mingħalija dan il-bullettin kien għadu kemm beda jitqassam fid-djar). Dan kien iħalli effett għax ir-raħal huwa żgħir u matul il-ġimgħa ġieli kont niltaqa’ ma’ xi Żebbuġin u kienu jistaqsuni mill-ewwel “ tan-Nadur intom ġejjin hux il-Ħadd?”
X’tip ta’ trasport kontu tużaw biex tiġu r-raħal?
Fil-bidu konna nitilgħu bil-karozza li kellu Sultana, Wolsley antika, armata bil-carrier fuq is-saqaf u kienet titgħabba sa ruħ ommha bl-apparat u bina lkoll. Ftit wara beda jiġi għalina n-nepputi tal-arċipriet Dun Salv Tabone bil-vann tagħhom, mingħalija Austin Cambridge bluna. Kien hemm xi żgħażagħ li kienu jirkbu f’dan il-vann u jinżlu magħna min-Nadur sar-Rabat u oħrajn li jibqgħu ġejjin. Konna ngħattu l-windscreen ta’ wara bl-apparat u tlieta minna jidħlu ma’ ġenbu. Dun Salv ma kienx jieħu gost ngħabbu l-vann b’dak il-mod minħabba li t-toroq kienu ħżiena iżda billi l-karozza kien fiha mera waħda biss ma kienx ikun jista’ jara fuq wara. Allura sebgħa jew aktar kienu jixxabbtu fuq il-bieba u povru vann! Kien jgħidilna li l-vann m’għadux jiġbed bħal qabel u x’ħin konna naslu ħdejn id-dar ta’ l-arċipriet ftit minnhom kienu pront jaqbżu minn fuqu biex ma jinqabdux u jinżlu sal-pjazza taparsi ġejjin bil-mixi. Affarijiet ta’ tfal li konna. Iż-żminijiet għalina kienu qed jitbiddlu u kien hemm għatx għal dawn id-dances għax kienu bdew jiġu żgħażagħ minn irħula oħrajn. Kont tara l-pjazza mimlija karozzi ta’ dak iż-żmien…Triumph, Anglia, xi Consul u Minis. L-għassa tal-pulizija kienet tkun miftuħa u min kien ikun xogħol hemm kien jieħu r-ruħ għax kien ikollu entertainment li sa dak iż-żmien ma kienx igawdi bħalu fl-irħula kollha.
Min kienu l-kompetituri tagħkom f’dawk iż-żminijiet?
F’Malta kien dejjem xorta oħra u kien hemm il-Malta Bums ta’ Viva Malta, u anke kantawturi solisti kbar ħafna li b’dispjaċir illum nafu li minnhom fadal biss Freddie Portelli. Dawn kollha kienu jinżlu Għawdex ikantaw u jdoqqu. F’Għawdex kellna lit-Tramps u The Joyboys, u għalkemm aħna konna l-grupp iż-żgħir, kienu jistidnuna f’ħafna tiġijiet avolja konna għadna m’aħniex armati kif suppost iżda konna grupp ġdid u kif spjegajtlek konna għadna żgħażagħ aktar miż-żewġ gruppi l-oħra. In-nies bdiet tfittex lit-Tramps għall-mużika qawwija, il-Joyboys bi stil ta’ mużika adattata għat-tiġijiet u aħna l-Geese kellna ftit minn kollox. Biss l-aktar li konna ngħafsu kienu kanzunetti tal-mument bħal tal-Creedence Clearwater Revival, Lucio Battisti, l-Arka di Noe, Formola Tre u oħrajn li kienu fil-Hit Parade.
L-ammiraturi tagħkom ma’ min kienu jassoċjaw il-mużika tagħkom?
Ħa ngħidlek din ukoll ara…il-vokalista tal-grupp tagħna kellu leħnu jixbaħ ħafna lil ta’ Tom Jones u dak in-nhar il-kanzunetti tiegħu kienu popolari ħafna. Kienu ż-żminijiet tal-Beatles u aħna komplejna naġġornaw ruħna u nkantaw bħalhom u bħal Rolling Stones għax l-era tar-Rock kif nafuha llum kienet għadha ma daħlitx hawn jiġifieri gruppi bħal Deep Purple, Black Sabbath u oħrajn. Dawn kienu l-kanzunetti li riedu jisimgħu ż-Żebbuġin meta llum jiżfnu għall-mużika storbjuża, mużika Popeċċ. Kienu żminijiet fejn ir-Rock ‘N’ Roll kien qed jinbidel b’mod mgħaġġel bħalma l-mużika Country tal-lum m’għadhiex bħal ta’ Johny Cash tal-antik għax illum kulħadd jaf li r-Rock daħal f’kull kwalita’ ta’ mużika.
