Kien fil-Laqgħa Ġenerali tal-2017 li l-Kumitat Eżekuttiv ħareġ l-aħbar li se jibda x-xogħol fuq proġett ġdid, proġett tat-taraġ prinċipali tal-Każin, taħt id-direzzjoni u superviżjoni tas-Sur Emmanuel Cini.
L-IRĦAM
L-irħam inħadem minn Paul Saliba u Alfred Saliba taħt is-superviżjoni tas-Sur Emmanuel Cini. Wara hafna kuntatti biex jinstab l-aqwa u l-aħjar irħam għat-taraġ tal-Każin, Paul, Alfred u Emmanuel telgħu l-Italja u sabu rħam bajdani bil-vina griża tat-tip Carrara ġewwa barriera. L-irħam inġab mill-Italja u x-xogħol beda minnufih.
Grazzi kbira tmur lil diversi benefatturi u voluntiera, b’mod partikolari lil Nicholas u Ritienne Cini li kkummissjonaw nofs l-ispejjes tal-irħam. Grazzi lil Paul Saliba tax-xogħol li għamel biex tlesta dan it-taraġ!
IL-ĦADID TAT-TARAĠ
Il-Hadid tat-Taraġ [disinn tas-Sur Leli Cini] inħadem mill-ħaddied Mikiel Scerri (il-Muzzan) u t-tfal tiegħu David u Patrick, xogħol li sar kollu bl-idejn, bl-użu tal-forġa u b’teknika artiġjanali. Il-ħadid li intuża kien tat-tlett kwarti ta’ pulzier ħxuna u inħadem b’mod sħiħ, dettal li jagħmel lil dan il-proġett aktar diffiċli biex inħadem, uniku u prezzjuż. Il-ħadid tat-taraġ tlesta u twaħħal fil-post nhar il-Erbgha 18 ta’ Settembru 2019.