Minn disinn ġol-lanterna tal-koppla tal-knisja għal… ARKIVJU MUŻIKALI…Ħolma artiġġjanali ġewwa l-Każin!
Il-Ħsieb li jsir arkivju mużikali kien ilu jberren fost dawk viċin ħafna tas-Soċjeta Filarmonika Santa Marija. Fil-fatt, għas-Sur Leli Cini, l-moħħ wara din l-opra maestuża, l-ispirazzjoni għad-disinn ta’ dan l-arkivju ġiet miksuba waqt xogħol ta’ restawr ġol- lanterna tal-koppla tal-knisja hawn fiż-Żebbug. Kien propju ġo din l-lanterna li tħażżeż l-ewwel disinn għal din l-opra maestuża. Dan id-disinn għal bosta xhur baqa biss ħolma ddisinjata fuq ġebla ġewwa l-anterna tal-knisja tagħna fejn ftit kienu l-persuni li kienu jafu bih u li ftit li xejn kien qatt għaddielhom minn moħħhom li opra bħal dik għad timmaterjalizza ruħha fil-futur vicin.
Kien lura fix-xhur sajfin tas-sena 2014, fejn wara li fis-sena preċedenti kellna x-xorti li ngħixu l-inawgurazzjoni tal-Każin tagħna, beda jinbet il-ħsieb bejn diversi membri tal-Kumitat Eżekuttiv li ġewwa l-Każin tagħna jkollna arkivju mużikali, opra li hija is-simbolu ta’ kull każin u Soċjeta’ mużikali. Ma tantx għadda żmien, u dik li xi darba kienet idea nbidlet f’determinazzjoni biex din ssir realta’. Konxji mill-fatt li kien impossibli għar-raħal tagħna li jsostni opra li tiswa eluf kbar ta’ ewro, anke fid-dawl li fil-parroċċa għaddejjin wkoll diversi proġetti oħra; ħsibna kif nistgħu nħarsu lil l’hinn u nisfruttaw skemi ta’ fondi li jkopru dawn it-tip ta’ proġetti, avolja konxji li l-kompetizzjoni għal fondi tkun ħarxa. Iżda aktar ma tkun kbira l-isfida, aktar tikber id-determinazzjoni tagħna u kien għalhekk li wara ġimgħat u iljieli twal ta’ ħidma minn wara l-kwinti, tlestiet u ġiet ippreżentata applikazzjoni dettaljata biex il-banda tagħna tkun tista tikkwalifika għal fondi meħtieġa biex eventwalment isir dan l-Arkivju Mużikali.
Minn hemm bdejna r-ritmu amministrattiv, b’diversi laqgħat ġewwa Malta, fejn segwejna mill-qrib il-progress li kien qed isir fuq l-applikazzjoni sottomessa. Kien żmien ta’ taqtigħ il-qalb, iżda konvinti li xi darba jew oħra naslu! U hekk kien! Għax wara ftit tax-xhur, eżattament f’Marzu tas-sena 2015, il-Kumitat irċieva l-aħbar ferm sabiħa li s-Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija rebħet il-fondi għal dan il-proġett hekk ambizzjuż!
Bħal kull proġett ieħor, l-ewwel deċiżjoni tal-Kumitat riedet tkun rigward diżinjatur li mhux biss kellu joħrog id-disinn, iżda ried isegwi x-xogħol kollu u jwasslu sat-tmiem. L-għażla kienet waħda awtomatika, bil-Kumitat Eżekuttiv immedjatament iddelega x-xogħol ta’ disinn kif wkoll superviżjoni tal-proġett lis-Sur Leli Ċini. Id-disinn uffiċċjali kien varat waqt l-Kunċert Assumptafest tal-istess sena, jiġifieri f’Awwisu 2015 biex imbgħad ġie eventwalemnt approvat fil-Laqgħa Generali sussegwenti, fi Frar 2016.