F’dik l-eta’ ż-żgħażagħ joħolqu ‘l-ambjenti tagħhom’! Tiftakar mumenti partikolari?
Waqt iż-żfin l-arċipriet kien iwissina biex ma ndoqqux diski baxxi (slow music) biex iż-żgħażagħ ma jersqux lejn xulxin ħafna jew jitgħannqu flimkien. Kienet mentalita’ oħra, żminijiet differenti u tinsiex ukoll li dawn kienu l-kap tal-Knisja t’hemm hekk. Fl-intervall xi żgħażagħ ma kienux jinżlu magħna biex jibqgħu fis-sala matul il-ftit ħin ta’ mistrieħ ta’ madwar nofs siegħa. F’dik l-eta’ ħafna kienu jfittxu l-ewwel imħabba tagħhom u kienu jibqgħu hemm fuq skartati għal ftit kwiet. Kien hemm żgħażagħ oħrajn li kienu jistennew lill-arċipriet jew lil ħuħ jinżlu isfel u dak il-ħin jibdew jgħajtu biex indoqqulhom waħda slowu laħaq ġie fuqna għallarrieda. Kien jixgħel id-dawl tas-sala fuqna u jkollok tibdel r-ritmu għal diski fast.
Dawn kienu dances fis-sala tal-arċipriet! għadek tiftakar xi avventuri personali?
Kulħadd b’xi delizzju fil-ħajja! Min bħali u bħalek tal-mużika, min tal-għasafar, min tal-karozzi u elf ħaġa oħra. Konna żgħażagħ u allura t-tentazzjoni li nittantaw lil xulxin kienet dejjem hemm. Konxju ta’ dan kien Dun Ġorġ Vella, ħu l-Arċipriet Dun Alwiġ, li allura kien jitlobna biex waqt l-intervall ma nibqgħux fis-sala. Fil-bidu hekk konna nagħmlu iżda imbagħad bdejna nnemmsu xi ftit aħna ukoll u nkunu qrib ma’ dik u mal-oħra u konna nibqgħu hemm fuq. Darba waħda jien u sieħbi konna qegħdin nitkellmu ma’ żewġ tfajliet fis-sala u wieħed mit-tnejn l-oħra tal-grupp niżel jinnamra ma’ waħda minn hemmhekk fit-taraġ tal-kantina li hemm wara l-palk u seħibna l-ieħor jinnamra m’oħra wara l-kwinti fuq il-palk. Meta ma raniex hemm isfel ħdejn il-ħanut dan Dun Ġorġ xamm xi ħaġa u tela’ b’ġirja fuq u ħakem lil Peter fit-taraġ u lil ħija Lorrie wara l-kwinti u ġibidhom mix-xagħar ‘l barra minn fuq il-palk għal ġos-sala. Kien regħexna, forsi liż-żewġ tfajliet aktar milli lilna għaliex xegħel id-dawl kollu tas-sala u kulħadd beda jħares lejhom u saret storja. Imsieken huma li saru ħomor nar. Wara dak in-nhar komplejna niltaqgħu ma’ tfajliet oħrajn imma mhux fiċ-Centru…ftit passi lejn tarf ir-raħal. Ilħaqna tlajna bir-rota biex niltaqgħu magħhom anke meta ma’ kienx imissna ndoqqu.
Ma nemminx li ma tiftakarx min kienu dawn it-tfajliet…
Ġorġ tinsiex li aħna konna għadna tfal u l-anqas huma tamparek. Kien hemm Ġuża, Marija u Cikka. Imbagħad f’Għawdex beda jkun hemm xarabank li titlaq mill-pjazza ta’ kull raħal nhar ta’ Ħadd filgħaxija u magħhom bdejna niltaqgħu waqt xi danceġewwa l-Aurora jew ġewwa l-Astra meta ma kienx ikollna d-daqq. Miż-Żebbuġ għadni niftakar ħafna wċuħ u jien għalihom għadni – “tan-Nadur”. Kien hemm ċertu wieħed Toni bil-beritta li kien iħobbni ħafna u kien jgħajjatli “the music boy”. Dan ma kienx żagħżugħ iżda kien jiġi jismagħna xorta. It-taraġ tas-sala kien ikun mimli bin-nies ftit aktar anzjani wħud minnhom ġenituri ta’ dawk iż-żgħażagħ li kien ikun hemm fis-sala. Kien żmien ta’ ċertu dieqa għal dawn l-ommijiet minħabba il-progress mgħaġġel li d-dinja kienet għaddejja minnu. Kont tibża’ hux speċjalment jekk kien ikollok tifla, mhux bħallum.
Il-kuntatti bejnietkom kif kienu jsiru cioe` l-appuntamenti ?
Kien kollox f’idejn il-leader Sultana iżda meta beda jaħdem Malta ġo stamperija għal ġimgħa sħiħa naturalment beda jnaqqas ż-żjajjar tiegħu f’Għawdex u l-unika diffikulta li kellna kienet li dan kien jillimita l-ħin tagħna flimkien waqt il-provi għax bdejna niltaqgħu biss is-Sibt u l-Ħadd. Fl-assenza tiegħu l-kuntatti man-nies kont nagħmilhom jien iżda konna niddiskutu kollox bit-telefon jew dritt meta niltaqgħu u mxejna ħarir. Jien kont nipprova fuq id-drums iżda konna nħossuna ħafna aħjar meta jkun magħna…għax magħqudin u minkejja dan iżda bqajna flimkien. Min-naħa l-oħra il-kuntatt miegħi kien isir b’telefonata fl-għassa tal-Pulizija tan-Nadur. Issa isma’ din ara…kien għad m’hawnx it-telefowns u l-mowbajls tal-lum u jien kont noqgħod maz-zija Marija li kellha d-dar tagħha maġenb l-Arċipriet Portelli u ħuh Dun Martin. Peress li Sultana kien ikun Malta kien jiġi l-Pulizija d-dar biex javżana u fl-aħħar dan Dun Martin għelbitu l-kurżita u ġie jistaqsi liz-zija minħabba dawn iż-żjarat spissi tal-Pulizija għax ħaseb li jien kont qed ninkwieta liz-zija Marija, taf int, iż-żgħażagħ kif jgħamlu. Din spjegatlu x’kien għaddej u allura avżajna lill-Arċipriet tagħkom biex ma jċempilx aktar l-għassa u jibda jċempel għand l-Arċipriet u allura r-risposti minflok Pulizija beda jiġi bihom qassis…l-Arċipriet jew ħuh Dun Martin.
Kif tiftakarha l-aħħar performance tagħkom?
Jiddispjaċini li l-Geese kellu ħajja daqshekk qasira, iżda kien żmien sabiħ ħafna għalina, ħafna. Għal xi żmien il-grupp baqa’ wieqaf minħabba fija peress li jien biss kien fadal minn tal-bidu. Meta telaq Michael Portelli daħal floku ħija Lorrie, għax dan Portelli kien ipprova jagħmel grupp ġdid u stieden anke lili mmur miegħu imma jien bqajt nammira lill-leader tal-grupp Tony Sultana. Kien bis-saħħa tiegħu li tgħallimt ħafna u ma xtaqtx inwarrbu sempliċiment għax żdiedlu x-xogħol ġewwa Malta. Iżda fl-aħħar tasal ta’ kulħadd u kellna l-aħħar stedina mill-każin tal-Istilla fil-Kanival tal-1973 u għamilna l-aħħar daqq tagħna bħala The Geese ġewwa l-Astra. Niftakar kienu neħħew is-siġġijiet tas-sala min-nofs u kellna tlett ijiem daqq non stop. Kienet sala imballata sa ruħ ommha u ara ma tieqafx iddoqq għax kienu jgarawk bis-soldi u bil-ħabbiet.
U illum? tixtieq li xi darba tagħmlu re-union?
Il-membri fundaturi għadhom kollha ħajjin, u għalkemm Michael Portelli illum jgħix fil-Canada, iva nixtieq ħafna li xi darba nagħmlu re-union kbira imqar għal darba. Jien kburi ukoll li dan il-grupp kien il-bidu ta’ beat groups oħra fn-Nadur… bdejna bil-Fredstones, minnu ħareġ ir-Rubber Soul, imbgħad Spider Trash Band li għamlu ħafna xogħol f’Malta u wara li spiċċaw il-membri li kienu min-Nadur, kienu ġew għalija tar-Ride On u bqajt indoqq magħhom sas-sena 1990. Minn dak in-nhar sal-llum għandna ndoqqu taħt l-isem Loose Ends, grupp li nieħu ħsiebu jien, hemm ħija Lorry fuq il-Base Guitar, Raymond Galea (kantant u kitarrist), John Pace mix-Xewkija lead guitar u kantant u jien Backing Vocal fuq id-Drum Kit. Bħala grupp Loose Ends ġejna darba biss indoqqu fiż-Żebbuġ meta ftit tas-snin ilu Patrick il-Ħanfusa kien tela’ fil-Kunsill Lokali tar-Rabat u għamlulu festa kważi f’kull raħal.