Wara li ġie approvat d-disinn fil-Laqgħa Ġenerali, kien imiss li jibda l-proċess attwali għat-twettiq ta’ din il-ħolma. Immedjatament bdejna b’sensiela ta’ kuntatti u deċizzjonijiet importanti, fosthom it-tip tal-injam li ser jintuża, l-ikkumissjonar tax-xogħol u t-tul ta’ żmien meħtieġ biex jitlesta dan il-proġett. Dan kollu, filwaqt li fl-istess ħin il-kumitat kien marbut josserva l-obligazzjonijiet u l-linji gwida tal-iskema li minnha kkwalifikajna għal fondi. Għalkemm vera li konna irbaħna l-fondi, xorta baqa il-fatt li il-proġett kien wieħed ambizzjuz, u għaldaqstant il-fondi kienu limitati biex jitlesta x-xogħol kollu f’daqqa. Infatti, kontra qalbna il-ħsieb kien li l-iskultura ssir aktar il-quddiem peress li l-fondi mirbuħa ma kienux ikopru l-ispejjeż tat-tinqix, bil-kumitat iżomm mall-pożizzjoni tiegħu li proġetti ġodda isiru biss jekk ikunu koperti minn skemi ta’ fondi mirbuħa. Din id-deċiżjoni ttieħdet fid-dawl li l-Kumitat għaddej wkoll bl-isforzi tiegħu biex jitħallas id-dejn marbut mall-kostruzzjoni tal-Kazin.
Pero’, frott il-qalb kbira u ġeneruża, dan il-proġett ħa svolta ġdida meta aktar tard fl-ewwel nofs tas-sena 2016, persuna esprimiet ix-xewqa li t/jikkummissjona t-tinqix kollu tal-arkivju kif wkoll t-tagħmir tal-kamra tal-kumitat. Dan fisser l-akbar proġett ikkummissjonat totalment minn benefattur/benefattriċi fl-istorja tas-Soċjeta’, fejn issa minbarra t-tinqix kollhu tal-arkivju, dan il-proġett ser jinkludi fost oħrajn, niċċa kompluta għall-istatwa ta’ Kristu Rxoxt, coving/soffit b’dawl professjonali fil-kamra tal-arkivju kif wkoll mejda/vetrina fil-kamra tal-kumitat lil tikkumplimenta dan l-istess arkivju mużikali.
Dan kollu biddel d-dimensjoni tal-proġett, bil-kumitat issa kellu jmur lura u jagħmel programm ġdid, b’realta ġdida u sabiħa li ssa nistgħu nlestu b’mod komplut l-Arkivju kif ukoll nattrezzaw kif jixraq il-post fejn ser jitpoġġa l-arkivju. Dan għalkemm fisser aktar xogħol u ħidma, il-kumitat ħataf din l-opportunita, anke fl-isfond li fl-istess żmien il-kumitat kien għaddej bi proġett ieħor ambizzjuz, dak tas-sala prinċipali tal-Każin. Min hawn inkunu qed nonqsu jekk minn qalbna ma nirringrazzjawx lil din il-persuna li għoġobha tikkummissjona il-kamra tal-kumitat. M’hemmx kliem biżżejjed t’apprezzament lejn din il-persuna, li wkoll fuq xewqa tagħha għażlet li tibqa anonima.
Fuq parir tas-Sur Leli Cini, ġie deċiż li l-injam li jintuża ikun tal-ġewż tat-tip Amerikan, mfittex ħafna għas-sbuħija tiegħu. Kien imiss imbgħad l-għażla kruċjali għall-iskultur. Hawn wieħed irid jistqarr li din kienet parti diffiċli fil-proċess tal-Arkivju. F’Malta, din is-sengħa naqset ħafna u ma tantx fadal min għadu jnaqqax fl-injam. Mill-ewwel ġurnata ta’ dan il-proġett, il-kumitat kien insista li l-kwalita` tax-xogħol għandha dejjem tiġi l-ewwel u qabel kollox. F’diskussjoni li kellna mad-disinjatur Leli Cini, ġie deċiż li l-iskultur għandu jintgħażel mis-Sur Cini stess. Kien hemm diversi raġunijiet wara din id-deċiżjoni, l-aktar waħda fundamentali tkun li d-disinjatur ried li jkun konvint li l-iskultur ser ikun kapaċi joħroġ id-disinn tiegħu mnaqqax fl-injam. Wara ftit stħarriġ, is-Sur Cini ippropona lis-Sur Vincent Parnis mill-Mellieħa, bħala l-iskultur għall-Arkivju. Parnis għandu profil twil ta’ xogħolijiet ta’ skultura f’diversi parroċċi f’Malta, minbarra li ħadem wkoll f’diversi proġetti mas-Sur Cini.
Kien f’Mejju tal-2016, meta Parnis ta l-ewwel daqqa bl-iskalpell u hekk nbeda x-xogħol fuq l-ornat tan-naħa t’isfel tal-panewijiet, bix-xogħol jkompli fuq il-kapitelli. Fl-istess ħin, għadd ta’ voluntiera kienu għaddejjin b’diversi xogħlijiet fuq il-kamra tal-kumitat. Illum, wara xhur sħaħ ta’ ħidma, kif wieħed jidħol fil-kamra, mill-ewwel ser iħares lejn soffitt il-ġmiel tiegħu, xogħol fil-gypsum fuq disinn ta’ Leli Cini u xogħol tas-Sur Joseph Saliba. L-art hija tal-irħam impurtat apposta mill-Italja xogħol tas-Sur Paul Saliba. Id-dettalji ma jonqsux, fejn wara diversi żjarat fi stabilimenti ġewwa Malta, b’mod mirqum intgħażel id-drapp għal sett purtieri, maħduma b’sengħa minn Natalie Cini.
Il-Kumitat eżekuttiv bl-għajnuna ta’ dawk kollha involuti, fosthom l-imsemmija voluntiera, konna determinati li dak li nagħmlu jsir b’mod professjonali u li bl-ebda mod ma kien ser jiġi permess xi forma ta’ dilettantiżmu. Kien għalhekk li dħalna fid-dettal anke fuq il-kaxxi li issa sabu posthom ġewwa l-arkivju mużikali, kaxxi li ser ikunu qed jgħożżu fihom il-mużika kollha propjeta’ tal-banda tagħna. Nonqos jekk ma nsemmix li anke dawn il-kaxxi kienu jirrikjedu ċertu xogħol li ma jsirx kif ġieb u laħaq, speċjalment il-faċċata tagħhom li fi spazju relattivament żgħir, toħroġ estetika ta’ l-ogħla kwalita`. Dawn il-kaxxi inksew bil-ġild, kulur blu li huwa l-kulur tas-Soċjeta` tagħna, u bl-arma tal-Banda flimkien man-numru rispettiv stampat fil-faċċata. Dawn, minnhom infushom, huma wkoll opra ta’ arti. Hawn nixtieq insellem lil diversi benefatturi li kienu t’għajnuna u laqgħu s-sejħa tagħna meta ħarġet l-iskema marbuta ma’ dawn l-istess kaxxi.
L-aħħar stadju kien meta waslet il-mejda-vetrina li kompliet għammret din il-kamra tal-kumitat, liema mejda-vetrina ser tkun qed tħaddan ġewwa fiha diversi oġġetti li jfakkru diversi stadji tal-istorja tas-Soċjeta’ Filarmonika Santa Marija. Din il-kamra llum tinsab lesta minn kollox u ssarfet f’post l-ġmiel tiegħu li jagħmel unur mhux biss lill-każin tagħna iżda ġieħ lir-raħal tagħna.
Kienu xhur sħaħ ta’ xogħol, il-maġġoranza volontarja biex issa dak li xi darba kien ħsieb, issa saret realta’ akbar milli qatt bsarna! Iċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni tal-Arkivju Mużikali u l-Kamra tal-Kumitat ser issir waqt programm mużikali u strumentali Assumptafest nhar l-Erbgħa 16 t’Awwissu 2017, quddiem il-każin tal-Banda, fejn matul l-istess kunċert ser jindaqqu diversi biċċiet mużikali li ġew akkwistati matul l-istorja tal-banda tagħna.
Mill-lum il-quddiem, hekk kif wkoll din is-sena infakkru l-għoxrin sena anniversarju minn meta ġiet inawgurata l-Banda Santa Marija; r-raħal tagħna ser ikun qed jgħożż realta’ ġdida, dik li ġewwa l-każin ġawhra tagħna, issa għadna wkoll l-Arkivju Maestuż!