X’tiftakar meta tħares lura lejn iż-Żebbuġ ta’ dak in-nhar?
Eh dan kien raħal żgħir maqtugħ mill-bqija u mhux popolizzat. Madanakollu kellu ~entru Parrokkjali ġdid b’sala sabiħa u apprezzabbli u dejjem għaddejha b’serati ta’ dances, tiġijiet u tombli, insomma fund raising għall-parroċċa. Dak kien l-iskop prinċipali ta’ dak kollu li kien isir hemmhekk dak in-nhar, għax ma kienx hemm tan-nar, tal-armar, tal-banda, tal-futbol insomma ma nafx liema għaqdiet hemm aktar. Kellna tliet snin li bla ftaħir ngħidlek li kienu l-isbaħ tagħna. Dan kien il-perjodu li għamilna magħkom fiż-Żebbuġ. Dan ir-raħal kien il-manna tagħna u konna nħossuna ferm at home. In-nies t’hemmhekk ma kinux jippretendu ħafna għax is-sala ma kienx fiha arja kundizzjonata u l-apparat li kellna kien limitat, iżda kienu biżżejjed biex iġiegħlu lil dawk quddiemna jidħlu fl-atmosfera taż-żfin. Konna sirna popolari ħafna hemm hekk u kienu jistennew l-appuntamenti tagħna bil-ħerqa. Konna niġu fix-xhur tax-xitwa u kif ġa spjegajt allaħares l-leader tagħna kien jinqabad Malta minħabba li ma kienx jaħdem il-vapur u nħassru ix-show, għax kienu jiġġennu. Meta ġara hekk kien ikollna niġu l-Ħadd ta’ wara jekk ma kienx ikollna xi servizz x’imkien ieħor. Il-grupp The Geese veru li twieled in-Nadur iżda għex fiż-Żebbuġ-Għawdex…
Minn aktar riċerka sirna nafu li fiż-Żebbuġ il-grupp The Geese kellu 15 il-appuntament mifruxin fuq perjodu ta’ tliet snin kif spjegati b’dawn id-dati:
04 ta’ Ottubru 1969,
25 ta’ Ottubru 1969,
22 ta’ Novembru 1969,
27 ta’ Diċembru 1969,
31 ta’ Jannar 1970,
20 ta’ Frar 1970,
21 ta’ Frar 1970,
11 ta’ April 1970,
16 ta’ Mejju 1970,
02 ta’ Diċembru 1970,
26 ta’ Diċembru 1970,
09 ta’ Jannar 1971,
23 ta’ Jannar 1971,
20 ta’ Frar 1971,
05 ta’ Marzu 1971.
Dawn kienu żminijiet oħrajn, u minħabba raġunijiet ovvji, fosthom stili ta’ ħajja u gosti differenti anke bejn l-istess membri tal-grupp, kienet xi ħaġa tabilħaqq rari li jitwaqqaf xi tip ta’ beatgroup ta’ dan il-livell. Is-suċċess ta’ dan il-grupp issa nafuħ ilkoll u t-talenti ta’ dawn l-erba’ żgħażagħ kienu opportunita’ li gawdejna minnha lkoll grazzi għal l-interpretazzjoni brillanti tagħhom b’ kanzunetti u melodiji popolari ta’ dawk iż-żminijiet. Illum ftit huma dawk li jippruvaw jifhmu u japprezzaw l-isforzi li jkunu meħtieġa biex jitwaqqaf grupp ta’ nies u jaħdmu flimkien. Ħafna drabi l-ħin li jgħaddu ma’ xulxin f’dawn il-laqgħat ikun ferm aktar minn dak li jgħatu lilhom infushom u lill-familji tagħhom. Dan huwa s-sagrifiċċju li jgħamel volontarjat f’saħħtu w indirettament din il-ħidma tkun qed tgħin jinbnew familji soċjali u moralment sodi. F’pajjiżna il-volontarjat jibqa l-perm prinċipali tal-kultura tagħna u dan għandu jiġi l-ħin kollu nkoraġġit u fuq kollox indukrat.
George J. Cefai
Il-Ġimgħa 01 ta’ Mejju 2009.